Language of document : ECLI:EU:F:2011:155

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (Qorti Plenarja)

27 ta’ Settembru 2011 (*)

“Servizz pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż indispensabbli — Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha — Obbligu għal rikorrenti li tilef li jbati dawn l-onorarji — Prinċipju ta’ trattament ugwali — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża F‑55/08 DEP,

Carlo De Nicola, membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, residenti fi Strassen (il-Lussemburgu), irrappreżentat minn L. Isola, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn F. Martin, bħala aġent, assistita minn A. Dal Ferro, avukat,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Qorti Plenarja),

komposta minn P. Mahoney, President, H. Tagaras, S. Gervasoni, Presidenti ta’ Awla, H. Kreppel (Relatur), I. Boruta, S. Van Raepenbusch u M. I. Rofes i Pujol, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Marzu 2010 b’faks (ir-reġistrazzjoni tal-oriġinal kienet saret fl-istess ġurnata), il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) adixxa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’talba għall-intaxxar tal-ispejjeż wara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, De Nicola vs BEI (F‑55/08, li kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑37/10 P).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-5 ta’ Ġunju 2008, C. De Nicola talab partikolarment, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2007 li biha l-Kumitat tal-Appell tal-BEI ċaħad ir-rikors tiegħu intiż, minn naħa, għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-punt attribwit lilu għas-sena 2006 u, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-BEI tat-13 ta’ Lulju 2007 dwar il-promozzjonijiet adottati għas-sena 2006, sa fejn huma naqsu milli jippromwovuh għal funzjoni D, it-tieni nett, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2006 u tad-deċiżjonijiet tat-13 ta’ Lulju 2007 sa fejn huma naqsu milli jippromwovuh għal din il-funzjoni, it-tielet nett, il-konstatazzjoni li huwa kien vittma ta’ fastidju psikoloġiku, ir-raba’ nett, li l-BEI jiġi kkundannat jikkumpensa d-danni li huwa jqis li soffra minħabba dan il-fastidju, u fl-aħħar nett, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal ċerti spejjeż għal trattament mediku bil-lejżer.

3        Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, De Nicola vs BEI, ċċitata iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors u kkundanna lil C. De Nicola għall-ispejjeż sostnuti mill-BEI.

4        Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Jannar 2010, il-BEI talab lil C. De Nicola jirrimborsah is-somma ta’ EUR 18 232.25, jiġifieri EUR 17 000 għall-onorarji mħallsa lill-avukat li assistih fir-rikors, EUR 364.05 li jikkorrispondu għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar sostnuti minnu, u EUR 868.20 għal “spejjeż amministrattivi ġenerali”. Ma’ din l-ittri kienu mehmuża żewġ noti ġustifikattivi tal-onorarji indirizzati lill-BEI mill-avukat tiegħu.

5        Permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ Frar 2010, C. De Nicola informa lil BEI li s-somma li ntalbitlu la kienet proporzjonata u lanqas iġġustifikata. Madankollu l-persuna kkonċernata ddikjarat li kienet lesta li tħallas is-somma ta’ EUR 4 800.

6        Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Marzu 2010 indirizzata lil C. De Nicola, il-BEI indika li, “bil-għan li jintlaħaq ftehim u li tiġi evitata proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż”, huwa kien dispost li jiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru għas-somma ta’ EUR 16 000, filwaqt li ppreċiża madankollu li tali offerta kellha tinftiehem bħala li saret “mingħajr impenn ulterjuri tal-[BEI] fil-kuntest ta’ eventwali proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż”.

7        Permezz ta’ risposta għal din l-ittra, C. De Nicola, permezz ta’ posta elettronika tat-8 ta’ Marzu 2010, wera wkoll li kien lest li jevita li jirrikorri għal proċedura ġurisdizzjarja ġdida u ppropona li jħallas lil BEI s-somma ta’ EUR 6 000, jiġifieri somma superjuri għal dik li huwa kien iddikjara dispost li jħallas fil-posta elettronika tal-15 ta’ Frar 2010.

