Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fil-15 ta’ Ottubru 2019 – Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim vs WB

(Kawża C-748/19)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim

Konvenut: WB

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u tal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-valur tal-Istat ta’ dritt li jiddikjara, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/343 1 moqrija fid-dawl tal-premessa 22 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom l-indipendenza tal-ġustizzja, kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza jiġu miksura ladarba proċedura ġudizzjarja, bħal fil-każ ta’ proċeduri kriminali kontra persuna akkużata b’reat li jaqa’ taħt l-Artikolu 200(1) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk, u taħt dispożizzjonijiet oħra, tkun organizzata b’tali mod li:

–    Imħallef (HO, Imħallef tas-Sąd Rejonowy (il-Qorti Distrettwali, il-Polonja)) iddelegat fuq il-bażi ta’ deċiżjoni unilaterali tal-Ministru għall-Ġustizzja u li jappartjeni għal qorti ta’ livell ġerarkiku immedjatament inferjuri jkun sedenti fil-formazzjoni ġudikanti mingħajr ma jkunu magħrufa l-kriterji applikati mill-Ministru għall-Ġustizzja għall-finijiet tad-delega ta’ dan l-imħallef, u mingħajr ma d-dritt nazzjonali jipprevedi stħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni filwaqt li jawtorizza lill-Ministu għall-Ġustizzja jirrevoka fi kwalunkwe mument id-delega tal-imħallef?

Ir-rekwiżiti msemmija fl-ewwel domanda jiġu miksura meta, sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bħal dik deskritta fl-ewwel domanda, il-partijiet ikollhom rimedju ġudizzjarju straordinarju quddiem qorti, bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal appell ġudizzjarju taħt id-dritt intern, u fejn id-dritt nazzjonali jimponi fuq il-President taċ-ċellola organizzattiva ta’ din il-qorti (l-Awla), kompetenti sabiex teżamina r-rikors, li jalloka l-kawżi billi josserva l-lista alfabetika tal-Imħallfin ta’ din l-Awla, bil-projbizzjoni espliċita ta’ esklużjoni ta’ kwalunkwe mħallef, u fejn kawżi jistgħu jiġu allokati wkoll lil persuna maħtura fuq proposta ta’ organu kolleġjali, bħalma huwa l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Membri tal-Ġudikatura, il-Polonja), li l-kompożizzjoni tiegħu hija maħluqa b’tali mod li l-membri tiegħu huma mħallfin:

eletti minn kamra tal-Parlament li tivvota kollettivament fuq lista ta’ kandidati stabbilita minn qabel minn kummissjoni parlamentari minn fost il-kandidati proposti mill-gruppi parlamentari jew minn organu ta’ din il-kamra, fuq il-bażi ta’ proposti sottomessi minn gruppi ta’ mħallfin jew ta’ ċittadini – bil-konsegwenza li matul din il-proċedura ta’ elezzjoni, fi tliet okkażjonijiet il-kandidati jirċievu s-sostenn ta’ atturi politiċi;

li jirrappreżentaw maġġoranza tal-membri ta’ dan l-organu suffiċjenti sabiex tadotta deċiżjonijiet ta’ proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef, kif ukoll sabiex jadottaw deċiżjonijiet oħra vinkolanti meħtieġa mid-dritt nazzjonali?

Xi jkun l-effett, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-dispożizzjonijiet u r-rekwiżiti msemmija fl-ewwel domanda, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja adottata fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja organizzata skont il-modalitajiet deskritti fl-ewwel domanda, u ta’ deċiżjoni ġudizzjarja adottata fil-kuntest ta’ proċedura quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), meta l-persuna msemmija fit-tieni domanda tkun ipparteċipat fl-adozzjoni tagħha?

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel domanda, jissuġġetta l-effetti tad-deċiżjonijiet imsemmija fit-tielet domanda għall-kwistjoni dwar jekk il-qorti kkonċernata ddeċidietx f’sens favorevoli jew mhux favorevoli għall-persuna akkużata?

____________

1 Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).