Language of document : ECLI:EU:C:2017:456

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ġunju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Direttiva 2001/29/KE – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Pjattaforma ta’ qsim online – Qsim ta’ fajls protetti, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur”

Fil-Kawża C‑610/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Stichting Brein

vs

Ziggo BV,

XS4ALL Internet BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Stichting Brein, minn J. C. H. van Manen, avukat,

–        għal Ziggo BV, minn F. E. Vermeulen u E. A. de Groot, avukati,

–        għal XS4ALL Internet BV, minn C. Alberdingk Thijm u C. F. M. de Vries, avukati,

–        għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Di Matteo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo, bħala aġenti, assistiti minn T. Rendas, konsulent legali,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn G. Brown u J. Kraehling, bħala aġenti, assistiti minn N. Saunders, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, T. Scharf u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Stichting Brein, fondazzjoni li tiddefendi l-interessi ta’ detenturi tad-drittijiet tal-awtur u, min-naħa l-oħra, Ziggo BV u XS4ALL Internet BV (iktar ’il quddiem “XS4ALL”), fornituri ta’ aċċess għall-internet, dwar talbiet imressqa minn Stichting Brein sabiex dawn tal-aħħar jiġu ordnati jibblokkaw l-ismijiet ta’ dominju u l-indirizzi IP tal-pjattaforma ta’ qsim online “The Pirate Bay” (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma ta’ qsim online TPB”).

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 9, 10, 23 u 27 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw:

“(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(23)      Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

[…]

(27)      Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

5        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sanzjonijiet u Rimedji”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

6        Il-premessa 23 tad-Direttiva 2004/48 taqra kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri, proċeduri u rimedji oħra disponnibbli, il-proprjetarji tad-dritt għandhom ikollhom il-possibilità li japplikaw għall-mandat kontra xi intermedjarju li s-servizzi tiegħu qegħdin jiġu użati minn parti terza biex jiġi miksur id-dritt tal-proprjetà industrijali tad-detentur tad-drittijiet. Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri relatati ma’ dawn il-mandati għandhom jitħallew għal-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Safejn il-kontravvenzjonijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati huma konċernati, armoniżazzjoni ta’ livell komprensiv diġà jeżisti fid-Direttiva 2001/29/KE. L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE m’għandux ikun affettwat b’din id-Direttiva.”

7        Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Mandati”:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn d-deċiżjoni ġudizzjarja hi meħuda u sabet li hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu joħorġu mandat kontra kontravventur bl-għan li tipprojbixxi il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjoni. Fejn hemm provvidament bil-liġi nazzjonali, nuqqas ta’ konformità mal-mandat għandu, fejn hu xierqa, ikun bla ħsara għall-pagament rikorrenti tal-penalità, bl-għan li jkun hemm konformità. L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f’pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Stichting Brein hija fondazzjoni Olandiża li tiddefendi l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

9        Ziggo u XS4ALL huma fornituri ta’ aċċess għall-internet. Parti kbira mill-abbonati tagħhom jużaw il-pjattaforma ta’ qsim online TPB, li hija indiċjatur ta’ fajls BitTorrent. Il-BitTorrent huwa protokoll li permezz tiegħu l-utenti (imsejħa “peers”) jistgħu jaqsmu fajls bejniethom. Il-karatteristika essenzjali tal-BitTorrent tinsab fil-fatt li l-fajls li għandhom jinqasmu huma fframmentati f’elementi żgħar, u b’hekk ma jkunx hemm għalfejn jintuża server iċċentralizzat sabiex jinħażnu l-imsemmija fajls, ħaġa li ttaffi l-piż tas-servers individwali matul il-proċess ta’ qsim. Sabiex ikunu jistgħu jaqsmu fajls bejniethom, l-utenti għandhom l-ewwel net iniżżlu softwer speċifiku, imsejjaħ “BitTorrent client”, li ma jiġix ipprovdut mill-pjattaforma ta’ qsim online TPB. Dan il-“BitTorrent client” huwa softwer li jippermetti li jinħolqu fajls torrent.

