Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Novembru 2018 – LF vs Google LLC, YouTube Inc., YouTube LLC, Google Germany GmbH

(Kawża C-682/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LF

Konvenuti: Google LLC, YouTube Inc., YouTube LLC, Google Germany GmbH

Domandi preliminari

L-operatur ta’ pjattaforma vidjo fuq l-internet li permezz tagħha l-utenti jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku vidjos li jinkludu kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet, iwettaq att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE 1 meta

jagħmel dħul minn reklamar permezz tal-pjattaforma,

il-proċess ta’ uploading isir awtomatikament u mingħajr viżwalizzazzjoni jew kontroll minn qabel mill-operatur,

l-operatur jikseb skont il-kundizzjonijiet ta’ użu, liċenzja għall-vidjos li tkun dinjija, mhux esklużiva u mingħajr ħlas għat-tul tax-xandir tal-vidjos,

l-operatur jindika fil-kundizzjonijiet ta’ użu u fil-kuntest ta’ proċess ta’ uploading, li l-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur ma jistax jixxandar,

l-operatur jipprovdi għodda li permezz tagħhom id-detenturi ta’ drittijiet jistgħu jaġixxu sabiex jibblokkaw vidjos li jiksru d-drittiijet tagħhom,

fuq il-pjattaforma l-operatur iwettaq ipproċessar ta’ riżultati ta’ tfittxija fil-forma ta’ listi ta’ klassifikazzjoni u kategoriji ta’ kontenut u jippreżenta lill-utenti rreġistrati deskrizzjoni ġenerika li hija orjentata lejn vidjos rakkomandati abbażi ta’ vidjos li dawn l-utenti kienu diġà raw,

sa fejn ma jkollux għarfien konkret dwar id-disponibbiltà tal-kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur jew iħassar immedjatament jew jibblokka immedjatament l-aċċess għal dan il-kontenut meta jikseb għarfien dwar dan?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-attività tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ vidjo fuq l-internet taqa’, fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE 2 ?

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

L-għarfien effettiv tal-attività jew tal-informazzjoni illegali jew il-konoxxenza tal-fatti jew taċ-ċirkustanzi li skont dawn l-attività jew l-informazzjoni illegali hija apparenti għandu, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE, jikkonċerna attivitajiet jew informazzjoni illegali konkreti?

Dejjem fl-ipoteżi ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

Huwa konformi mal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE li d-detentur ta’ dritt jista’ jikseb digriet ġudizzjarju kontra fornitur ta’ servizzi li s-servizz tiegħu jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn utent, u li l-utent kien uża dan is-servizz bi ksur tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, biss meta dan il-ksur ikun seħħ għal darba oħra wara li tkun ingħatat notifika ta’ ksur manifest?

Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda:

L-operatur ta’ pjattaforma ta’ vidjo fuq l-internet taħt iċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda għandu jitqies bħala persuna li wettqet ksur fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11 u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48/KE 3 ?

F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ħames domanda?

L-obbligu ta’ tali persuna li twettaq ksur li tħallas danni skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna li wettqet il-ksur kienet aġixxiet intenzjonalment sa fejn jikkonċerna kemm l-attività li tikkontravjeni tagħha stess kif ukoll l-attività li tikkontravjeni ta’ terzi, u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-utenti jużaw il-pjattaforma sabiex iwettqu ksur konkret?

____________

1 Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2 Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

3 Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).