Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okrazhen sad Vidin (il-Bulgarija) fis-17 ta’ Ottubru 2018 – Korporativna targovska banka AD, taħt proċedura ta’ falliment vs Elit Petrol AD

(Kawża C-647/18)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Okrazhen sad Vidin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Korporativna targovska banka AD, taħt proċedura ta’ falliment

Konvenuta: Elit Petrol AD

Domandi preliminari

1. i)     Il-valur ta’ “l-Istat ta’ dritt” irrikonoxxut fl-Artikolu 2 TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlatur nazzjonali, meta jadotta dispożizzjonijiet legali ta’ Stat Membru, huwa obbligat josserva l-prinċipji u l-kriterji legali li jikkaratterizzaw “l-Istat ta’ dritt”, kif elaborati u stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt”, tal-11 ta’ Marzu 2014?

ii)     Il-valur ta’ “l-Istat ta’ dritt” irrikonoxxut fl-Artikolu 2 TUE u l-prinċipji li fuqu huwa bbażat, jiġifieri il-legalità, iċ-ċertezza legali, l-istħarriġ ġudizzjarju indipendenti u effettiv, flimkien mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u mal-ugwaljanza quddiem il-liġi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 5 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali taż-Zakon za izmenenie i dopalnenie na Zakona za bankovata nesastoyatelnost (il-Liġi li temenda u li tissupplimenta l-Liġi dwar il-Falliment Bankarju), liema dispożizzjoni tiddefinixxi mill-ġdid, b’mod eċċezzjonali, ir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-garanziji fir-reġistri pubbliċi favur suġġett tad-dritt privat partikolari? F’dan il-każ partikolari, l-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tipprevedi, b’mod retroattiv, li t-tħassir mir-reġistri ta’ garanziji rreġistrati favur Korporativna targovska banka AD, li tinsab taħt proċedura ta’ falliment, huwa null u toħloq inċertezza legali billi tipprovdi li l-garanziji meqjusa li ġew imħassra jistgħu jiġu invokati ex lege minn Korporativna targovska banka AD, li tinsab taħt proċedura ta’ falliment, fil-konfront ta’ kull terz, anki jekk id-dejn li fir-rigward tiegħu ngħataw dawn il-garanziji tħallas?

iii)     Il-qorti tar-rinviju għandha bżonn ta’ interpretazzjoni fir-rigward ta’ jekk tistax tinvoka u tapplika direttament l-Artikolu 2 TUE fil-każ li tikkonstata li l-mod li bih l-Artikolu 5 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi li temenda u li tissupplimenta l-Liġi dwar il-Falliment Bankarju jiddefinixxi mill-ġdid, b’mod retroattiv, il-konsegwenzi legali tar-reġistrazzjonijiet ta’ garanziji fir-reġistri pubbliċi favur Korporativna targovska banka AD, li tinsab taħt proċedura ta’ falliment, imur kontra l-valur ta’ “l-Istat ta’ dritt” u l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat, imsemmija iktar ’il fuq?

iv)     Liema huma l-kriterji u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati mill-qorti nazzjonali meta tinterpreta l-valur ta’ “l-Istat ta’ dritt” fis-sens tal-Artikolu 2 TUE sabiex tiddetermina jekk dan il-prinċipju jippermettix l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 5 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi li temenda u li tissupplimenta l-Liġi dwar il-Falliment Bankarju?

v)     L-Artikolu 67(1) TFUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li joħolqu inċertezza fil-ħajja ċivili u fil-ħajja kummerċjali, kif ukoll dispożizzjonijiet li jippreġudikaw l-eżitu ta’ kawżi ġudizzjarji?

