Language of document : ECLI:EU:C:2004:592

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta' Ottubru 2004 (*)

"Appell – Trade mark Komunitarja – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Forom tridimensjonali ta' torċijiet – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv"

Fil-kawża C-136/02 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 49 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja,

imressqa fit-8 ta' April 2002,

Mag Instrument Inc., stabbilita f'Ontario, Kalifornja (L-Istati Uniti ta' l-Amerika), inizjalment rappreżentata minn A. Nette, G. Rahn, W. von der Osten-Sacken u H. Stratmann, u mbagħad minn W. von der Osten-Sacken, U. Hocke u A. Spranger, Rechtsanwälte,

rikorrenti,

bil-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji), irrappreżentat minn D. Schennen, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues u  F. Macken (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Marzu 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħha, Mag Instrument Inc. qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza Mag Instrument vs UASI (forma ta' torċijiet) (T-88/00, Ġabra p. II-467, aktar 'il quddiem is-"sentenza appellata"), li biha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (aktar 'il quddiem l-"UASI") ta' l-14 ta' Frar 2000 (Każijiet R-237/1999-2 sa R-41/1999-2), li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' ħames trade marks tridimensjonali magħmula minn forom ta' torċijiet (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), intitolat "Raġunijiet assoluti għal rifjut", jipprovdi li:

"1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

(b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

[…]

3.      Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3       Fid-29 ta' Marzu 1995, ir-rikorrenti ppreżentat ħames applikazzjonijiet lill-UASI, taħt ir-Regolament Nru 40/94, għal trade marks tridimensjonali Komunitarji.

4       It-trade marks tridimensjonali li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jikkorrispondu għal forom ta' ħames torċijiet, riprodotti hawn isfel, ikkummerċjalizzati mir-rikorrenti.

[riproduzzjoni tar-ritratti tat-torċijiet annessi ma' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni]

5       Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9 u 11 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "Aċċessorji għal apparat li jagħti d-dawl, b'mod partikolari torċijiet" u "Apparat li jagħti d-dawl, b'mod partikolari torċijiet, inklużi parts u aċċessorji għall-prodotti hawn fuq imsemmija".

6       Permezz ta' tliet deċiżjonijiet tal-11 ta' Marzu 1999 u permezz ta' żewġ deċiżjonijiet tal-15 ta' Marzu 1999, l-eżaminatur ta' l-UASI ċaħad dawn l-applikazzjonijiet għar-raġuni li t-trade marks in kwistjoni ma kinux ta' karattru distintiv.

7       Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kkonferma d-deċiżjonijiet ta' l-eżaminatur.

8       F'din id-deċiżjoni, l-imsemmi Bord ikkunsidra, wara li rrefera għall-kontenut ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, li, fin-nuqqas ta' użu, u sabiex il-forma waħedha ta' prodott tkun tista' tikkostitwixxi sinjal distintiv ta' l-oriġini tal-prodott, din il-forma għandha tippreżenta karatteristiċi li huma suffiċjentement differenti mill-forma normali tal-prodott sabiex xerrej potenzjali jikkunsidraha, qabel kollox, bħala indikazzjoni ta' l-oriġini tal-prodott u mhux bħala rappreżentazzjoni tal-prodott stess. Il-Bord ta' l-Appell qies ukoll li, jekk il-forma ma tippreżentax differenza suffiċjenti meta mqabbla mal-forma normali tal-prodott u, għalhekk, jekk ix-xerrej potenzjali jikkunsidraha biss bħala li tirrappreżenta l-prodott, din il-forma tkun deskrittiva u taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 bl-istess mod bħal kelma magħmula unikament mill-isem tal-prodott. Skond il-Bord ta' l-Appell, il-kwistjoni essenzjali hija jekk ir-rappreżentazzjoni ta' waħda mit-trade marks in kwistjoni tindikax immedjatament lix-xerrej medju ta' torċijiet jekk dan huwiex torċ li għandu oriġini partikolari, jew jekk huwiex sempliċement torċ. Il-Bord ta' l-Appell iżid jgħid li, minn naħa, il-fatt li d-disinn tal-prodotti tar-rikorrenti jkun attraenti ma jimplikax neċessarjament li dawn huma distintivi b'mod intrinsiku. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-fatt li sinjal għandu jiġi rrifjutat skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 minħabba li huwa nieqes minn kull karattru distintiv ma jfissirx li trade mark bl-iċken ħjiel ta' dan il-karattru distintiv għandha tiġi rreġistrata. Hija tqis li mis-sustanza ta' dan l-istess Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-livell ta' karattru distintiv meħtieġ għandu jkun ta' grad tali li t-trade mark ikun jista' jkollha l-funzjoni ta' indikazzjoni ta' oriġini. Il-Bord ta' l-Appell jikkonkludi li, minkejja n-numru ta' karatteristiċi attraenti ta' kull forma, ebda waħda ma hija intrinsikament distintiva għax-xerrej medju ta' torċ.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza appellata

9       Ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata peress li t-trade marks in kwistjoni ma kinux nieqsa minn karattru distintiv.