8        Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Marzu 2010, il-BEI adixxa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż.

9        Il-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

10      B’att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-19 ta’ Mejju 2010, C. De Nicola ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

11      Il-BEI talab lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu jiffissa għal EUR 18 214.50 l-ammont tal-ispejjeż dovuti minn C. De Nicola skont il-Kawża F‑55/08.

12      C. De Nicola talab lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu jiċħad it-talba bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondata.

13      Il-kawża ġiet irrinvijata lis-seduta plenarja.

14      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-partijiet sabiex jirrispondu għall-domandi prinċipali li ġejjin:

–        Meta istituzzjoni tirrikorri għall-assistenza ta’ avukat, l-onorarji mħallsa lilu għandhom jitqiesu, fid-dawl tas-singolarità tal-kawża tas-servizz pubbliku u tal-prinċipju ta’ aċċess ugwali għall-qorti, bħala “indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura” fis-sens tal-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, anki jekk l-assistenza ta’ avukat tikkostitwixxi fakultà sempliċi għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni u mhux obbligu impost fuqha?

–        Il-fatt li jitqies li l-onorarji mħallsa minn istituzzjoni lil avukat huma “indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura” ma jistax joħloq diskriminazzjoni bejn ir-rikorrenti li tilfu, skont jekk l-istituzzjoni konvenuta tirrikorrix jew le għall-assistenza ta’ avukat, u minkejja l-fatt li r-rikorrenti ma għandhom l-ebda influwenza fuq il-motivi li abbażi tagħhom istituzzjoni tiddeċiedi li tirrikorri għal avukat (għażla tal-istituzzjoni li tużax servizz legali li jista’ jittratta l-kawżi ta’ servizz pubbliku, organizzazzjoni u dimensjoni tal-imsemmi servizz legali, ammont ta’ xogħol tal-membri tal-persunal, inkapaċità għal dawk li jaħdmu fil-lingwa tal-kawża, eċċ)?

–        F’kwalunkwe każ, f’din il-kawża, ir-rikors mill-BEI għal avukat kien assolutament neċessarju, fid-dawl b’mod partikolari tax-xogħol preċedentement imwettaq mis-servizzi interni tagħha li jikkonċerna t-tilwima ma’ C. De Nicola?

–        Liema effett fuq l-eżitu tat-tilwima għandu jinsilet mid-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 2004, BEI vs De Nicola (C‑198/02 P (R)‑DEP)?

15      Il-partijiet wieġbu għal dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

 L-argumenti tal-partijiet

16      Il-BEI jsostni li s-somma ta’ EUR 18 214.50 mitluba għall-ispejjeż li jistgħu jinġabru — jiġifieri EUR 17 000 li jikkorrispondu għall-onorarji tal-avukat tiegħu, EUR 364.50 li jikkorrispondu għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar sostnuti minn dan l-avukat sabiex imur it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u EUR 850 li jikkorrispondu għall-“ispejjeż ġenerali” tiegħu — hija raġonevoli u konformi mal-indikazzjonijiet tal-ġurisprudenza.

17      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, l-onorarji ta’ avukat ta’ ammont ta’ EUR 17 000, il-BEI jfakkar qabel kollox li, skont il-ġurisprudenza, dawn jaqgħu taħt il-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedura. Sussegwentement il-BEI josserva li, għalkemm il-kwistjonijiet legali mqajma mill-kawża prinċipali ma kinux ġodda, in-numru sinjifikattiv ta’ paġni tar-rikors, li kien akkumpanjat minn numru kunsiderevoli ta’ annessi, kif ukoll il-formulazzjoni ta’ diversi talbiet minn C. De Nicola kienu jeħtieġu min-naħa tal-avukat tiegħu numru ta’ siegħat ta’ xogħol. Barra minn hekk, it-tul stess tas-sentenza — 276 punt — jixhed il-kumplessità tal-kawża prinċipali, Fl-aħħar nett, il-BEI jenfasizza li s-somma ta’ EUR 17 000 għall-onorarji tal-avukat, li tinkludi, sa EUR 1 000, l-ispejjeż għal preparazzjoni ta’ din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, tikkorrispondi, fid-dawl ta’ tariffa medja għal kull siegħa għal EUR 220, madwar 77 siegħa ta’ xogħol, li din tkun adegwata fir-rigward tas-servizzi pprovduti.

