Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2019 mir-Repubblika Ċeka mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-12 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-629/17, ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-862/19 P)

Lingwa tal-kawża: Iċ-Ċek

Partijiet

Appellanti: ir-Repubblika Ċeka (rappreżentanti: M. Smolek, O. Serdula, I. Gavrilová, J. Vláčil, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-629/17;

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2017)4682;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha l-appellanti tressaq aggravju wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18. 1

Hija ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata abbażi tal-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/18 tirrigwarda biss kuntratti pubbliċi għal materjal ta’ programmi meta l-awtorità tal-ħatra tkun xandar. Hija ssostni li huwa madankollu evidenti mill-kliem, l-għan, l-istruttura u l-istorja leġiżlattiva tad-dispożizzjoni kkonċernata li l-eċċezzjoni inkwistjoni għandha tiġi applikata fis-sistwazzjoni fejn ix-xandar hija awtorità kontraenti f’pożizzjoni ta’ fornitur ta’ materjal ta’ programmi, kif kien il-każ fil-kuntratt inkwistjoni fir-Repubblika Ċeka.

Fid-dawl tal-fatt li l-korrezzjoni finanzjarju implimentat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 4682 kien ibbażat esklużivament fuq il-fatt li l-l-awtorità kontraenti għall-kuntratt inkwistjoni ma kinitx xandar, din id-deċiżjoni, minbarra s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali, għandha tiġi wkoll annullata.

____________

1 Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).