10     Fost argumenti oħra, hija ressqet numru ta' provi, deskritti fil-punti 18, 19, 21 u 22 tas-sentenza appellata, intiżi sabiex juru li t-trade marks in kwistjoni ma kinux nieqsa minn karattru distintiv fis-sens l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-ewwelnett hija ġabet perizja tal-Professur Stefan Lengyl "fuq l-oriġinalità, il-kreattività u l-karattru distintiv tal-forma tat-torċijiet in kwistjoni", li tikkonkludi li kull waħda mill-imsemmija forom għandha karattru distintiv. Sussegwentement, hija sostniet li l-karattru distintiv tal-forom li għalihom qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni huwa rikonoxxut fuq livell internazzjonali, kif jixhdu d-diversi referenzi li jsiru għal dawn it-torċijiet f'ħafna xogħlijiet, il-preżenza tagħhom fil-kollezzjonijiet ta' mużewijiet differenti u l-kisba ta' premji internazzjonali. Fl-aħħarnett, hija sostniet li l-kapaċità tat-trade marks in kwistjoni li jindikaw l-oriġini tal-prodott kienet ippruvata mill-fatt li xi konsumaturi bagħtulha lura kopji ffalsifikati tal-mudelli oriġinali għat-tiswija, minkejja li dawn ma kellhomx l-isem "Mag Lite" fuqhom, u li l-awturi ta' dawn il-prodotti ffalsifikati kienu sikwit jirriklamaw il-prodotti tagħhom bl-għajnuna tad-disinn oriġinali tat-torċijiet Mag Lite.

11     L-UASI essenzjalment sostna li l-forom in kwistjoni kellhom jiġu kkunsidrati bħala normali u għalhekk ma setgħux jeżerċitaw il-funzjoni ta' trade mark li tindika l-oriġini ta' prodott.

12     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li t-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kien ikkonkluda ġustament li t-trade marks tridimensjonali in kwistjoni ma kinux ta' karattru distintiv, u dan għall-motivi segwenti:

"28      Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 it-"trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv" m'għandhomx jiġu rreġistrati.

29      Trade mark ikollha karattru distintiv meta tippermetti li wieħed jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni skond l-oriġini tagħhom.

30      Il-karattru distintiv ta' trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, b'referenza għal dawn il-prodotti u servizzi u, min-naħa l-oħra, b'referenza għall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, li huwa magħmul mill-konsumatur ta' dawn il-prodotti jew servizzi.

[…]

32       Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li jistabbilixxi r-rifjut ta' reġistrazzjoni għat-trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv, ma jagħmel ebda distinzjoni li tikkonċerna l-kategoriji differenti ta' trade marks. Konsegwentement, m'hemmx lok li jiġu applikati kriterji jew li jiġu imposti rekwiżiti aktar stretti, fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tridimensjonali magħmula mill-forma tal-prodotti stess, bħal dawk mitluba f'dan il-każ, mill-kriterji jew ir-rekwiżiti applikati għal kategoriji oħra ta' trade marks.

33      Madankollu, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade mark jimplika t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-elementi rilevanti kollha marbuta maċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ. Fost dawn l-elementi, ma jistax jiġi eskluż li n-natura tat-trade mark li tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tagħha tista' tinfluwenza l-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat ikollu tat-trade mark.

34      Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sabiex ir-raġuni assoluta għal rifjut ma tkunx tista' tiġi applikata huwa, barra minn dan, biżżejjed li jiġi stabbilit li t-trade mark għandha minimu ta' karattru distintiv. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat – fil-kuntest ta' eżami a priori u mingħajr ebda referenza għal xi użu effettiv tas-sinjal fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 – jekk it-trade mark mitluba hijiex ser tippermetti lill-pubbliku rilevanti jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi koperti minnha minn dawk ta' impriżi oħra meta jiġu biex jagħżlu bejniethom matul l-akkwist ta' dawn il-prodotti jew servizzi.

35      Il-karattru distintiv tat-trade marks għandu jkun evalwat filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-aspettattivi ta' konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schufabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ġunju 2001, DKV vs UASI (EuroHealth), T-359/99, punt 27, Ġabra p. II-1645]. Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tal-forma bħala trade mark, f'dan il-każ, ħames forom ta' torċijiet, huma oġġetti ta' konsum ġenerali u l-pubbliku kkonċernat għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala kompost mill-konsumaturi kollha.

36       Sabiex jiġi evalwat jekk il-ħames forom ta' torċijiet li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark jistgħux ikollhom effett fuq il-memorja tal-konsumatur medju bħala indikazzjoni ta' oriġini, jiġifieri, b'mod illi jiġu identifikati l-prodotti u jiġu assoċjati ma' oriġini kummerċjali partikolari, hemm lok li l-ewwelnett jiġi rrilevat li huma kkaratterizzati mill-fatt li għandhom il-forma ta' ċilindru. Din il-forma ta' ċilindru tikkostitwixxi waħda mill-forom komuni tat-torċijiet. F'erbgħa mill-applikazzjonijiet ippreżentati, il-forma ta' ċilindru tat-torċijiet tinfetaħ fit-tarf fejn hemm il-bozza, filwaqt li fil-ħames applikazzjoni, it-torċ ma jinfetaħx b'dan il-mod għax huwa ċilindru kollu kemm hu. F'dawn l-applikazzjonijiet kollha, it-trade marks jikkorrispondu għal forom komunement użati minn manifatturi oħra ta' torċijiet preżenti fis-suq. Pjuttost milli jippermettu li dan il-prodott jiġi identifikat u assoċjat ma' oriġini kummerċjali partikolari, b'dan il-mod, it-trade marks mitluba għandhom l-effett li jagħtu lill-konsumatur indikazzjoni dwar in-natura tal-prodott.