10      L-utenti (imsejħa “seeders”) li jixtiequ jqiegħdu fajl li jinsab fuq il-kompjuter tagħhom għad-dispożizzjoni ta’ utenti oħra (imsejħa “leechers”) għandhom joħolqu fajl torrent permezz tal-BitTorrent client tagħhom. Il-fajls torrent jirreferu għal server iċċentralizzat (imsejjaħ “tracker”) li jidentifika l-utenti disponibbli sabiex jaqsmu fajl torrent partikolari kif ukoll il-fajl multimedjali sottostanti. Dawn il-fajls torrent jittellgħu (upload) mis-seeders fuq pjattaforma ta’ qsim online, bħal TPB, li sussegwentement tindiċjahom, sabiex dawn ikunu jistgħu jinstabu mill-utenti tal-pjattaforma ta’ qsim online u sabiex ix-xogħlijiet li għalihom jirreferu dawn il-fajls torrent ikunu jistgħu jitniżżlu (download) fuq il-kompjuters ta’ dawn tal-aħħar f’diversi frammenti, permezz tal-BitTorrent client tagħhom.

11      Dawn il-“magnet links” sikwit jintużaw minflok fajls torrent. Dawn il-links jidentifikaw il-kontenut ta’ fajl torrent u jirreferu għalih permezz ta’ impronta diġitali.

12      Il-fajls torrent proposti fuq il-pjattaforma ta’ qsim online TPB jirreferu, fil-parti l-kbira tagħhom, għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, mingħajr ma d-detenturi tad-drittijiet ikunu taw l-awtorizzazzjoni tagħhom lill-amministraturi u lill-utenti ta’ din il-pjattaforma sabiex iwettqu l-atti ta’ qsim inkwistjoni.

13      Fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, Stichting Brein titlob, prinċipalment, li Ziggo u XS4ALL jiġu ordnati jibblokkaw l-ismijiet ta’ dominji u l-indirizzi IP tal-pjattaforma ta’ qsim online TPB, sabiex jiġi evitat li s-servizzi ta’ dawn il-fornituri ta’ aċċess għall-internet ikunu jistgħu jintużaw sabiex jinkisru d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati tad-detenturi tad-drittijiet li Stichting Brein tipproteġi l-interessi tagħhom.

14      Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talbiet ta’ Stichting Brein. Madankollu, dawn tal-aħħar ġew miċħuda fl-appell.

15      Il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tirrileva li, f’din il-kawża, huwa stabbilit li, permezz tal-pjattaforma ta’ qsim online TPB, xogħlijiet protetti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet. Huwa stabbilit ukoll li, permezz ta’ din il-pjattaforma, l-abbonati ta’ Ziggo u ta’ XS4ALL jirrendu xogħlijiet protetti aċċessibbli mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet u b’dan il-mod jiksru d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati tal-imsemmija detenturi.

16      Il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) madankollu tirrileva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li tingħata risposta b’ċertezza għad-domanda jekk il-pjattaforma ta’ qsim online TPB twettaqx ukoll komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari:

–        billi toħloq u żżomm sistema li fiha l-utenti tal-internet jikkonnettjaw ma’ xulxin sabiex ikunu jistgħu jaqsmu bejniethom, fi frammenti, xogħlijiet li jinsabu fuq il-kompjuters tagħhom stess;

–        billi tamministra sit internet li minnu l-utenti jistgħu jqiegħdu online fajls torrent li jirreferu għal frammenti ta’ dawn ix-xogħlijiet, u