18      Fir-risposta, C. De Nicola jitlob l-ewwel nett l-inammissibbiltà tat-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, billi jsostni li din kellha tiġi ppreċeduta, skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, minn proċedura ta’ konċiljazzjoni.

19      Sussidjarjament, C. De Nicola jitlob iċ-ċaħda tat-talba.

20      Għal dak li jirrigwarda l-onorarji tal-avukat, C. De Nicola jikkontesta l-affermazzjoni li tipprovdi li dawn kienu indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura. Peress li l-BEI kellu l-possibbiltà li jkun irrappreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mill-aġenti tiegħu biss, huwa jenfasizza li l-BEI għandu l-obbligu li jistabbilixxi li, f’dan il-każ, huwa neċessarju għalih li jirrikorri għas-servizzi ta’ avukat estern, minħabba, b’mod partikolari, il-kumplessità tad-domandi ttrattati. Issa, skont C. De Nicola, il-BEI, li llimitata ruħu li jiffissa ex ante u bħala somma f’daqqa l-onorarji tal-avukat tiegħu, ma pproduċiex tali prova u ma ċċitata ebda att partikolari li d-diffikultà ta’ redazzjoni tiegħu kienet tirrendi neċessarja l-assistenza ta’ professjonista estern. Fl-aħħar nett, C. De Nicola jfakkar li l-BEI rrikonoxxa huwa stess, fit-talba tiegħu, li d-domandi mqajma fil-kawża prinċipali ma kinux ġodda u jżid li l-għadd ta’ dokumenti annessi mar-rikors tiegħu fil-kawża prinċipali kienu ġejjin mill-BEI stess u kienu diġà ġew irreġistrati fil-kawżi preċedenti.

21      Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar sostnuti mill-avukat tal-BEI sabiex jasal fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, C. De Nicola jikkontesta l-fondatezza tagħhom u barra minn hekk josserva li s-somma mitluba f’dan ir-rigward, jiġifieri EUR 364.50, kienet tikkorrispondi għal dik li l-istess avukat kien iffattura lill-BEI għal vjaġġ għal laqgħa fis-17 ta’ Settembru 2008.

22      Rigward l-ispejjeż amministrattivi ġenerali li r-rimbors tagħhom huwa mitlub għal ammont ta’ EUR 850, C. De Nicola jallega li l-BEI lanqas stabbilixxa li kien sostna tali spejjeż.

23      B’risposta għall-osservazzjonijiet ta’ C. De Nicola, il-BEI jikkontesta l-affermazzjoni li tipprovdi l-onorarji mħallsa lill-avukat tiegħu ma kinux indispensabbli. Huwa jesponi li r-riżorsi tas-servizz legali tiegħu huwa qabel kollox iddedikat għall-missjonijiet li għalihom huwa nħoloq, jiġifieri l-għoti ta’ self u ta’ garanziji għall-kontribuzzjoni tal-iżvilupp tas-suq intern, u ma jippermettulux li jipprepara jew li jsegwi t-tilwim bejn il-membri tal-persunal tiegħu. Minn dan il-BEI jiddeduċi li l-prattika regolari tiegħu li jirrikorri għal avukat, quddiem il-qrati tal-Unjoni kollha u dan irrispettivament mil-lingwa tal-kawża, għandha titqies li hija indispensabbli sabiex tiġi żgurata d-difiża tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż

24      Għandu jiġi rrilevat li t-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż imressqa mill-BEI tirriżulta mid-dritt għall-ispejjeż mogħti lilu mis-sentenza C. De Nicola vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija fil-kawża prinċipali u, konsegwentement, ma taqax taħt id-drittijiet u obbligi statutorji ta’ C. De Nicola, bħala membru tal-persunal tal-BEI (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) tal-4 ta’ Awwissu 1998, Eppe/Commission, T‑77/98, punt 11). F’dawn iċ-ċirkustanzi, C. De Nicola ma huwiex fondat li jeżiġi li, sabiex tkun ammissibbli, it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż kellha tkun ippreċeduta mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, li l-ġurisprudenza dwarha fakkret barra minn hekk in-natura fakultattiva (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) tas-17 ta’ Ġunju 2003, Seiller vs BEI, T‑385/00, punt 73).

25      Minn dan isegwi li t-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż hija ammissibbli.

 Fuq il-fondatezza tat-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż

 Għal dak li jikkonċerna l-onorarji tal-avukat skont il-proċedura fil-kawża prinċpali

26      Għandu jitfakkar preliminarjament li, skont l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-terminu “istituzzjoni” użat f’dan l-artikolu ma għandux jinftiehem bħala jinkludi esklużivament l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 13(1) TFUE, iżda bħala jkopri wkoll l-korpi u l-organi l-oħrajn tal-Unjoni bħall-BEI (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Marzu 2011, De Nicola vs BEI, F‑59/09, punt 116, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑264/11 P).

27      Skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż li ġejjin għandhom jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru “l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, partikolarment l-ispejjeż ta’ vjaġġ u ta’ alloġġ, kif ukoll ir-remunerazzjoni tar-rappreżentant, jekk dawn l-ispejjeż ikunu indispensabbli”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati, minn naħa, għal dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, għal dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet (digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-26 ta’ April 2010, Schönberger vs Il-Parlament, F‑7/08 DEP, punt 23).

28      Il-kwistjoni tqum dwar jekk u taħt liema kundizzjonijiet, fl-ipoteżi li istituzzjoni fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal avukat, l-onorarji mħallsa lilu jikkostitwixxux “spejjeż li jistgħu jinġabru” fis-sens tal-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura.

29      F’dan ir-rigward, it-teżi li tikkunsidra li l-onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat li hija rrikorriet għalih fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem qorti qatt ma jistgħu jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jinġabru, għar-raġuni li hija ma hijiex obbligata li tkun assistit minn avukat, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, jekk huwa minnu li r-rikors minn istituzzjoni għal avukat jikkostitwixxi biss fakultà li titħalla għad-dispożizzjoni libera tagħha, tali rikors jikkostitwixxi madankollu prerogattiva inerenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat li hija rrikorriet għalih għandhom dejjem jitqiesu bħala spejjeż.

30      Madankollu, in-natura li jistgħu jinġabru tal-onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat li hija rrikorriet għalih hija suġġetta, kif ukoll jipprovdi dan b’mod espress l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, għall-prova mill-istituzzjoni tan-natura “indispensabbli” tagħhom għall-finijiet tal-proċedura.

31      Ċertament, ġie deċiż li, meta istituzzjoni tirrikorri għall-assistenza ta’ avukat, ir-remunerazzjoni tiegħu taqa’ taħt il-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 1976, Dietz vs Il-Kummissjoni, 126/76 DEP, punti 5 u 6; tas-7 ta’ Settembru 1999. Il-Kummissjoni vs Sveriges Betodlares u Henrikson, C‑409/96 P‑DEP, punt 12, u tas-26 ta’ Novembru 2004, BEI vs De Nicola, C‑198/02 P‑DEP, punt 18; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) tas-6 ta’ Frar 1995, Tête et vs BEI, T‑460/93 DEP, u tal-24 ta’ Marzu 1998, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T‑175/94 DEP, punt 9).

