Language of document : ECLI:EU:C:2019:904

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

24 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Appell – Disinn Komunitarju – Ammissjoni tal-appelli – Artikolu 170b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Talba li ma turix is-sinjifikat ta’ kwistjoni għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Nuqqas ta’ ammissjoni tal-appell”

Fil-Kawża C‑614/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2019,

Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Klawitter, Rechtsanwalt,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO),

konvenut fl-ewwel istanza,

Autec AG, stabbilita fi Nürnberg (il-Ġermanja),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J. Malenovský (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proposta tal-Imħallef Relatur u wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħha, Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Ġunju 2019, Porsche vs EUIPO – Autec (Vetturi), (T‑210/18, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:380), li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad-19 ta’ Jannar 2018 (Każ R 941/2016‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Autotec AG u Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG.

 Fuq it-talba għall-ammissjoni tal-appell

2        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell li jiġi ppreżentat kontra deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni tal-Bord tal-Appell indipendenti tal-EUIPO ma għandux jipproċedi sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ma tiddeċidix li dan ikun possibbli.

3        Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a ta’ dan l-istatut, l-appell għandu jitħalla jipproċedi, kompletament jew parzjalment, f’konformità mar-regoli ddettaljati li jinsabu fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn iqajjem kwistjoni li tkun sinjifikattiva fir-rigward tal-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni.

4        Skont l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sitwazzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a ta’ dan l-istatut, l-appellant għandu jannetti, mal-aggravju tiegħu, talba għall-ammissjoni tal-appell li fiha jesponi l-kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-appell u li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar din it-talba.

5        Skont l-Artikolu 170b(3) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar it-talba għall-ammissjoni tal-appell permezz ta’ digriet motivat.

6        F’dan il-każ, insostenn tat-talba tagħha ta’ ammissjoni tal-appell, l-appellanti ssostni li dan iqajjem kwistjonijiet sinjifikattivi għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, billi tinvoka tmien argumenti.

7        Permezz tal-ewwel argument tagħha, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma osservatx il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja meta ddeċidiet li l-karattru individwali ta’ disinn għandu jirriżulta minn assenza ta’ “déjà vu”. Issa, il-kwistjoni dwar jekk il-kriterju tad-“déjà vu” huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat il-karattru individwali hija, għalhekk, sinjifikattiva għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

8        Fir-rigward tat-tieni argument, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma osservatx, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn, il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja billi eskludiet mill-osservazzjoni l-karatteristiċi inqas essenzjali jew inqas distinti. Dan l-iżball ta’ liġi għalhekk iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità u għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

9        Fir-rigward tat-tielet argument, l-appellanti ssostni li, kuntrarjament għall-pożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, l-eżami tal-karattru individwali ta’ disinn jimplika, konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), li l-ewwel nett tiġi kkonstatata l-impressjoni globali prodotta minn disinn u sussegwentement l-impressjoni globali prodotta mill-ieħor. Il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali tqiegħed, għaldaqstant, inkwistjoni l-koerenza u l-unità tad-dritt tal-Unjoni.

10      Permezz tar-raba’ argument tagħha, l-appellanti essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tobbliga lill-proprjetarju ta’ disinn preċedenti li juri u li jipprova li d-disinn li tiegħu jinvoka l-invalidità kien diġà jeżisti fid-disinn preċedenti, u dan b’mod sħiħ. Din id-diverġenza ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali għalhekk tqajjem dubju dwar l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

11      Fir-rigward tal-ħames argument, l-appellanti essenzjalment issostni li ċerti konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jipprekludu lill-proprjetarju ta’ disinn ikkontestat li jipproduċi l-prova li, minbarra konkordanzi skont l-opinjonijiet parzjali inkwistjoni, jeżistu diversi differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti li jwasslu għal impressjoni globali differenti b’mod sinjfikattiv.

