Language of document : ECLI:EU:F:2011:53

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU (It-Tieni Awla)

11 ta’ Mejju 2011

Kawża F-71/09

Paolo Caminiti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors manifestament infondat — Dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 — Artikoli 44 u 46 tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Klassifikazzjoni — Fattur ta’ multiplikazzjoni — Punti ta’ promozzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. Caminiti jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tikklassifikah fil-grad AST 9, skala 4, b’fattur ta’ multiplikazzjoni ugwali għal 1, kif tirriżulta mir-rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu għax-xahar ta’ Marzu 2009 u għax-xhur ta’ wara, u, b’konsegwenza, il-klassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu, b’effett mill-1 ta’ Marzu 2009, fil-grad AST 9, skala 2, b’żamma tal-fattur ta’ multiplikazzjoni 1,071151, kif ukoll “ir-rikostituzzjoni b’mod sħiħ [tal-karriera tiegħu] b’effett retroattiv mill-1 ta’ Marzu 2009 sad-data tal-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad u skala kif irrettifikati (inklużi ż-żieda fit-tul tal-esperjenza tiegħu fil-klassifikazzjoni kif irrettifikata, id-drittijiet tiegħu għall-promozzjoni u d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni), inkluż il-ħlas tal-interessi moratorji fuq il-bażi tar-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il-perjodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, fuq it-total tas-somom li jikkorrispondu għad-differenza bejn is-salarju [relattiv għall-klassifikazzjoni tiegħu u dak relattiv għall-] klassifikazzjoni li għaliha kellu jkun intitolat sad-data ta’ meta tingħata d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni regolari tiegħu; sussidjarjament, l-għoti ta’ punti ta’ promozzjoni […] li jikkorrispondu għall-bidla tal-fattur ta’ multiplikazzoni fil-fattur ‘żmien’”.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt. Ir-rikorrent huwa kkundannat jirrimborsa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku s-somma ta’ EUR 500 skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat iħallas dawk subiti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Suġġett — Ordni indirizzata lill-amministrazzjoni — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Regoli tranżitorji applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2001 — L-ewwel promozzjoni miksuba wara l-1 ta’ Mejju 2004 minn uffiċjal irreklutat qabel din id-data

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 7(5); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

3.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Regoli tranżitorji applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004 — L-ewwel promozzjoni miksuba wara l-1 ta’ Mejju 2004 minn uffiċjal irreklutat qabel din id-data

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 7(5) u (7); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

4.      Proċedura — Spejjeż — Spejjeż fiergħa jew vessatorji imposti fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mir-rikors inġustifikat ta’ uffiċjal

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 94)

1.      Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qorti ma tistax, mingħajr ma tidħol fuq il-prerogattiva tal-awtorità amministrattiva, tagħmel dikjarazzjonijiet jew konstatazzjonijiet ta’ prinċipju u lanqas ma tista’ tindirizza ordnijiet kontra xi istituzzjoni. L-iktar l-iktar, l-istituzzjoni tista’ tkun meħtieġa tieħu miżuri, bħal dawk mitluba mir-rikorrent, fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tilqa’ t-talbiet għal annullament imressqa mir-rikorrent.

(ara l-punt 23)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑156/89, punt 150; 30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il‑Parlament, F‑65/07, punt 52

2.      Il-fatturi ta’ multiplikazzjoni previsti fl-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu miżura ta’ tranżizzjoni intiża li tiggarantixxi l-livell tas-salarju bażiku mensili mogħti lill-uffiċjali rreklutati taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li dawn il-fatturi ma jiggarantixxux biss li l-uffiċjali, li għalihom japplikaw, ma jsofru ebda tnaqqis fis-salarju bażiku mensili permezz tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra, iżda jiggarantixxu wkoll li dawn l-istess uffiċjali ma jieħdu ebda żieda fl-istess salarju, bl-eċċezzjoni ta’ dik miksuba fl-okkażjoni tal-ewwel promozzjoni tagħhom u kkalkolata inkonformità mal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, u, eventwalment, dik li tirriżulta minn avvanz fl-iskala.

Fattur ta’ multiplikazzjoni jagħmel sens biss jekk il-valur tiegħu jkun inferjuri jew superjuri għall-valur tal-unità. Min-naħa l-oħra, fattur ta’ multiplikazzjoni ugwali għall-unità jfisser li s-salarju bażiku mensili tal-uffiċjal ikkonċernat jikkorrispondi għas-salarji bażiku mensili previst, fir-Regolamenti tal-Persunal, għall-grad u għall-iskala tiegħu.

(ara l-punti 47 u 48)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 2 ta’ Lulju 2010, Lafili vs Il‑Kummissjoni, T-485/08P punti 87, 88, 95 u 96

3.      L-uniku għan tal-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari tal-paragrafu 7 tiegħu, huwa li jiggarantixxi, bl-applikazzjoni ta’ fatturi ta’ multiplikazzjoni, il-livell ta’ salarju bażiku mensili mogħti lill-uffiċjali rreklutati taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki b’tali mod li dawn ma jsofru ebda tnaqqis fis-salarju bażi mensili tagħhom u lanqas ma jiksbu ebda żieda f’dan is-salarju, bl-eċċezzjoni ta’ dik miksuba fl-okkażjoni tal-ewwel promozzjoni u kkalkolata inkonformità mal-paragrafu 5 tal-istess artikolu u, eventwalment, ta’ dik li tirriżulta minn avvanz fl-iskala.

Issa, l-għoti ta’ punti ta’ promozzjoni supplimentari jmur manifestament lil hinn minn dan l-iskop ta’ newtralità finanzjarja segwit mill-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u jwassal għat-trattament tal-uffiċjal ikkonċernat, li preċiżament ma jkunx wettaq is-snin tas-servizz inkwistjoni, b’mod differenti mhux biss minn uffiċjali oħrajn li ġew irreklutati wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra, iżda wkoll minn dawk li ġew irreklutati taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki u li s-salarju bażiku mensili tagħhom kien affettwat b’fattur ta’ multiplikazzjoni, inizjalment inferjuri għall-unità, iżda li maż-żmien laħaq l-unità u, b’hekk, tneħħa, skont l-Artikolu 7(7) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 63 u 64)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 30 ta’ Settembru 2010, Toth vs Il‑Kummissjoni, F‑107/05, punti 71 u 72, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jekk dan tal-aħħar ikun sofra spejjeż li setgħu jiġu evitati, b’mod partikolari jekk ir-rikors ikun ta’ natura manifestament inġustifikata, huwa jista’ jikkundanna lill-parti li kkawżathom tħallashom kollha jew tħallas parti minnhom, mingħajr ma dan l-ammont ta’ rimbors jista’ jaqbeż is-somma ta’ EUR 2 000.

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-każ ta’ rikors li, minbarra l-fatt li jkun manifestament inammissibbli jew infondat fid-dritt, ikun ġie ppreżentat wara l-għoti tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward ta’ rikors li jqajjem eżattament l-istess punt ta’ liġi. Dan jgħodd b’mod partikolari meta, wara s-sospensjoni tal-proċedura sa ma tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-appell minn din l-istess sentenza, dan l-appell ikun miċħud iżda r-rikorrent isostni l-azzjoni tiegħu mingħajr ġustifikazzjoni, billi sempliċement jiddependi fuq id-diskrezzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 67-69)