32      Madankollu, ma jistax jiġi dedott mid-digrieti ċċitati fil-paragrafu preċedenti li, għall-qorti tal-Unjoni, l-onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha jikkostitwixxu, f’kull każ, spejjeż li jistgħu jinġabru, li fir-rigward tagħhom l-istituzzjoni tkun eżentata milli jkollha tipproduċi l-prova, skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, tan-natura indispensabbli tagħhom. Fil-fatt, billi preċiżat, f’uħud mill-imsemmija digriet, li r-remunerazzjoni tal-avukat taqa’ taħt “il-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli għall-finijiet tal-proċeduri”, il-qorti tal-Unjoni llimitat ruħha li tindika li, kuntrarjament għall-ispejjeż l-oħra esklużi, minħabba n-natura tagħhom, l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, bħar-remunerazzjoni tal-aġenti inkarigati milli jirrappreżentaw l-istituzzjonijiet quddiem qorti tal-ġustizzja, l-onorarji tal-avukat setgħu, bil-kundizzjoni li l-prova tan-natura indispensabbli tagħhom tiġi prodotta, jiġu rrimborsati lill-istituzzjonijiet. Jekk huwa minnu li, wara d-deċiżjoni tad-digriet imsemmija fil-punt preċedenti, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bid-deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2004 li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (ĠU L 333, p. 7), daħħal fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I li t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(5) tiegħu tipprovdi issa li, suġġett għad-dispożizzjonijiet partikolari tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu mitluba, huwa minnu wkoll li minn dan ma jirriżultax la emenda tar-regoli li jirregolaw ir-responsabbiltà għall-ħlas tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru u lanqas id-definizzjoni tagħhom.

33      Jekk l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jiġi interpretat bħala li jimplika, f’kull każ, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva partikolari, li l-onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha għandhom jitqiesu li huma “spejjeż indispensabbli” fis-sens ta’ dan l-artikolu, tali interpretazzjoni tirriskja li twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-każ partikolari meta żewġ uffiċjali tal-istess istituzzjoni jippreżentaw kull wieħed rikors kontriha u meta l-imsemmija istituzzjoni tiddeċiedi, għall-ewwel wieħed minn dawn ir-rikorsi, li tkun assistita minn avukat, u għat-tieni wieħed, li ma tużax avukat. Fil-fatt, fil-każ ta’ ċaħda taż-żewġ rikorsi u tal-kundanna taż-żewġ uffiċjali rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti mill-istituzzjoni konvenuta, l-ammont tal-imsemmija spejjeż jirriżulta b’mod sinjifikattiv iktar għoli għall-ewwel wieħed minn dawn l-uffiċjali milli għat-tieni wieħed. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’qasam li jaqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, il-prinċipju ta’ trattat ugwali jinkiser meta istituzzjoni tagħmel differenzazzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbla mal-għan segwit (sentenza tal-Qorti tal-Prim ‘Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) tat-13 ta’ Diċembru 2004, E vs Il-Kummissjoni, T‑251/02, punt 124).

34      Il-fatt, bħal f’dan il-każ, li istituzzjoni rrikorriet regolarment għal avukat fil-kawżi kontra l-aġenti tagħha ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, sa fejn l-aġenti ta’ din l-istituzzjoni jkunu għalhekk ittrattati b’mod differenti mill-uffiċjali u mill-aġenti l-oħrajn tal-istituzzjonijiet, li ma għandhomx, jekk mhux biss rarament, l-abitudni li jkunu assistiti minn avukat fil-kawżi taħt it-tilwim tas-servizz pubbliku. Issa, il-qorti tal-Unjoni tenfasizza l-importanza tal-awtonomija ta’ kull istituzzjoni fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi teskludi argumenti bbażati fuq l-unità tas-servizz pubbliku (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) tas-16 ta’ Settembru 1997, Gimenez vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑220/95, punt 72). Madankollu, il-vantaġġ ta’ dan il-prinċipju ta’ awtonomija ġie rrikonoxxut lill-istituzzjonijiet biss bħala dawk li jimpjegaw, fil-ġestjoni tal-persunal rispettiv tagħhom. Issa tali prinċipju ma jistax jiġġustifika li l-aġenti tal-Unjoni ma jkunux, irrispettivament mill-istituzzjoni li huma jifformaw parti minnha, imqiegħda fl-istess sitwazzjoni għal dak li jikkonċerna l-aċċess għall-ġustizzja għas-soluzzjoni tat-tilwim kontra l-prinċipal tagħhom. Konsegwentement, anki jekk kull istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħha u tat-twettiq tal-missjonijiet li huma attribwiti lilha, l-aġenti kollha tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jaċċedu għall-ġustizzja taħt l-istess kundizzjonijiet u l-grad ta’ effettività tad-dritt għal rikors tagħhom ma jistax ivarja skont l-għażla tal-prinċipal tagħhom fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom.