12      Fir-rigward tas-sitt argument, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddefinixxiet l-utent avżat indipendentement mid-disinni preċiżi u mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi effettivi tas-suq rilevanti. Il-kwistjoni jekk tali approċċ huwiex korrett jew le kienet tikkonċerna l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

13      Permezz tas-seba’ argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-utent avżat jieħu d-deċiżjoni bbażata fuq il-preferenza bejn disinn u ieħor skont il-grad ta’ informazzjoni u ta’ attenzjoni tiegħu. Għalhekk, hija tistaqsi jekk, f’dan il-każ, huwiex possibbli li tibbaża ruħha fuq il-vetturi bil-mutur b’mod ġenerali sabiex jiġi kkonstatat il-karattru individwali skont id-deskrizzjoni tal-prodott irrappreżentata mid-disinn inkwistjoni jew jekk wieħed għandux, tal-inqas fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur li, jekk ikun il-każ, ikunu fis-suq għal għexieren ta’ snin, jiddefinixxi b’mod iktar strett l-utent avżat, u dan skont karatteristiċi effettivi tas-suq. Skont l-appellanti, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar tali kwistjoni u li, għaldaqstant, din il-kwistjoni tikkonċerna l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

14      Permezz tat-tmien u l-aħħar argument tagħha, l-appellanti ssostni, billi tibbaża ruħha fuq il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tad-disinni industrijali, li l-libertà tad-disinjatur, li, konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-karattru individwali, tista’ tiġi limitata wkoll minn “restrizzjonijiet kummerċjali” kif ukoll minn “rekwiżiti sodi tal-klijent”, li jimplika, jekk ikun il-każ, li differenzi żgħar bejn disinni meta mqabbla mal-forom diġà magħrufa jistgħu jkunu suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat il-karattru individwali ta’ disinn. Issa, skont l-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar din il-kwistjoni, b’tali mod li din hija sinjifikattiva għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

15      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li hija l-appellanti li għandha l-obbligu turi li l-kwistjonijiet imqajma permezz tal-appell tagħha huma sinjifikattivi għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tas-16 ta’ Settembru 2019, Kiku vs CPVO, C‑444/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:746, punt 11).

16      Minbarra dan, hekk kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tinkludi l-elementi neċessarji kollha li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-appell u li tiddetermina, f’każ ta’ ammissjoni parzjali ta’ dan tal-aħħar, l-aggravji jew il-partijiet tal-appell li r-risposta tirrigwarda. Fil-fatt, peress li l-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli previst fl-Artikolu 58a ta’ dan l-istatut huwa intiż sabiex jillimita l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li għandhom sinjifikat għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, huma biss l-aggravji li jqajmu tali kwistjonijiet u li huma stabbiliti mill-appellant li għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (digriet tal-10 ta’ Ottubru 2019, KID‑Systeme vs EUIPO, C‑577/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:854, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Għalhekk, talba għall-ammissjoni tal-appell għandha, fi kwalunkwe każ, tiddikjara b’mod ċar u preċiż il-motivi li fuqhom huwa bbażat l-appell, tidentifika bl-istess preċiżjoni u ċarezza l-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn kull aggravju, tippreċiża jekk din il-kwistjoni hijiex sinjifikattiva għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u tesponi b’mod speċifiku r-raġunijiet li għalihom l-imsemmija kwistjoni hija sinjifikattiva fir-rigward tal-kriterju invokat. F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-aggravji, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tippreċiża d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza li kienet ġiet miksura mis-sentenza appellata, tesponi b’mod konċiż fiex jikkonsisti l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali, u għandha tindika sa fejn dan l-iżball eżerċita influwenza fuq ir-riżultat tas-sentenza appellata (digriet tal-10 ta’ Ottubru 2019, KID‑Systeme vs EUIPO, C‑577/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:854, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta l-iżball ta’ liġi invokat jirriżulta mill-ksur tal-ġurisprudenza, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tesponi, b’mod konċiż iżda ċar u preċiż, l-ewwel nett, fejn tinsab il-kontradizzjoni allegata, billi tidentifika kemm il-punti tas-sentenza jew tad-digriet appellat/a li l-appellanti tikkontesta kif ukoll dawk tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li kienu ġew miksura, u, it-tieni nett, ir-raġunijiet konkreti li għalihom tali kontradizzjoni tqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilup tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Ottubru 2019, L’Oréal vs EUIPO, C‑586/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:845, punt 16).

18      Fil-fatt, talba għall-ammissjoni tal-appell li ma tinkludix l-elementi msemmija fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet ma tistax, qabel kollox, tkun tista’ turi li l-appell iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni li tiġġustifika l-ammissjoni tiegħu (digriet tal-10 ta’ Ottubru 2019, KID‑Systeme vs EUIPO, C‑577/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:854, punt 14).