2. i)     Il-qorti tar-rinviju tixtieq tingħata għajnuna dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Artikolu 7(2)(h) u tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza 1 , moqrija flimkien mal-Artikolu 2 TUE, jistgħux jiġu interpretati sistematikament fid-dawl tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 17(1), fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 47(2) tal-Karta?

ii)     Jekk jitqies li l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet stabbiliti fil-Karta, ikun għalhekk possibbli li dawn id-drittijiet jiġu applikati fi proċedura ta’ falliment pendenti fi Stat Membru u l-protezzjoni mogħtija minn dawn id-drittijiet għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tippermettix dispożizzjoni nazzjonali li tiddefinixxi mill-ġdid, b’mod eċċezzjonali u retroattiv, ir-relazzjonijiet soċjali favur kreditur tal-kumpannija taħt proċedura ta’ falliment li jkun identifikat b’mod preċiż mil-leġiżlatur?

iii)     Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2)(h) u tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza, interpretati fid-dawl tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(1), fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 47(2) tal-Karta, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi, b’effett retroattiv, li t-tħassir tal-garanziji ta’ Korporativna targovska banka AD, li tinsab taħt proċedura ta’ falliment, irreġistrati fir-reġistri u l-garanziji li b’hekk “reġgħu ngħataw il-ħajja” favur Korporativna targovska banka AD, li tinsab taħt proċedura ta’ falliment, jistgħu jiġu invokati ex lege fil-konfront ta’ kull terz, sabiex b’hekk jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-kredituri l-oħra u tiġi emendata l-ordni li fiha jiġu ssodisfatti l-kredituri fil-proċedura ta’ falliment?

iv)     Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 7(2)(h) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza tista’ tiġi interpretata, fid-dawl tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(1), fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 47(2) tal-Karta, fis-sens li ma tippermettix, fi proċedura ta’ falliment pendenti, l-ammissjoni taħt kundizzjoni tal-krediti ta’ kreditur identifikat b’mod preċiż mil-leġiżlatur (Korporativna targovska banka AD, li tinsab taħt proċedura ta’ falliment) jekk, fil-mument li fih dan il-kreditur jinvoka l-krediti tiegħu, dawn tal-aħħar kienu mħallsa kompletament permezz ta’ tpaċija u jekk azzjonijiet ġudizzjarji għall-annulament ta’ din it-tpaċija jkunu pendenti iżda mhux magħluqa? Jekk dan il-kreditur jista’ jinvoka l-krediti tiegħu fil-proċedura ta’ falliment bil-kundizzjoni li t-tpaċija li permezz tagħha dawn il-krediti kienu tħallsu tiġi ddikjarata nulla mill-qorti nazzjonali, f’tali każ id-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 47(2) tal-Karta jippermetti dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li temenda b’effett retroattiv il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ tpaċija valida, b’tali mod li b’hekk tippreġudika l-eżitu tal-azzjonijiet ġudizzjarji pendenti għall-annulament tat-tpaċija, u għalhekk l-ammissjoni tal-kreditu fil-proċedura ta’ falliment?

v)     Il-qorti tar-rinviju għandha bżonn ta’ interpretazzjoni dwar jekk tistax tinvoka u tapplika direttament l-Artikolu 7(2)(h) u l-Artikolu 8 tar-Regolament UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1), tal-Artikolu 20 u tal-Artikolu 47(2) tal-Karta, fil-każ li tikkonstata li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li fuqhom tkun ibbażata l-ammissjoni taħt kundizzjoni tal-kreditu ta’ Korporativna targovska banka AD, li tinsab taħt proċedura ta’ falliment, jew li jiżguraw li l-kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-ammissjoni tal-kreditu tkun issodisfatta, imorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni?

3.    Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/59 2 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tippermettix l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li temenda b’mod retroattiv il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ tpaċija ta’ krediti u ta’ debiti reċiproċi ma’ istituzzjoni ta’ kreditu li tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ riorganizzazzjoni, b’tali mod li tippreġudika l-eżitu tal-azzjonijiet ġudizzjarji pendenti għall-annullament tat-tpaċija mwettqa ma’ tali istituzzjoni ta’ kreditu?

____________

1     ĠU 2015, L 141, p. 19 u rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9.

2     Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).