Language of document : ECLI:EU:F:2011:22

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

15 ta’ Marzu 2011

Kawża F-120/07

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Trasferiment tal-jiem tal-leave annwali — Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal — Raġunijiet imputabbli lill-ħtiġijiet tas-servizz — Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Direttiva 2003/88/KE — Dritt għal-leave annwali mħallas — Leave tal-mard”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Strack jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Mejju 2005, tal-25 ta’ Ottubru 2005, tal-15 ta’ Marzu 2007 u tal-20 ta’ Lulju 2007, sa fejn jillimitaw għal tnax-il jum it-trasferiment ta’ leave annwali bħala jiem li ma ttiħdux fl-2004 u għalhekk jillimitaw is-somma mħallsa bħala kumpens, fit-tmiem tal-kariga, u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens li jikkorrispondi għal 26.5 jum ta’ leave annwali, miżjud b’interessi moratorji sa mill-1 ta’ April 2005.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Marzu 2007, li tiċħad it-talba tar-rikorrent sabiex jibbenefika mit-trasferiment tal-bqija tal-jiem ta’ leave tas-sena 2004 hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mir-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Leave — Leave annwali — Tmiem definittiv tas-servizz — Allowance kumpensatorja għal leave mhux meħud — Kalkolu tal-kumpens

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7(2))

2.      Uffiċjali — Leave — Leave annwali — Trasferiment minħabba assenza għal mard ta’ żmien twil

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 1(e) u 57; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V)

1.      Mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, jirriżulta li, uffiċjal, li l-inkapaċità għax-xogħol tiegħu medikament iġġustifikata damet kważi matul il-perijodu ta’ referenza kollu, ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jibbenefika minn kumpens finanzjarju għal leave annwali mhux meħud.

Dan il-kumpens finanzjarju għandu jiġi kkalkolat b’mod li l-persuna kkonċernata titpoġġa f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik li kienet tkun fiha kieku kienet eżerċitat l-imsemmi dritt matul it-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha. Għalhekk, ir-remunerazzjoni normali tal-uffiċjal, li hija dik li għandha tinżamm matul il-perijodu ta’ serħan li jikkorrispondi għal-leave annwali mħallas, hija wkoll determinanti għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-kumpens finanzjarju għal leave annwali mhux meħud fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol.

(ara l-punti 65 u 69)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff, C‑350/06 u C‑520/06, punt 61

2.      Fil-każ fejn uffiċjal ikun jinsab f’pożizzjoni li ma jistax jieħu l-leave annwali tiegħu minħabba assenza għal mard ta’ żmien twil, it-totalità tal-leave annwali kif iffissat mir-Regolamenti tal-Persunal, permezz ta’ applikazzjoni magħquda tal-Artikoli 1e u 57, għandha tiġi ttrasferita, minkejja r-restrizzjonijiet li jinsabu fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltajiet ta’ trasferiment tal-leave annwali mhux meħud għas-sena ta’ wara.

Għalhekk, għandha tiġi annullata deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tirrifjuta, skont dan l-artikolu, it-trasferiment, ta’ iktar minn tnax-il jum bi dritt, tal-jiem tal-leave annwali mhux meħuda minn uffiċjal minħabba li kien fuq leave tal-mard twil.

(ara l-punti 77 u 79)