37       Sussegwentement, fir-rigward tal-karatteristiċi li tirreferi għalihom ir-rikorrenti sabiex il-forom li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħhom jiġu kkunsidrati bħala trade marks li għandhom il-kapaċità intrinsika li jiddistingwu l-prodotti tagħha minn dawk tal-kompetituri tagħha, fosthom, b'mod partikolari, il-kwalitajiet estetiċi tagħhom u d-disinn tagħhom ta' oriġinalità rara, għandu jiġi rrilevat li forom bħal dawn jidhru, permezz ta' dawn il-karatteristiċi, aktar bħala varjanti ta' waħda mill-forom komuni tat-torċijiet milli bħala forom li huma kapaċi li jidentifikaw il-prodotti in kwistjoni u li juru, waħidhom, oriġini kummerċjali partikolari. Il-konsumatur medju huwa mdorri jara forom simili għal dawk in kwistjoni, li jippreżentaw varjetà wiesgħa ta' disinni. Il-forom li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni ma jistgħux jiġu distinti mill-forom ta' l-istess tip ta' prodotti li jinsabu komunement fil-kummerċ. Għalhekk wieħed ma jistax jippretendi, bħalma tagħmel ir-rikorrenti, li l-partikolaritajiet tal-forom tat-torċijiet in kwistjoni, fosthom, b'mod partikolari, l-aspett estetiku tagħhom, jattiraw l-attenzjoni tal-konsumatur medju dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodotti.

[…]

39      Il-possibbiltà li l-konsumatur medju seta' dara jidentifika l-prodotti tar-rikorrenti fuq il-bażi tal-forma tagħhom biss ma tistax, f'dan il-każ, teskludi l-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Perċezzjoni bħal din tat-trade marks mitluba tista' tittieħed in kunsiderazzjoni biss fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(3) ta' l-imsemmi regolament li, f'ebda mument tal-proċedura, ma ġie invokat mir-rikorrenti. L-elementi kollha ppreżentati mir-rikorrenti, invokati aktar 'il fuq fil-punti 17 sa 19, 21 u 22, li jippruvaw juru l-karattru distintiv tat-trade marks mitluba, huma marbuta mal-possibbiltà li tali karattru jiġi akkwistat mit-torċijiet in kwistjoni wara l-użu li jkun sar tagħhom u għalhekk, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala rilevanti fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv intrinsiku tagħhom, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-trade marks tridimensjonali mitluba f'dan il-każ ma jistgħux, kif ikkunsidrati minn konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jidentifikaw il-prodotti koperti minnhom u ma jistgħux jiddistingwuhom minn dawk li għandhom oriġini oħra kummerċjali.

[…]"

13     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħad ir-rikors tar-rikorrenti u ordnata tbati l-ispejjeż.

 L-appell

14     Fl-appell tagħha, li hija invokat seba' motivi in sostenn tiegħu, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla s-sentenza appellata billi tikkonstata li ma teżisti ebda raġuni assoluta għal rifjut, fis-sens ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94, li tipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trade marks in kwistjoni;

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

15     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ewwel motiv

 L-argumenti tal-partijiet

16     Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma analizzatx, kif kienet meħtieġa li tagħmel, l-impressjoni sħiħa li tagħti kull waħda minnhom, iżda, fil-punt 36 tas-sentenza kkontestata adottat pożizzjoni żbaljata billi qasmet it-trade marks f'partijiet u kkonstatat li "huma kkaratterizzati mill-fatt li għandhom il-forma ta' ċilindru" u li, għal erbgħa minnhom, "il-forma ta' ċilindru tat-torċijiet tinfetaħ fit-tarf fejn hemm il-bozza". Billi għamlet dan il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

17     Ir-rikorrenti, li tipprovdi deskrizzjoni estremament dettaljata tal-karatteristiċi tat-torċijiet in kwistjoni, issostni li, kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza ikkunsidrat il-kriterji viżivi u estetiċi li huma speċifiċi għal kull waħda minnhom fl-intier tagħha, kienet żgur tasal għall-konklużjoni li t-trade marks in kwistjoni mhumiex nieqsa minn karattru distintiv.

18     L-UASI jallega li, għall-kuntrarju hija r-rikorrenti li, permezz tad-deskrizzjonijiet dettaljati tagħha tat-torċijiet, adottat pożizzjoni żbaljata fejn qasmet il-forma f'partijiet.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

19     Il-karattru distintiv ta' trade mark fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi evalwat b'referenza, minn naħa, għall-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti. Din hija il-perċezzjoni preżunta ta' konsumatur medju ta' l-imsemmija prodotti jew servizzi, normalment informat u raġonevolment attent u avżat [ara, f'dan is-sens, fir-rigward ta' l-Artikolu 3(1)(b) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), dispożizzjoni li hija identika għall-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tat-12 ta' Frar 2004, Henkel, C-218/01, li għadha ma ġiet ippubblikata fil-Ġabra, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35, u ġurisprudenza ċċitata].

20     Kif diġà ġie kkonstatat diversi drabi oħra mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-konsumatur medju normalment jikkunsidra trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha. Sabiex jiġi evalwat jekk trade mark hijiex ta' karattru distintiv jew le, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-impressjoni sħiħa prodotta minnha (ara, fir-rigward ta' trade mark verbali, is-sentenza tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, Ġabra I-7561, punt 24, u, fir-rigward ta' trade mark tridimensjonali magħmula mill-forma tal-prodott stess, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Procter & Gamble vs UASI, C-468/01 P sa C-472/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).

21     Il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 36 u 37 tas-sentenza appellata ma jippruvawx jaqsmu t-trade marks in kwistjoni f'partijiet, iżda, għall-kuntrarju, jeżaminaw l-impressjoni ġenerali li tipproduċi t-trade mark ikkonċernata. L-ilment tar-rikorrenti li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma evalwatx il-karattru distintiv ta' kull trade mark fit-totalità tagħha hija, għalhekk, infondata.

