Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Kehl (il-Ġermanja) fit-28 ta’ Settembru 2018 – Proċeduri kriminali kontra UY

(Kawża C-615/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgerichts Kehl

Partijiet fil-kawża prinċipali

Staatsanwaltschaft Offenburg

vs

UY

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2012/13 1 kif ukoll l-Artikoli 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tawtorizza, matul proċeduri kriminali, sempliċement abbażi tal-fatt li l-akkużat ma huwiex iddomiċiljat f’dak l-Istat iżda fi Stat Membru ieħor, li l-akkużat jiġi ordnat jaħtar mandatarju awtorizzat jirċievi notifika ta’ digriet ta’ kundanna indirizzat lilu, bil-konsegwenza li dan id-digriet ta’ kundanna jkollu saħħa ta’ res judicata u għalhekk jagħti lok għall-kundizzjoni legali ta’ responsabbiltà kriminali għal azzjoni futura min-naħa tal-akkużat (effett ta’ awtorità) anki jekk l-akkużat ma kellux għarfien tad-digriet ta’ kundanna u jekk ma jistax jiġi żgurat li l-akkużat ikollu għarfien tiegħu bl-istess mod li kien ikun il-każ li kieku d-digriet ta’ kundanna ġie nnotifikat lill-akkużat kieku kien iddomiċijat f’dak l-Istat Membru?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv: id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2012/13 kif ukoll l-Artikoli 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tawtorizza, matul proċeduri kriminali, sempliċement abbażi tal-fatt li l-akkużat ma huwiex iddomiċiljat f’dak l-Istat iżda fi Stat Membru ieħor, li l-akkużat jiġi ordnat jaħtar mandatarju awtorizzat jirċievi notifika ta’ digriet ta’ kundanna indirizzat lilu, bil-konsegwenza li dan id-digriet ta’ kundanna jkollu saħħa ta’ res judicata u għalhekk jagħti lok għall-kundizzjoni legali ta’ responsabbiltà kriminali għal azzjoni futura min-naħa tal-akkużat (effett ta’ awtorità) u, fid-dawl tal-fatt li l-akkużat irid jiżgura li jkollu għarfien tad-digriet ta’ kundanna, huwa jkun suġġett għal obbligi suġġettivi matul il-prosekuzzjoni ta’ dak ir-reat kriminali li huma iktar stretti minn dawk li kien ikun suġġett għalihom li kieku kien iddomiċiljat f’dak l-istat Membru, bil-konsegwenza li l-akkużat jista’ jkun suġġett għal proċeduri kriminali minħabba negliġenza?

____________

1     Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).