Language of document : ECLI:EU:F:2008:175

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

17 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-80/08 R

Fritz Harald Wenig

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-persuna kkonċernata mill-funzjonijiet tagħha – Urġenza – Assenza”

Suġġett: Talba, imressqa skont l-Artikoli 242 KE, 243 KE, 157 KEEA u 158 KEEA, li permezz tagħha F. H. Wenig jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Settembru 2008, adottata b’applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li tissospendih għal perijodu ta’ żmien indefinit u li tordna tnaqqis ta’ EUR 1 000 fix-xahar mir-remunerazzjoni tiegħu għal perijodu massimu ta’ sitt xhur.

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – “Fumus boni juris” – Urġenza – Natura kumulattiva – Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika

(Artikoli 242 KE u 243 KE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni

(Artikolu 242 KE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2); Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikoli 23 u 24)

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Oneru tal-prova

(Artikolu 242 KE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2); Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikoli 23 u 24)

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Retroattività – Assenza

(Artikolu 242 KE)

1.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie (fumus boni juris) l-għoti tal-miżuri mitluba. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa. Barra minn hekk, il-miżuri mitluba għandu jkollhom natura provviżorja, fis-sens li ma għandhomx jippreġudikaw id-deċiżjoni fuq il-mertu.

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni ġenerali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u jibqa ħieles li jiddetermina, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod li bih għandhom jiġu vverifikati dawn id-diversi kundizzjonijiet kif ukoll l-ordni ta’ din l-evalwazzjoni, peress li l-ebda regola tad-dritt Komunitarju ma jimponilu skema ta’ evalwazzjoni prestabbilita sabiex jevalwa n-neċessità li jadotta deċiżjoni provviżorja.

(ara l-punti 20 sa 23)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Marzu 1997, Antillean Rice Mills vs Il‑Kunsill, T‑41/97 R, Ġabra p. II‑447, punt 19; 9 ta’ Awwissu 2001, De Nicola vs BEI, T‑120/01 R, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑783, punti 12 u 13; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 31 ta’ Mejju 2006, Bianchi vs ETF, F‑38/06 R, ĠabraSP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑93, punti 20 u 22

2.      Meta, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, l-Imħallef għal miżuri provviżorji li quddiemu jissemma r-riskju, għal min iressaq it-talba, li jissubbixxi ħsara gravi u irreparabbli jibbilanċja d-diversi interessi inkwistjoni, dan għandu b’mod partikolari jevalwa jekk l-annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu tippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni li kienet tkun ipprovokata mill-eżekuzzjoni immedjata tagħha u, b’mod kuntrarju, jekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni hijiex tali li tipprekludi l-effett sħiħ tagħha fil-każ fejn ir-rikors fil-kawża prinċipali jiġi miċħud.

Issa, deċiżjoni li uffiċjal jiġi sospiż mill-funzjonijiet tiegħu b’applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ tiġi adottata f’kull ħin matul perijodu ta’ żmien partikolari. Dan il-perijodu jikkorrispondi, inizjalment, maż-żmien tal-investigazzjoni u jkompli sussegwentement meta l-istituzzjoni tqis li l-interess tas-servizz, u xi kultant tal-uffiċjal, jimponi li dan jiġi mbiegħed sakemm din tiddeċiedi, b’mod definittiv, il-pożizzjoni tagħha dwar in-nuqqasijiet allegati. Għalhekk, deċiżjoni li tippronunzja s-sospensjoni tkun, effettivament, nieqsa mill-essenzjal tal-utilità tagħha peress li din ma tkunx tista’ toħloq l-effetti tagħha matul il-perijodu li matulu hija jkollha toħloqhom.

Konsegwentement, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni tinvolvi effetti irreversibbli, sa tali punt li tirriskja li tippreġudika d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jiddeċiedi fuq ir-rikors fil-kawża prinċipali. Ikun differenti kieku s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ma tingħatax. Fil-fatt, ikun jista’ effettivament jingħata rimedju għall-ħsara li jbati l-uffiċjal sospiż li tkun marbuta ma’ ħsara lir-reputazzjoni tiegħu permezz tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni, jew inkella, jekk ikun hemm il-bżonn, permezz ta’ eventwali kundanna pekunjarja tal-istituzzjoni. Għalhekk, matul l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura irriversibbli u ma għandhiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni ħlief jekk, b’mod partikolari, l-urġenza ta’ sospensjoni tidher inkontestabbli.

(ara l-punti 27 sa 31 u 36)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza Antillean Rice Mills vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46; 30 ta’ April 2008, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑65/08 R, Ġabra p. II‑69, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      L-iskop tal-proċeduri għal miżuri provviżorji ma huwiex li tiżgura l-kumpens għal ħsara, iżda li tiżgura l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex tilħaq dan l-għan tal-aħħar, hemm bżonn li l-miżuri mitluba jkunu urġenti, fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn ikunu adottati u joħolqu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni prinċipali. Barra minn hekk, hija l-parti li titlob l-għoti tal-miżuri provviżorji li għandha tressaq il-prova li hija ma tistax tistenna t-tmiem tal-proċedura fil-kawża prinċipali mingħajr ma ġarrab ħsara ta’ din in-natura.

Sa fejn dannu morali jirriżulta mir-riperkussjonijiet li deċiżjoni li tordna s-sospensjoni ta’ uffiċjal ikollha fuq ir-reputazzjoni tiegħu, dan huwa, bħala prinċipju, konsegwenza inseparabbli u immedjata ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-eventwali sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni ma’ tistax tirrimedja għal ħsara ta’ din in-natura iktar milli jirrimedja, fil-ġejjieni, eventwali annullament tad-deċiżjoni msemmija fl-aħħar tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-uffiċjal sospiż jinvoka ħsara speċifika, relattiva għall-karriera tiegħu, li tkun distinta mid-dannu lir-reputazzjoni tiegħu, din l-eventwali ħsara tkun tirriżulta mill-proċedura dixxiplinari li tista’ tinbeda fil-konfront tiegħu, u mhux mid-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 41, 43 u 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 25 ta’ Marzu 1999, Willeme vs Il‑Kummissjoni, C‑65/99 P(R), Ġabra p. I‑1857, punti 60 sa 62; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99 R, ĠabraSP p. I‑A‑155 u II‑811, punt 25; De Nicola vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43; 19 ta’ Diċembru 2002, Esch‑Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1555, punt 27

4.      Deċiżjoni ġudizzjarja li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni għandha n-natura ta’ miżura provviżorja intiża sabiex tippriżerva l-ġejjieni. Għalhekk, is-sospensjoni ma jistax ikollha, diversament minn annullament, portata retroattiva.

(ara l-punt 53)