Language of document : ECLI:EU:F:2015:157

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GHAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

17 ta’ Diċembru 2015

Kawża F‑134/14

T

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Sigurtà soċjali – Marda kkaġunata mix-xogħol – Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal rikonoxximent tal-oriġini professjonali ta’ marda – Rabta kawżali – Talba għal kumpens għal dannu morali mġarrab minħabba ż-żmien li ħadet l-istituzzjoni sabiex tirrikonoxxi l-orġini professjonali tal-marda – Obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli – Danni morali”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu T jitlob, min-naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-8 ta’ Awwissu 2014, li tikkonferma d-deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2014 li laqgħet biss parzjalment it-talba għal kumpens kumpens għad-danni morali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikonoxximent tal-marda kkaġunata mix-xogħol mibdija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab.

Deċiżjoni:      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil T is-somma ta’ EUR 5 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tħallas l-ispejjeż ta’ T.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol – Kumitat Mediku – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Ksur – Imputazzjoni tal-amministrazzjoni – Eċċezzjoni

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali, Artikolu 73 ; Regoli Komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol)

2.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Dannu – Rabta kawżali – dannu morali li jirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli mill-istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-marda – L-eżistenza tal-imsemmi dannu jew ta’ rabta kawżali li jistgħu jiġu dedotti miċ-ċirkustanzi u min-natura tan-nuqqas imwettaq mill-istituzzjoni

(Artikolu 340 TFUE)

1.      L-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fl-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija żgurata mill-qorti u li huwa kkunsidrat bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni kkonċernata hija responsabbli għaċ-ċelerità tax-xogħol tat-tobba li hija tinkariga kif ukoll ta’ dik tal-kummissjoni medika inkarigata sabiex toħroġ il-konklużjonijiet previsti mir-regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Madankollu, sa fejn ikun stabbilit li dewmien fil-ħidma ta’ Kumitat Mediku huwa dovut għal aġir li jtawwal jew li jxekkel, mill-uffiċjal jew mit-tabib li dan tal-aħħar ħatar, l-istituzzjoni ma għandhiex titqies responsabbli għal dan id-dewmien.

(ara l-punti 68 sa 70)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal-11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il-Kummissjoni, T-394/03, EU:T:2006:111, punti 152, 154 u 162

Tribunal għas-Servizz: sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Füller-Tomlinson vs Il-Parlament, F‑97/08, EU:F:2010:73, punt 167

2.      Fir-rigward tad-dannu morali subit minħabba l-ksur mill-istituzzjoni tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-marda, l-uffiċjal ikkonċernat ma ppruvax l-eżistenza tiegħu jew ta’ rabta kawżali, li jistgħu jiġu dedotti miċ-ċirkustanzi u min-natura li ġiet ikkonstatata. B’hekk, huwa stabbilit li s-sentiment ta’ inġustizzja u t-turment li kkaġuna l-fatt, għal persuna, li jkollha tressaq proċedura prekontenzjuża, imbagħad kontenzjuża, sabiex tiżgura li jiġu rrikonoxxuti d-drittijiet tagħha, jikkostitwixxi dannu li jista’ jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-amministrazzjoni wettqet illegalità.

(ara l-punti 80 u 81)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal-11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il-Kummissjoni, T-394/03, EU:T:2006:111, punt 167