22     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv

 L-argumenti tal-partijiet

23     Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi applikat kriterji li mhumiex previsti f'dan ir-regolament u li kienu stretti wisq għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks in kwistjoni.

24     Skond ir-rikorrenti, bħal fil-każ tat-trade marks verbali (sentenza ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, magħrufa bħala "Baby-dry", C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, punt 40), kull differenza perċettibbli fir-rigward tal-prodotti użati komunement hija biżżejjed sabiex trade mark tridimensjonali magħmula mill-forma tal-prodott li għalih tkun intalbet ir-reġistrazzjoni ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv.

25     F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, ġie kkonstatat li l-forom in kwistjoni jidhru "varjanti ta' waħda mill-forom komuni tat-torċijie", il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tikkonkludi li t-trade marks in kwistjoni ma kinux nieqsa minn karattru distintiv peress li varjanti differenti neċessarjament juru li l-forma ġiet mibdula.

26     L-UASI jirrikonoxxi li, fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tridimensjonali, m'għandhomx jiġu applikati kriterji aktar stretti minn dawk applikati għal kategoriji oħra ta' trade marks. Madankollu, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat ġustament li n-natura tat-trade mark li tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tagħha tista' tinfluwenza l-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tagħha.

27     Normalment, il-konsumatur ma jagħmilx assoċjazzjoni preċiża bejn il-forma tridimensjonali ta' prodott u l-oriġini partikolari ta' l-istess prodott, iżda jillimita lilu nnifsu li jipperċepixxi din il-forma bħala vantaġġ fuq il-livell tekniku jew taħt ċerti aspetti estetiċi, jew jista' jkun li lanqas jagħtiha xi tifsira partikolari. Sabiex konsumatur jipperċepixxi l-forma stess tal-prodott bħala mezz ta' identifikazzjoni ta' l-oriġini tiegħu, mhuwiex biżżejjed li din tkun differenti b'xi mod jew ieħor mill-forom l-oħra kollha tal-prodotti disponibbli fis-suq, iżda hija għandu jkollha "partikolarità" li tiġbed l-attenzjoni. Għal din ir-raġuni, il-forma ta' prodott tkun, f'kull każ, nieqsa minn karattru distintiv meta hija komuni għall-prodotti tas-settur ikkonċernat u ta' l-istess tip bħall-forom normali ta' dawn il-prodotti.

28     L-UASI jikkunsidra li, f'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat korrettament il-kriterji msemmija aktar 'il fuq fir-rigward tat-trade marks li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħhom mir-rikorrenti.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29     Il-karattru distintiv ta' trade mark fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ifisser li din it-trade mark tippermetti li jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi, li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni, bħala li ġejjin minn impriża partikolari u b'hekk tiddistingwi dawn il-prodotti jew servizzi minn dawk ta' impriżi oħra (ara s-sentenza Henkel vs UASI, iċċitata aktar 'il fuq, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30     Il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tridimensjonali magħmula mill-forma tal-prodott stess mhumiex differenti minn dawk applikati għall-kategoriji l-oħra ta' trade marks. Madankollu, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti mhijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta' trade mark tridimensjonali, magħmula mill-forma tal-prodott stess, bħal fil-każ ta' trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f'sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li tindika. Fil-fatt, il-konsumaturi medji m'għandhomx l-abitudni li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw rwieħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-forma ta' l-ippakkjar tagħhom, fin-nuqqas ta' xi element grafiku jew ta' xi kliem, u għalhekk jista' jirriżulta aktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv fir-rigward ta' trade mark tridimensjonali bħal din milli fir-rigward ta' trade mark verbali jew figurattiva (ara s-sentenza Henkel vs UASI, iċċitata aktar 'il fuq, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31     F'dawn iċ-ċirkustanzi, aktar ma l-forma li tintalab ir-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark tkun tixbah il-forma li hija l-aktar probabbli li tittieħed mill-prodott in kwistjoni, huwa aktar probabbli li l-imsemmija forma tkun nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Hija biss trade mark li tvarja, b'mod sinifikanti, min-norma jew mill-użanzi tas-settur u, li b'hekk tkun tista' tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha li tindika l-oriġini, li mhijiex nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Henkel vs UASI, iċċitata aktar 'il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32     Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, meta trade mark tridimensjonali hija magħmula mill-forma tal-prodott li għalih tkun qed tintatab ir-reġistrazzjoni, is-sempliċi fatt li din il-forma tkun ta' "varjanti" ta' waħda mill-forom normali ta' dan it-tip ta' prodotti mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmija trade mark mhijiex nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għandu dejjem jiġi vverifikat jekk trade mark bħal din tippermettix lill-konsumatur medju ta' dan il-prodott, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jiddistingwi, mingħajr ma jagħmel analiżi u mingħajr ma juri attenzjoni partikolari, il-prodott ikkonċernat minn dawk ta' impriżi oħra.

33     Għalhekk ir-rikorrenti ma rnexxielhiex tistabbilixxi li l-Qorti tal-Prim'Istanza applikat kriterji li ma kinux previsti u li kienu stretti wisq meta kkunsidrat li t-trade marks tridimensjonali in kwistjoni kienu nieqsa minn karattru distintiv.

34     Konsegwentement, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-seba' motiv

 L-argumenti tal-partijiet

35     Permezz tas-seba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, ibbażat fuq il-konstatazzjoni li "[i]l-konsumatur medju huwa mdorri jara forom simili għal dawk in kwistjoni, li jippreżentaw varjetà wiesgħa ta' disinni" sabiex tasal għall-konklużjoni li t-trade marks in kwistjoni ma kellhomx karattru distintiv.