–        billi tindiċja l-fajls torrent online fuq dan is-sit internet u billi tikklassifikahom b’mod li l-frammenti ta’ dawn ix-xogħlijiet sottostanti jkunu jistgħu jinstabu u b’mod li l-utenti jkunu jistgħu jniżżlu dawn ix-xogħlijiet (bħala ġabra sħiħa) fuq il-kompjuters tagħhom.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-amministratur ta’ sit internet jagħmel komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta ebda xogħol protett ma jkun jinsab fuq dan is-sit, iżda jkun hemm sistema […] li permezz tagħha metadata dwar xogħlijiet protetti li tinsab fuq il-kompjuters tal-utenti tiġi indiċjata u kklassifikata għall-utenti b’tali mod li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu b’hekk jittraċċaw, itellgħu u jniżżlu x-xogħlijiet protetti fuq l-imsemmija kompjuters?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 jippermettu li tingħata ordni kontra intermedjarju fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet meta dan l-intermedjarju jiffaċilita l-atti ta’ ksur imwettqa minn terzi bil-mod imsemmi fl-ewwel domanda?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni, fuq l-internet, ta’ pjattaforma ta’ qsim li, permezz tal-indiċjar ta’ metadata dwar xogħlijiet protetti u tal-provvista ta’ mutur ta’ riċerka, tippermetti lill-utenti ta’ din il-pjattaforma jsibu dawn ix-xogħlijiet u jaqsmuhom bejniethom fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer.

19      Mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-awturi jibbenefikaw mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul minnhom individwalment.

20      Skont din id-dispożizzjoni, l-awturi għalhekk għandhom dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom jindaħlu bejn eventwali utenti tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li dan isir (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Peress li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jispeċifikax il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, hemm lok li jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett fid-dawl tal-għanijiet li din id-direttiva tfittex li tilħaq u fid-dawl tal-kuntest li fih tidħol id-dispożizzjoni interpretata (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li din id-direttiva għandha l-għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-awturi, li jippermettilhom jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” għandu jinftiehem fis-sens wiesa’, hekk tiddikjara espliċitament il-premessa 23 ta’ din id-direttiva (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, fir-rigward tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, li huwa jinvolvi evalwazzjoni individwalizzata (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil “pubbliku” (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Sabiex jiġi evalwat jekk utent iwettaqx att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kriterji addizzjonali, ta’ natura mhux awtonoma u interdipendenti, kollha f’relazzjoni ma’ xulxin. Konsegwentement, huma għandhom jiġu applikati kemm individwalment kif ukoll fl-interazzjoni tagħhom ma’ xulxin, peress li dawn jistgħu, f’sitwazzjonijiet konkreti differenti, ikunu preżenti b’intensità varjabbli ħafna (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fost dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, l-ewwel nett, ir-rwol indispensabbli li għandu l-utent u n-natura deliberata tal-intervent tiegħu. Fil-fatt, dan l-utent iwettaq att ta’ komunikazzjoni meta jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, jew diffiċilment ikunu jistgħu, igawdu mix-xogħol imxandar (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      It-tieni nett, hija speċifikat li l-kunċett ta’ “pubbliku” jirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u, barra minn hekk, jimplika numru ta’ persuni pjuttost kunsiderevoli (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi kklassifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, xogħol protett għandu jiġi kkomunikat skont mod tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati sa dak il-mument jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi kkomunikat lil “pubbliku ġdid”, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta jkunu awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tagħhom lill-pubbliku (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, diversi drabi, li n-natura lukrativa ta’ komunikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ma hijiex irrilevanti (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni ta’ pjattaforma ta’ qsim online, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxux “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li d-dritt tal-awtur li jikkomunika lill-pubbliku, previst fl-imsemmi Artikolu 3(1), ikopri kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir.

31      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, sabiex ikun hemm “att ta’ komunikazzjoni”, huwa suffiċjenti, b’mod partikolari, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku b’mod li l-persuni li jifformaw dan il-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalih, minn post u f’ħin magħżul minnhom individwalment, mingħajr ma jkun determinanti jekk jużawx din il-possibbiltà jew le (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li jiġu pprovduti, fuq sit internet, links li wieħed jista’ jikklikkja fuqhom lejn xogħlijiet protetti ppubblikati mingħajr ebda restrizzjoni ta’ aċċess fuq sit ieħor joffri lill-utenti tal-ewwel sit aċċess dirett għall-imsemmija xogħlijiet (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 18; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International, C‑348/13, EU:C:2014:2315, punt 15, u s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 43).