35      Barra minn hekk, id-differenza ta’ trattament imsemmija fil-punti preċedenti tista’ wkoll, jekk l-għażla li tirrikorri jew le għal avukat kienet ibbażata fuq l-għażla tal-lingwa tal-kawża, twassal għal diskriminazzjoni indiretta skont iċ-ċittadinanza, peress li tippenalizza liċ-ċittadini tal-Istati Membri li l-lingwa tagħhom ma hijiex fost dawk li normalment huwa l-iktar użati fi ħdan is-servizzi legali tal-istituzzjonijiet.

36      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura, fl-1 ta’ Novembru 2007, l-ispejjeż sostnuti mill-istituzzjonijiet fil-kawżi fil-qasam tas-servizz pubbliku mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) tal-Komunitajiet Ewropej jibqgħu fil-prinċipju jitħallsu minnhom, skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2004 li tikkostitwixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-Kunsill iddeċieda, kif tfakkar iktar ’il fuq, li l-parti li titlef tkun ikkundannata tbati l-ispejjeż jekk dawn jiġi mitluba. Jekk tiġi adottata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura li tipprovdi li l-onorarji kollha jew parti tal-avukat imħallsa minn istituzzjoni għandhom, f’kull każ, jitqiesu li huma spejjeż indispensabbli, din ir-regola l-ġdida tista’, meta r-rikorrent jitlef u meta l-istituzzjoni konvenuta li rrikorriet għal avukat titlob il-kundanna tiegħu għall-ispejjeż, iżżid sostanzjalment l-ispiża tal-proċess għar-rikorrent. Fil-fatt, ir-rikorrent li jitlef ikollu jbati, minbarra l-onorarji mħallsa lill-avukat tiegħu, parti jew it-totalità tal-onorarji mħallsa mill-istituzzjoni lill-avukat tagħha, l-ispiża tal-proċess tista’ għaldaqstant tilħaq l-istess ammont jew superjuri għal għaxar darbiet is-salarju ta’ kull xahar ta’ uffiċjal ta’ grad AST 1, mingħajr ebda relazzjoni mal-eventwali interess ekonomiku tar-rikors tiegħu. Fid-dawl ta’ tali riskju ta’ tilwim, l-uffiċjal jew l-aġent ikkonċernat jista’ jiġi sfurzat li jirrinunzja li jippreżenta rikors, b’mod partikolari f’kawżi fejn l-interess finanzjarju jkun żgħir jew assenti. Tali konsegwenza, minħabba l-isproporzjoni bejn il-valur tal-proċess u tal-ispejjeż tiegħu, tista’ tkun ta’ natura li tippreġudika l-effettività tad-dritt għar-rikors tal-uffiċjali u tal-aġenti tal-Unjoni u għalhekk tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilita mill-ġurisprudenza u stabbilita bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

37      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-każ li rikorrenti huwa kkundannat iħallas l-ispejjeż, kollha jew parti minnhom, sostnuti minn istituzzjoni, hija għandha, fil-każ fejn hija għandha l-intenzjoni li tirkupra l-onorarji mħallsa lill-avukat tagħha, li tipprova li dawn l-onorarji kienu jikkostitwixxu “spejjeż indispensabbli” għall-finijiet tal-proċedura.