36     Skond ir-rikorrenti, anke kieku din il-konstatazzjoni kienet eżatta, wieħed jista' jasal għal żewġ konklużjonijiet opposti minnha fir-rigward tal-perċezzjoni li l-konsumatur ikollu ta' trade marks. Minn naħa, il-konsumatur jista' jkun indifferenti għall-forma bħala indikazzjoni ta' oriġini peress li huwa jkun, b'mod ġenerali, "imdorri jara dawn il-forom". Iżda skond ir-rikorrenti, din il-konklużjoni għandha tiġi eskluża peress li, billi fir-Regolament Nru 40/94 introduċa l-kategorija ta' trade marks magħmula mill-forma tal-prodott, il-leġiżlatur Komunitarju kien ikkunsidra li l-forma tal-prodott hija indikazzjoni ta' l-oriġini tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-varjetà wiesgħa ta' disinni twassal preċiżament lill-konsumatur sabiex jagħti attenzjoni lill-forma tal-prodotti u għalhekk lill-varjanti differenti ta' disinn ta' prodotti ta' oriġini differenti. Skond ir-rikorrenti, hija din il-konklużjoni ta' l-aħħar li hija korretta peress li huwa ċar li l-konsumatur mhuwiex indifferenti għall-forom. Għalhekk, ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 37 tas-sentenza appellata jinvolvi kontradizzjoni inerenti.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37     Minn naħa, ma jirriżulta bl-ebda mod mill-punt 37 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li l-konsumatur huwa, fil-prinċipju, indifferenti għall-forma bħala indikazzjoni ta' oriġini.

38     Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-varjetà wiesgħa ta' disinni twassal preċiżament lill-konsumatur sabiex jagħti attenzjoni lill-forma tal-prodotti u għalhekk lill-varjanti differenti ta' disinn ta' prodotti ta' oriġini differenti, din fir-realtà hija intiża sabiex twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti għal dik magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 37 tas-sentenza appellata.

39     Hekk, kif jirriżulta mill-Artikoli 225 KE u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għall-punti ta' dritt. Għalhekk il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-elementi ta' prova. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta' dawn il-fatti u l-elementi ta' prova ma tikkostitwixxux, ħlief fil-każ tad-distorsjoni tagħhom, punt ta' dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi DKV vs UASI, iċċitata aktar 'il fuq, punt 22, u tat-2 ta' Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 20).

40     Peress li ma ġietx allegata, fil-kuntest ta' dan il-motiv, id-distorsjoni, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, tal-fatti jew ta' l-element ta' prova mressqa quddiemha, , dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq ir-raba' motiv

 L-argumenti tal-partijiet

41     Permezz tar-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi, fl-evalwazzjoni tagħha tal-karattru distintiv tat-trade marks in kwistjoni, ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-perċezzjoni effettiva li l-konsumaturi għandhom tagħhom.

42     Skond ir-rikorrenti, kif ġie indikat mill-Qorti tal-Prim'Istanza stess fil-punt 33 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade mark timplika t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-elementi kollha rilevanti marbuta maċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ. għaldaqstant, b'kontradizzjoni manifesta ma' din l-affermazzjoni, fil-punti 34 u 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljatament illimitat ruħha għal eżami a priori, mingħajr ebda referenza għal xi użu tat-trade mark, billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-elementi ta' prova li jikkonċernaw il-perċezzjoni li l-pubbliku għandu tat-trade marks in kwistjoni wara l-użu tagħhom.

43     Hemm raġunijiet li huma purament legali li jiġġustifikaw it-teħid in kunsiderazzjoni tal-perċezzjoni effettiva ta' trade mark li għandu l-pubbliku sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ab initio. Qabel kollox, skond is-seba' premessa tar-Regolament Nru 40/94, l-għan tal-protezzjoni li tagħti t-trade mark Komunitarja huwa li tiġi ggarantita l-funzjoni ta' indikazzjoni ta' oriġini tat-trade mark; madankollu, l-uniku mod kif jista' jiġi stabbilit b'ċertezza jekk il-funzjoni ta' indikazzjoni ta' oriġini tat-trade mark hijiex iggarantita huwa billi wieħed jibbaża fuq il-perċezzjoni effettiva li l-pubbliku kkonċernat għandu tat-trade mark. Sussegwentement, mill-kliem stess ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 – b'mod partikolari mill-użu tal-kliem "fil-kummerċ" fl-Artikolu 7(1)(ċ) u il-"pubbliku" fl-Artikolu 7(1)(g) – jirriżulta li r-raġunijiet assoluti għal rifjut kollha imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-artikolu għandhom jiġu evalwati skond l-opinjoni tal-pubbliku kkonċernat. Fl-aħħarnett, din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Baby-dry, iċċitata aktar 'il fuq, punt 42) u mill-Qorti tal-Prim'Istanza [sentenzi tal-31 ta' Jannar 2001, Taurus-Film vs UASI (Cine Action), T-135/99, Ġabra p. II-379, punt 27, u Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 24], u ġiet ukoll adottata mill-qrati Ġermaniżi.

44     L-UASI jikkunsidra li l-Qorti tal-Prim'Istanza evalwat ġustament il-karattru distintiv tat-trade marks in kwistjoni, li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħhom skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fil-kuntest ta' eżami a priori u mingħajr referenza għall-użu effettiv tas-sinjal. Fil-fatt, id-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, li tikkonċerna l-karattru distintiv akkwistat permezz ta' l-użu, tiċċaħħad mill-effettività tagħha kieku, ma' l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark ab initio, kien meħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi marbuta ma' l-użu tagħha.