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dan huwa wkoll il-każ tal-bejgħ ta’ mediaplayer li fuqu ġew installati minn qabel add‑ons, disponibbli fuq l-internet, li jinkludu hypertext links li jwasslu għal siti internet liberament aċċessibbli għall-pubbliku li fuqhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punti 38 u 53).

34      Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li, bħala prinċipju, kull att li permezz tiegħu utent jagħti, b’għarfien sħiħ tal-fatti, aċċess lill-klijenti tiegħu għal xogħlijiet protetti jista’ jikkostitwixxi “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

35      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali, fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, li huwa paċifiku li, permezz tal-pjattaforma ta’ qsim online TPB, xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ din il-pjattaforma, b’mod li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom, minn post u f’ħin magħżul minnhom individwalment.

36      It-tieni nett, huwa minnu, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, li x-xogħlijiet mqiegħda b’dan il-mod għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-pjattaforma ta’ qsim online TPB tqiegħdu online fuq din il-pjattaforma mhux mill-amministraturi ta’ din tal-aħħar, iżda mill-utenti tagħha. Jibqa’ l-fatt li dawn l-amministraturi, permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni u tal-ġestjoni ta’ pjattaforma ta’ qsim online, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jintervjenu b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tagħhom, sabiex jagħtu aċċess għax-xogħlijiet protetti, billi jindiċjaw u jidentifikaw fuq l-imsemmija pjattaforma il-fajls torrent li jippermettu lill-utenti tagħha jsibu dawn ix-xogħlijiet u jaqsmuhom bejniethom fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer. F’dan ir-rigward, kif indika essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza tat-tqegħid għad-dispożizzjoni u tal-ġestjoni mill-imsemmija amministraturi, l-utenti ma jkunux jistgħu jaqsmu l-imsemmija xogħlijiet bejniethom jew, tal-inqas, il-qsim tagħhom fuq l-internet jirriżulta li jkun iktar kumpless.

37      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni u tal-ġestjoni tal-pjattaforma ta’ qsim online TPB, l-amministraturi tagħha joffru lill-utenti tagħhom aċċess għax-xogħlijiet ikkonċernati. Għalhekk huma jistgħu jitqiesu li għandhom rwol indispensabbli fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet inkwistjoni.

38      Fl-aħħar nett, l-amministraturi tal-pjattaforma ta’ qsim online TPB ma jistgħux jitqiesu li jwettqu “sempliċi provvista” ta’ faċilitajiet fiżiċi sabiex tkun tista’ sseħħ jew sabiex isseħħ komunikazzjoni, fis-sens tal-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-pjattaforma twettaq l-indiċjar tal-fajl torrent, b’mod li x-xogħlijiet li għalihom jirreferu dawn il-fajls torrent jistgħu jinstabu u jitniżżlu faċilment mill-utenti tal-imsemmija pjattaforma ta’ qsim. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pjattaforma ta’ qsim online TPB toffri, minbarra mutur ta’ riċerka, indiċi li jikklassifika x-xogħlijiet taħt diversi kategoriji, ibbażati fuq in-natura tax-xogħlijiet, il-ġeneru jew il-popolarità tagħhom, li fihom jitqassmu x-xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni, u l-osservanza tat-tqegħid ta’ xogħol fil-kategorija xierqa hija vverifikata mill-amministraturi ta’ din il-pjattaforma. Barra minn hekk, l-imsemmija amministraturi jħassru l-fajls torrent obsoleti jew żbaljati u jiffiltraw ċertu kontenut b’mod attiv.

