Language of document : ECLI:EU:C:2019:1115

Kawża C502/19

Proċedura kriminali

kontra

Oriol Junqueras Vies

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo)

 Sentenza (Awla Manja) tad19 ta’ Diċembru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura mħaffa – Dritt istituzzjonali – Ċittadin tal-Unjoni Ewropea elett fil-Parlament Ewropew minkejja li qiegħed f’detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura kriminali – Artikolu 14 TUE – Kunċett ta’ ‘membru tal-Parlament Ewropew’ – Artikolu 343 TFUE – Immunitajiet neċessarji għat-twettiq tal-missjoni tal-Unjoni – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 9 – Immunitajiet lill-membri tal-Parlament Ewropew – Immunità ta’ traġitt – Immunitajiet ta’ sessjonijiet – Kampijiet ta’ applikazzjoni personali, ratione temporis u ratione materiae ta’ dawn id-diversi immunitajiet – Tneħħija ta’ immunità mill-Parlament Ewropew – Talba għat-tneħħija ta’ immunità minn qorti nazzjonali – Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali – Artikolu 5 – Mandat – Artikolu 8 – Proċedura elettorali – Artikolu 12 – Verifika tas-setgħat tal-membri tal-Parlament Ewropew wara l-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 39(2) – Elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, liberu u sigriet – Dritt ta’ eliġibbiltà”

1.        Domandi preliminari – Proċedura għal deċiżjoni preliminari mħaffa – Kundizzjonijiet – Ċirkustanzi li jiġġustifikaw trattament rapidu – Talba għal interpretazzjoni ppreżentata fil-kuntest ta’ rikors dwar il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tneħħija ta’ miżura ta’ tpoġġija f’detenzjoni provviżorja – Ammissibbiltà tal-użu ta’ din il-proċedura

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23a; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 105(1))

(ara l-punti 43 sa 45)

2.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Tilwima fil-kawża prinċipali dwar miżura ta’ tpoġġija f’detenzjoni provviżorja – Sentenza ta’ kundanna li ngħatat wara r-rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assenza ta’ effett

(Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 51 sa 59)

3.        Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membri tal-Parlament Ewropew – Kunċett – Kwalità akkwistata minħabba l-fatt u fil-mument tal-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati

(Artikolu 343 TFUE; Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, Artikolu 6; Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 9)

(ara l-punti 62, 71, 75 sa 77)

4.        Il-Parlament Ewropew – Elezzjonijiet – Kompetenza tal-Istati membri – Proċedura elettorali u proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali – Limiti

(Artikoli 2, 10(1) u 14(3) TUE; Artikolu 223(1) TFUE; Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, Artikoli 8 u 12)

(ara l-punti 63 sa 69)

5.        Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membri tal-Parlament Ewropew – Immunità ta’ sessjonijiet – Immunità marbuta mal-kwalità ta’ membru – Portata ratione temporis – Immunità applikabbli matul il-perijodu tas-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-mandat tal-membri tal-leġiżlatura

(Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, Artikolu 6; Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9)

(ara l-punti 74, 77, 78)

6.        Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membri tal-Parlament Ewropew – Immunità ta’ traġitt – Immunità marbuta mal-kwalità ta’ membru – Portata ratione temporis – Immunità applikabbli mill-mument tal-proklamazzjoni tar-riżultati elettorali

(Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, Artikolu 6; Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9)

(ara l-punti 79 sa 81, 85 sa 87)

7.        Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Membri tal-Parlament Ewropew – Immunità ta’ traġitt – Portata materjali – Parteċipazzjoni għas-sessjoni kostituttiva tal-Parlament Ewropew – Inklużjoni – Miżura ta’ tpoġġija f’detenzjoni provviżorja adottata qabel il-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali – Żamma suġġetta għal talba ta’ tneħħija ta’ immunità

(Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, Artikolu 6; Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 9)

(ara l-punti 87 sa 92)

Sunt

Persuna eletta fil-Parlament Ewropew tikseb il-kwalità ta’ membru ta’ din l-istituzzjoni mill-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati u tgawdi minn dan il-mument mill-immunitajiet marbuta ma’ din il-kwalità

Fis-sentenza preliminari Junqueras Vies (C‑502/19), mogħtija fid‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, ippreċiżat il-portata personali, ratione temporis u ratione materiae tal-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Parlament Ewropew (1).