45     Mhuwiex ikkontestat li r-rikorrenti ma invokatx l-użu li sar mit-trade mark tagħha fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament eżaminat il-karattru distintiv tat-trade marks in kwistjoni mill-perspettiva ta' konsumatur li jaf il-forom tat-torċijiet preżenti fuq is-suq u li jara t-torċijiet in kwistjoni għall-ewwel darba.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46     Kif ġie mfakkar fil-punt 29 ta' din is-sentenza, il-karattru distintiv ta' trade mark fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ifisser li din it-trade mark tippermetti li jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni bħala li ġejjin minn impriża partikolari u u b'hekk tiddistingwi dawn il-prodotti jew servizzi minn dawk ta' impriżi oħra.

47     Jekk trade mark m'għandhiex karattru distintiv ab initio fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, hija tista' takkwistah, fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi koperti minnha, wara l-użu tagħha skond il-paragrafu 3 ta' l-istess artikolu. Karattru distintiv bħal dan jista' jiġi akkwistat, b'mod partikolari, wara proċess normali ta' familjarizzazzjoni tal-pubbliku kkonċernat (ara s-sentenza tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793, punt 67).

48     Sabiex jiġi evalwat jekk trade mark hijiex nieqsa jew le minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI jew, fuq rikors, il-Qorti tal-Prim'Istanza għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha [ara, fir-rigward ta' l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104, is-sentenza tat-12 ta' Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35].

49     F'dan ir-rigward, anke jekk, kif ġie mfakkar fil-punt 19 ta' din is-sentenza, din l-evalwazzjoni għandha ssir b'referenza għall-perċezzjoni preżunta ta' konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ma jistax jiġi eskluż li elementi ta' prova bbażati fuq il-perċezzjoni effettiva li l-konsumaturi għandhom tat-trade mark jistgħu, f'ċerti każijiet, jipprovdu gwida għall-UASI jew, fir-rikors, għall-Qorti tal-Prim'Istanza.

50     Madankollu, sabiex jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade mark fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dawn l-elementi għandhom juru li l-konsumaturi ma kellhomx bżonn li jkunu draw it-trade mark permezz ta' l-użu, iżda jeħtieġ li hija tħallihom jiddistingwu immedjatament il-prodotti jew is-servizzi koperti minnha mill-prodotti jew is-servizzi ta' impriżi kompetitriċi. Fil-fatt, kif isostni ġustament l-UASI, id-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 tiċċaħħad mill-effettività tagħha kieku trade mark kellha tiġi rreġistrata skond l-Artikolu 7(1)(b) peress li hija tkun akkwistat karattru distintiv permezz ta' l-użu li jkun sar minnha.

51     L-elementi ta' prova dwar il-perċezzjoni effettiva li l-konsumaturi għandhom tat-trade marks in kwistjoni, imressqa mir-rikorrenti, huma miġbura fil-qosor fil-punti 21 u 22 tas-sentenza appellata. Huma jippruvaw jistabbilixxu li xi konsumaturi ħasbu li xi kopji tat-torċijiet kkummerċjalizzati mir-rikorrenti kienu ġejjin mingħandha u li l-kompetituri rrakkomandaw il-prodotti tagħhom billi semmew li kellhom l-istess disinn bħal dak tat-torċijiet tar-rikorrenti.

52     Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma rrifjutatx li teżamina dawn l-elementi ta' prova.

53     Min-naħa, billi, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, hija indikat li kien xieraq li jiġi ddeterminat jekk it-trade marks in kwistjoni kinux jippermettu lill-pubbliku kkonċernat jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi koperti minnhom minn dawk ta' impriżi oħra "fil-kuntest ta' eżami a priori u mingħajr ebda referenza għal xi użu effettiv tas-sinjal fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94", il-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet sempliċement li ma kinitx ser tiddetermina jekk it-trade marks in kwistjoni setgħux akkwistaw karattru distintiv fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, u b'hekk waslet għall-konklużjoni li r-rikorrenti ma kienet invokatha fl-ebda mument tal-proċedura.

54     Min-naħa l-oħra, mill-punt 39 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat l-elementi ta' prova miġburin fil-qosor fil-punti 21 u 22 tas-sentenza appellata, iżda warrbithom għaliex ma jippermettux li jiġi stabbilit il-karattru distintiv tat-trade marks in kwistjoni fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

55     F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi ta' prova jirrigwardaw il-perċezzjoni effettiva li l-konsumaturi jkollhom dwar it-trade marks f'mument meta t-torċijiet in kwistjoni kienu diġà kkummerċjalizzati għal diversi snin u fejn il-konsumaturi kienu għalhekk iffamiljarizzati mal-forma tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti rrikonoxxiet hija stess, fir-rikors tagħha, li l-imsemmija elementi "jistgħu wkoll jikkonċernaw il-fatt li l-pubbliku kkonċernat assoċja l-forma tat-torċijiet mar-rikorrenti […] minħabba, b'mod partikolari, l-użu tagħhom fil-kummerċ".

56     F'dawn iċ-ċirkustanzi, fil-punt 39 il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet tikkunsidra, mingħajr ma tikkawża d-distorsjoni tagħhom, li l-elementi ta' prova miġbura fil-qosor fil-punti 21 u 22 tas-sentenza appellata ma jistabbilixxux li t-trade marks in kwistjoni kellhom karattru distintiv, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u huma setgħu juru biss li dawn it-trade marks setgħu jakkwistaw karattru distintiv wara l-użu li jsir minnhom fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) ta' l-istess regolament.