39      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-provvista u l-ġestjoni ta’ pjattaforma ta’ qsim online, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jitqiesu li huma att ta’ komunikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

40      Fit-tieni lok, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ ukoll li x-xogħlijiet protetti jiġu effettivament ikkomunikati lil pubbliku (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li l-kunċett ta’ “pubbliku” jinvolvi ċertu limitu de minimis, li jeskludi minn dan il-kunċett numru ta’ persuni kkonċernati żgħir wisq, jew saħansitra insinjifikanti. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet lil destinatarji potenzjali. Għaldaqstant, huwa rilevanti li jsir magħruf mhux biss kemm persuni għandhom aċċess għall-istess xogħol b’mod parallel, iżda wkoll kemm minnhom għandhom suċċessivament aċċess għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li numru kbir ta’ abbonati ta’ Ziggo u ta’ XS4ALL niżżlu fajls multimedjali permezz tal-pjattaforma ta’ qsim online TPB. Mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li din il-pjattaforma tintuża minn numru kunsiderevoli ta’ persuni, peress li l-amministraturi semmew, fuq il-pjattaforma ta’ qsim online, diversi tużżani ta’ miljuni ta’ “peers”. F’dan ir-rigward, il-komunikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkopri, tal-inqas, l-utenti kollha ta’ din il-pjattaforma. Dawn l-utenti jistgħu jaċċedu, f’kull mument u fl-istess ħin, għax-xogħlijiet protetti li jinqasmu permezz tal-imsemmija pjattaforma. Għaldaqstant, din il-komunikazzjoni hija intiża għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u tinvolvi numru kbir ta’ persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Minn dan isegwi li, permezz ta’ komunikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xogħlijiet protetti ġew effettivament ikkomunikati lil “pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

44      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk dawn ix-xogħlijiet ġewx ikkomunikati lil pubbliku “ġdid” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 24 u 31), u fid-digriet tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C‑348/13, EU:C:2014:2315, punt 14), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali pubbliku huwa pubbliku li ma ttiħidx inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta dawn tal-aħħar awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali.

45      F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li l-amministraturi tal-pjattaforma ta’ qsim online TPB ġew informati li din il-pjattaforma, li huwa jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti u li huma jiġġestixxu, tagħti aċċess għal xogħlijiet ippubblikati mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet u, min-naħa l-oħra, li l-istess amministraturi jimmanifestaw espressament, fuq il-blogs u l-forums disponibbli fuq l-imsemmija pjattaforma, l-għan tagħhom li jqiegħdu xogħlijiet protetti għad-dispożizzjoni tal-utenti, u jinkoraġġixxu lil dawn tal-aħħar iwettqu kopji ta’ dawn ix-xogħlijiet. Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-amministraturi tal-pjattaforma online TPB ma setgħux ma jkunux jafu li din il-pjattaforma tagħti aċċess għal xogħlijiet ippubblikati mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet, fid-dawl tal-fatt, li ġie enfasizzat espressament mill-qorti tar-rinviju, li parti kbira ħafna mill-fajls torrent li jinsabu fuq il-pjattaforma ta’ qsim online TPB jirreferu għal xogħlijiet ippubblikati mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li hemm komunikazzjoni lil “pubbliku ġdid” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni ta’ pjattaforma ta’ qsim online, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jitwettqu bil-għan li minnhom isir qligħ, peress li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, din il-pjattaforma tiġġenera dħul mir-reklamar kunsiderevoli.

47      Għaldaqstant, għandu jitqies li t-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni ta’ pjattaforma ta’ qsim online, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni, fuq l-internet, ta’ pjattaforma ta’ qsim li, permezz tal-indiċjar ta’ metadata dwar xogħlijiet protetti u tal-provvista ta’ mutur ta’ riċerka, tippermetti lill-utenti ta’ din il-pjattaforma jsibu dawn ix-xogħlijiet u jaqsmuhom bejniethom fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer.

 Fuq it-tieni domanda

49      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni, fuq l-internet, ta’ pjattaforma ta’ qsim li, permezz tal-indiċjar ta’ metadata dwar xogħlijiet protetti u tal-provvista ta’ mutur ta’ riċerka, tippermetti lill-utenti ta’ din il-pjattaforma jsibu dawn ix-xogħlijiet u jaqsmuhom bejniethom fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.