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’diversi domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja). Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn politiku elett fil-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet tas‑26 ta’ Mejju 2019, kontra digriet li rrifjuta li jagħtih awtorizzazzjoni straordinarja ta’ ħruġ mill-ħabs. Il-persuna kkonċernata kienet tpoġġiet f’detenzjoni provviżorja qabel dawn l-elezzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kontrih minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fl-organizzazzjoni tar-referendum ta’ awtodeterminazzjoni li nżamm fl‑1 ta’ Ottubru 2017 fil-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña. Huwa talab l-awtorizzazzjoni msemmija iktar ’il fuq sabiex ikun jista’ jissodisfa formalità meħtieġa mid-dritt Spanjol wara l-proklamazzjoni tar-riżultati, formalità li tikkonsisti fit-teħid ta’ ġurament ta’ osservanza tal-Kostituzzjoni Spanjola quddiem Kummissjoni Elettorali Ċentrali, u jivvjaġġa sussegwentement għall-Parlament Ewropew sabiex ikun jista’ jieħu sehem fis-sessjoni kostituttiva tal-leġiżlatura l-ġdida. Wara li adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal Supremo, fl‑14 ta’ Ottubru 2019, ikkundannat lill-persuna kkonċernata għal piena ta’ tlettax-il sena ħabs kif ukoll, għall-istess perijodu, għal piena ta’ inkapaċità assoluta li teżerċita karigi jew funzjonijiet pubbliċi.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li persuna li hija eletta fil-Parlament Ewropew tikseb il-kwalità ta’ membru tal-Parlament minħabba l-fatt u fil-mument tal-proklamazzjoni tar-riżultati elettorali, b’tali mod li hija tgawdi mill-immunitajiet żgurati mill-Artikolu 9 tal-Protokoll.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, minkejja li l-proċedura elettorali u l-proklamazzjoni tar-riżultati huma bħala prinċipju rregolati mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, konformement mal-Artikoli 8 u 12 tal-Att Elettorali tal‑1976 (2), l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, liberu u sigriet (3) tikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju kostituzzjonali ta’ demokrazija rappreżentattiva, li l-portata tiegħu hija ddefinita mid-dritt tal-Unjoni nnifsu. Issa, mit-trattati u mill-Att Elettorali tal‑1976 jirriżulta li l-kwalità ta’ membru tal-Parlament Ewropew tirriżulta mis-sempliċi elezzjoni tal-persuna kkonċernata u tinkiseb minnha mill-fatt tal-proklamazzjoni uffiċjali tar-riżultati magħmula mill-Istati Membri. Barra minn hekk, mill-Artikolu 343 TFUE jirriżulta li l-Unjoni, u għalhekk l-istituzzjonijiet tagħha kif ukoll il-membri tagħha, għandhom igawdu mill-immunitajiet neċessarji għall-missjonijiet tagħhom.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuni li, bħal O. Junqueras Vies, huma eletti membri tal-Parlament Ewropew igawdu, sa mill-proklamazzjoni tar-riżultati, mill-immunità ta’ traġitt marbuta mal-kwalità tagħhom ta’ membru u prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Issa, din l-immunità għandha l-għan li tippermettilhom, b’mod partikolari, li jmorru u jieħdu sehem fis-sessjoni kostituttiva tal-leġiżlatura l-ġdida tal-Parlament Ewropew. Fil-fatt, b’differenza mill-immunità ta’ sessjoni prevista fl-ewwel paragrafu, li huma jgawdu minnha biss mill-ftuħ ta’ din is-sessjoni kostituttiva u matul il-perijodu kollu tas-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-immunità ta’ traġitt tkopri l-ivvjaġġar tal-membri lejn il-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew, inkluża l-ewwel sessjoni tiegħu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, f’dan ir-rigward, li l-għanijiet imfittxija mill-immunitajiet previsti mill-Protokoll jikkonsistu f’li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-funzjonament tajjeb u tal-indipendenza tal-istituzzjonijiet. F’dan il-kuntest, l-immunità ta’ traġitt imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan il-Protokoll tagħti effett għad-dritt ta’ eliġibbiltà żgurat mill-Artikolu 39(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi tippermetti lil kull membru, minn meta jkun ipproklamat elett u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huwa ssodisfax jew le eventwali formalitajiet previsti mid-dritt intern, li jipparteċipa fis-sessjoni kostituttiva tal-Parlament Ewropew mingħajr l-ivvjaġġar tiegħu ma jkun jista’ jiġi ostakolat.

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-benefiċċju tal-immunità ta’ traġitt żgurat għal kull membru tal-Parlament Ewropew jimplika t-tneħħija ta’ kull miżura ta’ tpoġġija f’detenzjoni provviżorja li tkun ġiet imposta qabel il-proklamazzjoni tal-elezzjoni tiegħu, sabiex ikun jista’ jmur u jieħu sehem fis-sessjoni kostituttiva tal-Parlament Ewropew. Konsegwentement, jekk il-qorti nazzjonali kompetenti kellha tqis neċessarju li żżomm tali miżura, hija jkollha titlob malajr kemm jista’ jkun lill-Parlament Ewropew li jneħħi din l-immunità, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.


1      Immunitajiet stabbiliti fl-Artikolu 343 TFUE u fl-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 326, p. 266) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”).


2      Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal‑20 ta’ Settembru 1976 (ĠU 1976, L 278, p. 1), emendat, fl-aħħar lok, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal‑25 ta’ Ġunju u tat‑23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 137).


3      Artikolu 14(3) TUE.