57     Konsegwentement, ir-raba' motiv ta' l-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

58     Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkawżat distorsjoni ta' l-elementi ta' prova msemmija fil-punti 18, 19, 21 u 22 tas-sentenza appellata, li hija kienet ressqet in sostenn tar-rikors tagħha, billi ddeċidiet, kontra kull loġika, li dawn ma kinux jikkonċernaw il-karattru distintiv akkwistat permezz ta' l-użu fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, u għalhekk ma kkunsidrathomx.

59     Fil-fehma tar-rikorrenti, fil-fatt, dawn l-elementi ta' prova kienu jirrigwardaw, esklużivament jew prinċipalment, il-karattru distintiv ab initio tat-trade marks in kwistjoni fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

60     L-UASI jsostni li fil-punti 18, 19, 21 u 22 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġabret fil-qosor l-elementi ta' prova invokati mir-rikorrenti u mbagħad, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, hija eżaminat il-portata ta' dawn l-elementi fil-konfront tal-mertu. Skond l-UASI, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament, u mingħajr ma kisret ir-regoli ġenerali tal-loġika, ikkonkludiet li l-fatti invokati mir-rikorrenti seta' jkollhom rwol fil-kuntest ta' eżami fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, iżda mhux fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1)(b).

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61     L-ewwelnett, fir-rigward ta' l-elementi ta' prova miġbura fil-qosor fil-punti 21 u 22 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet, għar-raġunijiet esposti fil-punti 55 u 56 ta' din is-sentenza, tikkunsidra, mingħajr ma tikkawża d-distorsjoni tagħhom, li dawn l-elementi setgħu biss jistabbilixxu li t-trade marks in kwistjoni setgħu akkwistaw karattru distintiv wara l-użu li sar minnhom.

62     It-tieninett, għal dak li jikkonċerna l-elementi ta' prova miġbura fil-qosor fil-punti 18 u 19 tas-sentenza appellata, dawn huma intiżi sabiex juru li, fid-dawl tal-kwalitajiet funzjonali u estetiċi tal-forom tat-torċijiet in kwistjoni u d-disinn eċċezzjonali tagħhom, dawn għandhom karattru distintiv.

63     Għall-kuntrarju ta' dak li tallega r-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza qatt ma rrifjutat illi tieħu dawn l-elementi ta' prova in kunsiderazzjoni.

64     Fil-fatt, mill-punt 37 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-kwalitajiet estetiċi u tad-disinn tat-torċijiet in kwistjoni, iżda li, fl-aħħar ta' l-analiżi tagħha, hija kkunsidrat li dawn il-karatteristiċi ma kinux biżżejjed sabiex jikkonferixxu karattru distintiv fuq it-trade marks in kwistjoni fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

65     Barra minn hekk, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza illimitat lilha nfisha sabiex tenfasizza li l-elementi ta' prova li juru l-eċċellenza tad-disinn ta' l-imsemmija torċijiet kif ukoll il-kwalitajiet estetiċi u funzjonali tagħhom ma jistabbilixxux li t-trade marks in kwistjoni kellhom ab initio karattru distintiv, iżda li setgħu biss juru li huma setgħu jakkwistaw karattru distintiv wara l-użu li jsir minnhom.

66     Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kkawżatx id-distorsjoni ta' dawn l-elementi ta' prova.

67     Fir-rigward tal-perizji mressqa prodotti mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx obbligata li taqbel ma' l-espert u setgħet tagħmel l-evalwazzjoni tagħha tal-karattru distintiv tat-trade marks in kwistjoni.

68     Bl-istess mod, fir-rigward tar-rikonoxximent li, skond ir-rikorrenti, id-disinn tat-torċijiet in kwistjoni għandu fuq pjan internazzjonali, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-prodotti jibbenefikaw minn disinn ta' kwalità ma jfissirx neċessarjament li trade mark magħmula mill-forma tridimensjonali ta' dawn il-prodotti tippermetti ab initio li l-imsemmija prodotti jiġu distinti minn dawk ta' impriżi oħra, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

69     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv

 L-argumenti tal-partijiet

70     Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret id-dritt tagħha għal smigħ xieraq skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(2) UE flimkien ma' dawk ta' l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, ipproklamata f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1).

71     Fil-fatt, min-naħa, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball li ma kkunsidratx l-elementi ta' prova li kienu diġà msemmija fil-kuntest tat-tieni motiv. Ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza talli rrifjutat l-offerta tagħha li tisma' l-awtur tal-perizja prodotta minnha bħala "xhud espert".

72     Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-elementi ta' prova prodotti mir-rikorrenti li, fil-fehma tagħha, juru li l-manifatturi l-oħra jużaw varjetà kbira ta' forom ta' torċijiet u li t-trade marks in kwistjoni jistgħu kjarament jiġu distinti minn dawn il-forom l-oħra kollha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza affermat, mingħajr motivazzjoni, li t-torċijiet in kwistjoni għandhom forom komunement użati minn manifatturi oħra.

73     L-UASI jsostni li fil-verità, permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti fil-fatt tipprova tikkontesta, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-fatti li saret mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

74     Fir-rigward tal-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma riditx tisma' lill-awtur tal-perizja prodotta mir-rikorrenti, din id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix ksur tar-Regoli tal-Proċedura, peress li hija l-Qorti tal-Prim'Isatnza biss li tista' tiddeċiedi jekk ikunx neċessarju li jinstema' xhud jew espert.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75     L-ewwelnett, safejn jikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza li ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-elementi ta' prova miġbura fil-qosor fil-punti 18, 19, 21 u 22 tas-sentenza apppellata, it-tielet motiv jikkoinċidi mat-tieni motiv, u għaldaqstant, għandu jiġi miċħud għall-istess motivi.