19      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argumenti evokati fil-punti 7, 8 u 10 ta’ dan id-digriet, li skont dawn il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-oneru tal-prova li għandu l-awtur ta’ talba għall-ammissjoni ta’ appell, tali argument ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex jistabbilixxi li dan l-appell iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, billi l-applikant għandu josserva, għal dan il-għan, ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-punt 17 ta’ dan id-digriet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Ottubru 2019, L’Oréal vs EUIPO, C‑586/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:845, punt 16). Issa, f’dan il-każ, l-appellanti, mingħajr madankollu ma osservat tali rekwiżiti, sempliċement iddikjarat li l-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argumenti li jinsabu fil-punti 9, 11 u 12 ta’ dan id-digriet, relatati ma’ żbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali, hemm lok li jiġi rrilevat li din it-talba għall-ammissjoni tal-appell hija vvizzjata minn nuqqas ta’ preċiżjoni f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza li ġiet miksura mill-Qorti Ġenerali meta wettqet l-iżbalji invokati fil-kuntest tal-argumenti evokati fil-punti 11 u 12. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li appell iqajjem ċerti kwistjonijiet ta’ liġi li huma partikolari għas-sentenza appellata ma jippermettix, fih innifsu, li jitqies li dan l-appell għandu jiġi ammess mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-appellant għandu juri li, indipendentement mill-kwistjonijiet ta’ liġi li jinvoka fl-appell tiegħu, dan tal-aħħar iqajjem kwistjoni sinjifikattiva waħda jew iktar għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, billi l-portata ta’ dan il-kriterju taqbeż il-kuntest tas-sentenza appellata u, b’mod definittiv, dak tal-appell tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Ottubru 2019, L’Oréal vs EUIPO, C‑586/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:845, punti 11 u 12). Issa, tali prova ma tirriżultax minn din it-talba.

21      Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-argument li jinsab fil-punti 13 u 14 ta’ dan id-digriet, li jipprovdi li l-appell iqajjem kwistjonijiet ta’ liġi ġodda fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi kkonstatat li din it-talba għall-ammissjoni tal-appell hija vvizzjata minn nuqqas ta’ preċiżjoni wkoll f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza li kienet ġiet miksura mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li għandu jsir riferiment għall-vetturi bil-mutur b’mod ġenerali sabiex jiġi kkonstatat il-karattru individwali skont id-deskrizzjoni tal-prodott irrappreżentata mid-disinn. Minbarra dan, il-fatt li kwistjoni ta’ dritt ma kinitx is-suġġett ta’ eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jfissirx għaldaqstant li din il-kwistjoni għandha neċessarjament sinjifikat għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-appellant huwa dejjem obbligat li juri tali sinjifikat billi jipprovdi indikazzjonijiet preċiżi mhux biss fuq in-natura ġdida ta’ din il-kwistjoni, iżda wkoll fuq ir-raġunijiet li għalihom l-imsemmija kwistjoni hija sinjifikattiva fir-rigward ta’ tali żvilupp (digriet tat-30 ta’ Settembru 2019, All Star vs EUIPO, C‑461/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:797, punt 16). Issa, f’dan il-każ, l-appellanti sempliċement tafferma li l-interess tal-kwistjonijiet ta’ liġi invokati fil-kuntest ta’ dan l-argument jinsab fl-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u tirreferi f’dan ir-rigward għall-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr madankollu ma tipprovdi indikazzjoni oħra.

22      Isegwi li l-appellanti ma pproduċietx il-prova, kif kienet obbligata li tagħmel, li l-kwistjonijiet imqajma fl-appell tagħha huma sinjifikattivi għall-unità, għall-koerenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

23      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-appell ma jiġix ammess.

 Fuq l-ispejjeż

24      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

25      Peress li dan id-digriet ġie adottat qabel ma l-appell ġie nnotifikat lill-partijiet l-oħra fil-proċedura u, konsegwentement, qabel ma dawn setgħu jsostnu l-ispejjeż, għandu jiġi deċiż li l-appellanti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli) tordna:

1)      L-appell ma huwiex ammess.

2)      Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.