Language of document : ECLI:EU:F:2011:31

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU (It-Tielet Awla)

31 ta’ Marzu 2011

Kawża F-10/10

André Hecq

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Teħid ta’ responsabbiltà 100 % għal spejjeż mediċi — Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda — Assenza ta’ deċiżjoni ta’ rikonoxximent li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol — Kompetenza limitata tal-amministrazzjoni — Deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Deċiżjoni mhux purament konfermattiva — Assenza ta’ lment — Inammissibbiltà”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu A. Hecq jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ April 2009, li tiċħad it-talba tiegħu tas-7 ta’ Diċembru 2008 intiża għar-rimbors ta’ diversi spejjeż mediċi sa 100 % tal-ammont u, min-naħa l-oħra, “fejn meħtieġ” l-annullament tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2009 li tiċħad l-ilment tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament infondat u bħala parzjalment manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Ċaħda impliċita ta’ talba — Ammissibbiltà — Risposta provviżorja ulterjuri tal-amministrazzjoni li tinforma lill-persuna kkonċernata bit-trattament iddifferit tat-talba tagħha — Assenza ta’ effett fuq il-kwalità ta’ att li jikkawża preġudizzju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunati mix-xogħol — Benefiċċji — Rimbors 100 % — Kundizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73(3))

3.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment — Ċaħda pura u sempliċi — Att konfermattiv — Inammissibbiltà — Eċċezzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Irtirar tad-deċiżjoni kkontestata u adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      L-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu natura mandatorja u ma jistax jitħalla għad-diskrezzjoni tal-partijiet. Din id-dispożizzjoni, billi tipprekludi li l-uffiċjal jitħalla mingħajr ebda att li jikkawża preġudizzju li huwa jista’ jikkontesta l-legalità tiegħu, hija intiża sabiex tipproteġi lill-persuna kkonċernata kontra eventwali nuqqas ta’ azzjoni tal-amministrazzjoni.

Konsegwentement, il-fatt li l-amministrazzjoni tinforma lil uffiċjal, sussegwentement għat-teħid ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tiegħu, bit-trattament iddifferit ta’ din it-talba ma huwiex ta’ natura li jqajjem dubju dwar l-eżistenza ta’ din id-deċiżjoni. Minn dan isegwi li t-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda huma ammissibbli.

(ara l-punti 50 sa 52)

2.      Peress li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rimbors 100 % tal-ispejjeż, abbażi tal-Artikolu 73(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, tippresupponi neċessarjament l-eżistenza ta’ deċiżjoni li tirrikonoxxi li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol li għat-trattament tagħha l-ispejjeż inkwistjoni ġew sostnuti, din l-aħħar deċiżjoni tista’ tiġi adotta biss fit-tmiem tal-proċedura prevista mir-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, fl-assenza ta’ deċiżjoni li tirrikonoxxi li marda hija kkaġunata mix-xogħol adottata skont il-proċedura prevista mir-Regoli komuni, l-awtorità kompetenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 73(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ biss tiċħad it-talba għal rimbors 100 % tal-ispejjeż sostnuti għat-trattament ta’ din il-marda.

(ara l-punt 53)

3.      Talbiet għal annullament formalment imressqa kontra ċ-ċaħda ta’ lment, bħala prinċipju, ma humiex ta’ natura awtonoma u għandhom bħala effett li jressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li jikkawża preġudizzju li kontrih l-ilment kien tressaq. Fil-fatt, id-deċiżjoni li tiċħad ilment, kemm jekk hija impliċita jew espliċita, kull ma tagħmel, jekk hija pura u sempliċi, huwa li tikkonferma l-att jew in-nuqqas li dwaru l-persuna tressaq ilment, u meħuda waħedha, ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat.

Il-kwalità ta’ att li jikkawża preġudizzju ma tistax tiġi rikonoxxuta lil att purament konfermattiv, kif huwa l-każ ta’ att li ma fih ebda element ġdid meta pparagunat ma’ att preċedenti li jikkawża preġudizzju u li għalhekk ma ssostitwixxiehx.

Madankollu, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura purament konfermattiva tal-att ikkontestat fl-ilment. Dan huwa għalhekk il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent skont punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta din temenda jew tikkompleta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew ukoll tikkunsidraha bħala att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi dan tal-aħħar. F’tali ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li l-persuna li tressaq l-ilment tintroduċi lment ġdid kontra d-deċiżjoni emendata li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

(ara l-punti 60 sa 63)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, punt 9; 10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni, 23/80, punt 18; 16 ta’ Ġunju 1988, Progoulis vs Il‑Kummissjoni, 371/87, punt 17; 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, punt 8; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Ġunju 2000, Plug vs Il‑Kummissjoni, T‑608/97, punt 23; 12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il‑Kummissjoni, T‑338/00 u T‑376/00, punti 34 u 35; 2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, punt 54; 10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, punti 30 sa 32; 14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑389/02, punt 49; 7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il‑Kummissjoni, T‑375/02, punti 63 sa 66; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 9 ta’ Settembru 2008, Ritto vs Il‑Kummissjoni, F‑18/08, punt 17; 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il‑Parlament, F‑93/08, punt 41

4.      L-għan tal-proċedura prekontenzjuża jiġi mminat jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubblika jiddeċiedi li t-talbiet imressqa direttament kontra l-ewwel teħid ta’ pożizzjoni tal-amministrazzjoni huma ammissibbli, mingħajr introduzzjoni minn qabel ta’ lment. Fil-fatt, proċedura li tiżvolġi ruħha b’dan il-mod ma tippermettix lill-amministrazzjoni teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha dwar it-talba tal-uffiċjal u, jekk meħtieġ, li tmur lura minn din id-deċiżjoni, hekk kif jeħtieġ l-għan tal-proċedura prekontenzjuża.

Meta, sussegwentement għal ilment imressaq skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni tirtira d-deċiżjoni kkontestata u tissostitwixxiha b’deċiżjoni ġdida, l-att inizjalment ikkontestat jintemm retroattivament mill-ordinament ġuridiku u l-persuna li tressaq l-ilment, jekk hija tqis li d-deċiżjoni l-ġdida ma hijiex kompletament sodisfaċenti, għandha tressaq ilment ġdid kontriha qabel ma tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 73 u 76)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata; 7 ta’ Lulju 2010, Tomas vs Il‑Parlament, F‑116/07, F‑13/08 u F‑31/08, punti 63 sa 66