Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2018 mir-Repubblika ta’ Ċipru mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-13 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-847/16: – Ir-Repubblika ta’ Ċipru vs EUIPO

(Kawża C-609/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika ta’ Ċipru (rappreżentanti: S. Malynicz QC, Barrister, V. Marsland, Solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Pancyprian Organisation of Cattle Farmers (P.O.C.F) Public Ltd.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-847/16, Ir-Repubblika ta’ Ċipru vs EUIPO u taċċetta l-applikazzjoni għall-annullament;

tordna lill-EUIPO u lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom stess u dawk tal-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-Bord tal-Appell kien korrett meta ttraspona l-konklużjonijiet mis-sentenzi preċedenti tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi magħquda T-292/14 u T-293/14 (XAΛΛOYMI u HALLOUMI) u fil-Kawża T-534/10 (HELLIM) għall-kawża preżenti. Dawk il-kawżi ma kinux jikkonċernaw trade marks ta’ ċertifikazzjoni, iżda lil tipi differenti ta’ trade marks, jiġifieri trade marks ordinarji tal-Unjoni Ewropea u trade marks kollettivi rispettivament. Il-funzjoni essenzjali ta’ tali trade marks hija li jaġixxu bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-oġġetti (pluralità ta’ negozjanti marbuta minħabba s-sħubija ma’ assoċjazzjoni fil-każ ta’ trade mark kollettiva). Min-naħa l-oħra, trade marks ta’ ċertifikazzjoni ma għandhomx il-funzjoni essenzjali li jindikaw l-oriġini, iżda li jiddistingwu lil klassi ta’ oġġetti, b’mod partikolari oġġetti li huma ċċertifikati fis-sens li dawn effettivament huma konformi ma’ u ġew awtorizzati li jiġu prodotti taħt ir-regoli għall-użu permess tat-trade mark ta’ ċertifikazzjoni HALLOUMI. Barra minn hekk, il-pubbliku rilevanti f’dawk is-sentenzi preċedenti tal-Qorti Ġenerali kien differenti mill-pubbliku rilevanti fil-kawża preżenti.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li trade mark nazzjonali preċedenti – it-trade mark ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali f’dan il-każ – kienet totalment nieqsa minn karattru distintiv biex tiddistingwi oġġetti ċċertifikati minn dawk li ma kinux; ikkonstatat b’mod żbaljat li t-trade mark kienet deskrittiva u ġenerika; ippreġudikat b’mod żbaljat il-protezzjoni nazzjonali tat-trade mark nazzjonali; u poġġiet indiskussjoni b’mod żbaljat il-validità tat-trade mark imsemmija fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-EUIPO.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-paragun tat-trade marks u fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Din ittrattat b’mod żbaljat lil dawn il-kwistjonijiet daqs li kieku t-trade mark preċedenti kienet trade mark li tindika l-oriġini pjuttost milli trade mark ta’ ċertifikazzjoni. Din naqset milli tagħti lit-trade mark preċedenti xi tip ta’ natura distintiva bħala trade mark ta’ ċertifikazzjoni, jiġifieri bħala li tiddistingwi oġġetti li effettivament kienu jikkonformaw mal-istandards tat-trade mark ta’ ċertifikazzjoni u kienu fil-fatt magħmula minn produtturi awtorizzati mid-detentur tat-trade mark ta’ ċertifikazzjoni. Din naqset ukoll milli tikkunsidra kif jintużaw normalment it-trade marks ta’ ċertifikazzjoni (jiġifieri invarjabbilment flimkien ma’ isem, trade mark jew logo distintiv). Din naqset milli tikkunsidra t-tifsira u s-sinjifikat tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, b’mod partikolari billi naqset milli tikkunsidra jekk l-element “HALLOUMI” kellux karattru distintiv indipendenti fit-trade mark sussegwenti bħala sinjal li jindika, kuntrarjament għall-fatti, li l-oġġetti koperti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata kienu ċċertifikati.

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra dispożizzjonijiet u ġurisprudenza nazzjonali dwar il-portata u l-effett ta’ trade marks ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali. Il-kundizzjonijiet u l-metodi tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-trade marks ta’ ċertifikazzjoni ma kinux ġew armonizzati mid-Direttivi dwar it-trade marks 89/104 1 jew 2008/95 2 , iżda madankollu r-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li tali trade marks nazzjonali jistgħu jifformaw il-bażi ta’ drittijiet preċedenti li jipprekludu r-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea. Tali drittijiet għandhom jitqiesu fid-dawl tal-ġurisprudenza u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’analoġija mad-drittijiet nazzjonali varji stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (liema drittijiet lanqas ma huma armonizzati u jvarjaw ħafna fin-natura, fil-portata u fl-effett tagħhom minn Stat Membru għal ieħor).

____________

1 L-ewwel Direttiva tal-Kunsill [89/104/KEE] tal-21 ta’ Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

2 Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).