76     Sussegwentement, fir-rigward tal-kritika magħmula lill-Qorti tal-Prim'Istanza li ma riditx tisma' lill-awtur tal-perizja prodotta mir-rikorrenti, kif kienet issuġġerietilha din ta' l-aħħar, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim'Istanza hija l-unika li tista' tiddeċiedi dwar il-bżonn li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha dwar il-kawżi li jinstemgħu quddiemha. Il-karattru probatorju jew le tad-dokumenti tal-proċedura jagħmel parti mill-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li, kif diġà ġie mfakkar fil-punt 39 ta' din is-sentenza, ma tistax tkun suġġetta għall-stħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell, ħlief fil-każ ta' distorsjoni ta' l-elementi ta' prova ppreżentati lill-Qorti tal-Prim'Istanza jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tirriżulta mid-dokumenti fil-proċess (sentenzi ta' l-10 ta' Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti ta' l-Awdituri, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punt 19, u tas-7 ta' Novembru 2002, Glencore u Compagnie Continentale vs Il-Kummissjoni, C-24/01 P u C-25/01 P, Ġabra p. I-10119, punti 77 u 78).

77     F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet, wara li eżaminat il-fatti u l-elementi ta' prova kollha mressqa quddiemha, leġittimament tikkunsidra li s-smigħ, bħala xhud, ta' l-awtur ta' perizja diġà prodotta fil-proċedura ma kienx neċessarjament fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks in kwistjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kisritx id-dritt tar-rikorrenti li tinstema' billi naqset milli tordna l-imsemmi smigħ.

78     Fl-aħħarnett, safejn ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza li ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-elementi ta' prova mressqa minnha, li, fil-fehma tagħha, juru li l-manifatturi l-oħra jużaw varjetà kbira ta' forom ta' torċijiet u li t-trade marks in kwistjoni jistgħu jiġu kjarament distinti minn dawn il-forom kollha, it-tielet motiv jikkontesta evalwazzjoni ta' fatt. Għaldaqstant, għar-raġuni stabbilita fil-punt 39 ta' din is-sentenza, u fin-nuqqas ta' xi prova li turi d-distorsjoni tal-fatti jew ta' l-elementi ta' prova, dan il-motiv huwa manifestament inammissibbli fil-kuntest ta' appell.

79     Għalhekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud, bħala parzjalment infondant u parzjalment inammissibbli.

 Fuq il-ħames motiv

 L-argumenti tal-partijiet

80     Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi bbażat ruħha biss fuq preżunzjonijiet ġenerali, li mhumiex sostnuti bl-ebda konstatazzjoni ta' fatt sabiex tikkonkludi li t-trade marks li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħhom mhumiex ta' karattru distintiv.

81     Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punti 33, 36 u 37 tas-sentenza appellata, li l-forom in kwistjoni huma normali, li l-konsumatur medju huwa mdorri bihom, li dawn il-forom jinsabu komunement fil-kummerċ u li n-natura tat-trade marks tinfluwenza l-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tagħhom, mingħajr ma bbażat l-affermazzjonijiet tagħha fuq konstatazzjonijiet ta' fatt.

82     L-UASI jallega li kienu diġà saru konstatazzjonijiet suffiċjenti mit-Tieni Bord ta' l-Appell, b'mod partikolari fid-dawl tas-serje ta' rappreżentazzjonijiet ta' forom oħra ta' torċijiet mir-rikorrenti, sabiex jiġi ddeterminat liema torċijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala normali jew li naturalment jiġu f'moħħ dak li jkun. Huwa jżid jgħid li billi l-imħallfin tal-Qorti tal-Prim'Istanza huma stess huma konsumaturi li għalihom it-torċijiet huma oġġetti familjari, dawn kienu f'pożizzjoni li jevalwaw, fuq il-bażi ta' l-għarfien tagħhom stess, liema forom ta' torċijiet huma "normali" u komuni.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83     L-ewwelnett, kif ġie mfakkar fil-punt 30 ta' din is-sentenza, il-konsumaturi medji m'għandhomx l-abitudni li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw rwieħhom fuq il-forma tagħhom jew dik ta' l-ippakkjar tagħhom, fin-nuqqas ta' xi element grafiku jew ta' kliem, u, għalhekk jista' jkun aktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv fir-rigward ta' trade mark tridimensjonali bħal din milli fir-rigward ta' trade mark verbali jew figurattiva.

84     Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament enfasizzat, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li ma jistax jiġi eskluż li n-natura tat-trade mark li tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tagħha tista' tinfluwenza l-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu ta' din it-trade mark.

85     Il-ħames motiv huwa infondat safejn jikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza li m'għamlitx konstazzjoni bħal din.

86     It-tieninett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, fil-punti 36 u 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma fformulatx affermazzjonijiet li mhumiex sostnuti minn konstatazzjonijiet ta' fatt, iżda għamlet evalwazzjonijiet tal-fatti, ibbażati, b'mod partikolari fuq l-eżami tat-torċijiet in kwistjoni, li ġew ippreżentati quddiemha.

87     B'hekk il-Qorti tal-Prim'Istanza waslet għall-konklużjoni li l-forom ta' l-imsemmija torċijiet mhumiex ta' karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

88     Kif ġie mfakkar fil-punt 39 ta' din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tad-distorsjoni tal-fatti jew ta' l-elementi ta' prova ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li mhijiex allegata fil-kuntest ta' dan il-motiv, punt ta' dritt li huwa suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell.

89     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli u, għaldaqstant, l-appell kollu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

90     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hekk lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Mag Instruments Inc. hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż.