Language of document : ECLI:EU:F:2011:38

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

13 ta’ April 2011

Kawża F-29/09 REV

Giorgio Lebedef u Trevor Jones

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Reviżjoni ta’ sentenza — Fatt ġdid — Assenza — Inammissibbiltà”

Suġġett: Rikors li permezz tiegħu G. Lebedef u T. Jones jitolbu r-reviżjoni tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-30 ta’ Settembru 2010, Lebedef u Jones vs Il‑Kummissjoni (F‑29/09).

Deċiżjoni: It-talba għal reviżjoni hija miċħuda bħala inammissibbli. Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż kollha. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura — Reviżjoni ta’ sentenza — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba — Fatt ġdid — Kunċett

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 44)

2.      Proċedura — Reviżjoni ta’ sentenza — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba — Fatt ġdid — Oneru tal-prova

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44, Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 119(2))

1.      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li talba għal reviżjoni għandha tkun ibbażata fuq l-iskoperta ta’ fatt jew ta’ diversi fatti eżistenti qabel tingħata s-sentenza inkwistjoni, iżda li ma kinux magħrufa għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u għall-parti li titlob ir-reviżjoni, u li huma ta’ natura tali li jkollhom influwenza deċiżiva fuq il-kontenut tas-sentenza. Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, huwa biss jekk il-qorti adita tikkonstata l-eżistenza ta’ fatt ġdid, tirrikonoxxi li jkollu l-karatteristiċi li jagħtu lok għall-ftuħ tal-proċedura għal reviżjoni u tiddikjara li fuq dan il-motiv it-talba tkun ammissibbli li hija tista’ teżamina l-kawża fil-mertu.

(ara l-punt 22)

2.       Fil-kuntest ta’ talba għal reviżjoni ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 119(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, hija l-parti li talbet ir-reviżjoni li għandha tistabbilixxi li hija skopriet il-fatti, li seħħew qabel ingħatat is-sentenza u li jiġġustifikaw, fl-opinjoni tagħha, ir-reviżjoni tas-sentenza, biss wara li ngħatat is-sentenza.

(ara l-punt 24)