Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fl-14 ta’ Awwissu 2019 – Granarolo SpA vs Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare et

(Kawża C-617/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Granarolo SpA

Konvenuti: Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare, Ministero dello Sviluppo Economico, Comitato nazionale per la gestione della Direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE 1 , kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll taħt il-kunċett ta’ “installazzjoni” sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li fiha installazzjoni ta’ koġenerazzjoni mibnija mir-rikorrenti fis-sit industrjali tagħha sabiex tiġi żgurata enerġija għall-istabbiliment ta’ manifattura tagħha tkun ġiet sussegwentement ittrasferita, permezz tat-trasferiment ta’ fergħa ta’ negozju, lil kumpannija oħra speċjalizzata fis-settur tal-enerġija, b’kuntratt li jipprevedi, minn naħa, it-trasferiment liċ-ċessjonarja tal-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni ta’ enerġija elettrika u sħana, taċ-ċertifikazzjonijiet, tad-dokumenti, tad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità, liċenzji, konċessjonijiet, awtorizzazzjonijiet u permessi meħtieġa għall-funzjonament tal-installazzjoni nnifisha u għall-iżvolġiment tal-attività, il-kostituzzjoni favur tagħha ta’ dritt ta’ superfiċi f’żona tal-istabbiliment li hija adegwata u funzjonali għall-ġestjoni u għall-manutenzjoni tal-installazzjoni u tad-drittijiet ta’ servitù fuq l-oġġett użat għal koġenerazzjoni, flimkien ma’ dritt esklużiv fuq iż-żona ta’ madwaru, u, min-naħa l-oħra, il-provvista miċ-ċessjonarja liċ-ċedenti għal 12-il sena tal-enerġija ġġenerata mill-installazzjoni stess, bil-prezzijiet indikati fil-kuntratt?

B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “konnessjoni teknika” fl-istess Artikolu 3(e) jista’ jinkludi konnessjoni bejn installazzjoni ta’ koġenerazzjoni u stabbiliment ta’ manifattura bħalma huwa dan tal-aħħar, li huwa l-proprjetà ta’ persuna oħra, minkejja li għandu relazzjoni privileġġjata mal-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni għall-provvista ta’ enerġija (konnessjoni permezz ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ enerġija, kuntratt ta’ provvista speċifiku mal-kumpannija tal-enerġija li hija ċ-ċessjonarja tal-installazzjoni, impenn minn din tal-aħħar li tipprovdi kwantità minima ta’ enerġija lill-istabbiliment ta’ manifattura bil-kundizzjoni tar-rimbors ta’ ammont ekwivalenti għad-differenza bejn l-ispejjeż tal-provvista tal-enerġija fis-suq u l-prezzijiet previsti fil-kuntratt, tnaqqis fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-enerġija mill-għaxar sena u sitt xhur mid-dekorriment tal-kuntratt, konċessjoni tad-dritt għal għażla ta’ akkwist mill-ġdid tal-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni f’kull mument mill-kumpannija ċedenti, il-ħtieġa tal-awtorizzazzjoni taċ-ċedenti għall-iżvolġiment ta’ xogħlijiet fuq l-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni) li jista’ jkompli bl-iżvolġiment tal-attività tiegħu anki fil-każ ta’ interruzzjoni tal-provvista ta’ enerġija jew fil-każ ta’ ħsara jew waqfien tal-attività tal-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni?

Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ trasferiment effettiv ta’ installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ enerġija mill-manifattur, li huwa wkoll proprjetarju ta’ stabbiliment industrjali fl-istess sit, lil kumpannija oħra li hija speċjalizzata fil-qasam tal-enerġija, għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-possibbiltà ta’ separazzjoni tal-emissjonijiet relattivi mill-awtorizzazzjoni ETS tal-proprjetarju tal-istabbiliment industrjali, sussegwentement għat-trasferiment [,] u l-effett possibbli ta’ “evażjoni” tal-emissjonijiet mis-sistema tal-ETS minħabba l-fatt li installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ enerġija, ikkunsidrata waħedha, ma teċċedix il-limitu sabiex tiġi kklassifikata bħala “emittent żgħir”[,] jikkostitwixxu ksur tar-regola tal-aggregazzjoni tas-sorsi indikata fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE jew, għall-kuntrarju, jikkostitwixxu sempliċement konsegwenza legali tal-għażliet organizzattivi tal-operaturi, mhux ipprojbita mis-sistema ETS?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631 u r-rettifika fil-ĠU 2014, L 140, p. 177.

2     Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU 2009, L 140, p. 63).