38      F’dan ir-rigward, istituzzjoni tista’ tipproduċi l-prova tan-natura neċessarja tar-rikors għal avukat billi tistabbilixxi b’mod partikolari li, għal raġunijiet ċikliċi u temporanji, marbutin b’mod partikolari ma’ tagħbija żejda speċifika ta’ xogħol u ma’ nuqqas imprevist tal-persunal fis-servizz legali tagħha, normalment kompetenti sabiex jirrappreżentaha fil-qorti, hija kienet obbligata li tkun assistita minn avukat. Dan japplika wkoll għal istituzzjoni li, tħabbat wiċċha ma’ rikorrent li ppreżenta rikorsi sinjifikattivi fir-rigward tal-volum u/jew tan-numru, tiddeduċi li sabet ruħha fl-obbligu, jekk hija ma kinitx użat avukat, li tiddedika għall-istudju tal-imsemmija rikorsi r-riżorsi tas-servizzi tagħha b’mod sproporzjonat.

39      Min-naħa l-oħra, istituzzjoni ma tistax tippretendi rimbors tal-onorarji kollha jew parti minnhom imħallsa lill-avukat tagħha fil-każ fejn hija tillimita ruħha li tispjega li hija għażlet, għal raġunijiet finanzjarji jew organizzattivi, li tneħħi s-servizz legali tagħha mill-ġestjoni tat-tilwim tas-servizz pubbliku. Fil-fatt, jekk istituzzjoni hija libera li tagħmel tali għażla, il-konsegwenzi ta’ tali għażla ma jistgħux ikunu ta’ piż fuq l-aġenti tagħha, permezz tal-ispejjeż, ħlief jekk ikun hemm riskju li tikkawża, kif intqal iktar ’il fuq, ksur tal-prinċipju tal-aċċess ugwali għall-ġustizzja bejn il-persunal tal-istituzzjonijiet li s-servizz legali tagħha jiżgura r-rappreżentazzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni u l-persunal tal-istituzzjonijiet li jirrikorru regolarment għal avukat.

40      Ladarba l-istituzzjoni tipproduċi l-prova tan-natura neċessarja tar-rikors għal avukat, hija l-qorti li għandha tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-ħlasijiet tal-onorarji tal-avukat li jistgħu jinġabru mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż.

41      F’dan ir-rigward, il-qorti ma ħaditx inkunsiderazzjoni la tariffa nazzjonali li tiffissa l-onorarji tal-avukati u lanqas eventwali ftehim konkluż f’dan ir-rigward bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha (ara, pereżempju, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) tad-9 ta’ Settembru 2002, Pannella vs Il-Parlament, T‑182/00 DEP, punt 28). Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura tariffarja, hija l-qorti li għandha tevalwa liberament id-data tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tal-kawża, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew tal-konsulenti intervenuti u l-interessi ekonomiċi lil-kawża rrappreżentat għall-partijiet (digriet Panella vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29). Il-qorti għandha wkoll tqis, meta tiffissa l-ammont tal-onorarji li jistgħu jinġabru, il-fakultà kontributtiva tal-parti kkundannata għall-ispejjeż sabiex ma jiġix ippreġudikat b’mod sproporzjonat id-dritt għal rikors effett, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ta’ din il-parti.

42      Fl-aħħar nett, l-ammont tal-onorarji li jistgħu jinġabru tal-avukat tal-istituzzjoni kkonċernata ma jistax jiġi evalwat billi jitnaqqas mix-xogħol imwettaq mis-servizz tagħha, anki qabel ma tressqet il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, peress li l-ammissibbiltà ta’ rikors hija suġġett għall-preżentazzjoni ta’ ilment u taċ-ċaħda tiegħu mill-awtorità tal-Ħatra, is-servizzi tal-istituzzjoni huma, fil-prinċipju, involuti fit-trattament tat-tilwim, qabel ma dawn ma jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Minn dan jirriżulta li, fil-kawżi fejn, għal waħda mir-raġunijiet esposti fil-punt 38 ta’ dan id-digriet, istituzzjoni rrikorriet għal avukat, in-numru total ta’ xogħol ta’ dan l-avukat jista’ jidher bħala oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura għandu jiġi evalwat, fil-prinċipju, għal terz tas-siegħat li kieku kienu neċessarju għal dan l-avukat f’każ li dan ma setax jibbaża ruħu fuq ix-xogħol preċedentement imwettaq mis-servizz legali tal-istituzzjoni.

43      Din il-proporzjoni tista’ madankollu tiġi ffissata għal livell iktar għoli, b’mod partikolari fl-ipoteżi li istituzzjoni, li tħabbat wiċċha ma’ rikorrent li ppreżenta għadd kbir ta’ rikors li għandhom natura manifestament abbużiva, issib ruħha fis-sitwazzjoni li jkollha tafda lil avukat il-ġestjoni kollha jew parti minnha tal-kawżi tagħha, inkluża l-fażi prekontenzjuża, sabiex tevita l-mobilizzazzjoni b’mod sproporzjonata tar-riżorsi tas-servizz legali tagħha.

44      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi deċiża din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, għal dak li jikkonċerna l-onorarji tal-avukat sostnuti mill-BEI fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

45      F’din il-kawża, il-BEI jsostni li t-tilwim tas-servizz pubbliku ma jaqax bl-ebda mod taħt l-attività abitwali tas-servizz legali, li hija qabel kollox iddedikata għall-missjonijiet li huwa nħoloq, jiġifieri l-għoti ta’ self u ta’ garanziji għall-kontribuzzjoni tal-iżvilupp tas-suq intern. Madankollu, kif intqal iktar ’il fuq, tali ċirkustanza ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-onorarji mħallsa lill-avukat li l-BEI rrikorra għalih għandhom jitqiesu li huma spejjeż indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura.

46      Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li r-rikors mill-BEI għal avukat kien neċessarju. Fil-fatt, għalkemm il-kawża prinċipali ma kinitx tippreżenta diffikultajiet partikolari u l-kwistjonijiet legali mqajma fiha, li jikkonċernaw, essenzjalment, il-legalità ta’ rapport ta’ evalwazzjoni u ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni mhux mogħtija kif ukoll l-allegata eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ta’ 42 paġni kien twil iktar mir-rikorsi abitwalment ippreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li l-annessi tiegħu kienu jaqbżu s-700 paġna, li l-motiv mressqa kienu ħafna u, in parti, mhux serji. Barra minn hekk, C. De Nicola kien diġà, qabel dan ir-rikors, adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali b’numru sinjifikattiv ta’ rikors, li kull wieħed minnhom kien jeżiġi, minħabba d-daqs tal-atti, xogħol partikolarment sinjifikattiv mis-servizz legali tal-BEI (Kawżi magħquda T‑7/98, T‑208/98, u T‑109/99, Kawżi magħquda T‑120/01 u T‑300/01, Kawżi magħquda T‑7/98 DEP, T‑208/98 DEP u T‑109/99 DEP u Kawża C‑198/02 P‑DEP).

47      B’dan il-mod, peress li r-rikors fil-kawża prinċipali ta’ C. De Nicola ma jistax jitqies li jippreżenta natura manifestament abbużiva, ser issir evalwazzjoni ekwa tax-xogħol oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-kawża prinċipali billi jiġi ffissat in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol għal 25 siegħa, jiġifieri t-terz ta’ dan li kien ikun neċessarju għall-avukat jekk dan ma setax jibbaża ruħu fuq ix-xogħol preċedentement imwettaq mis-servizz legali tal-BEI (75 siegħa).

48      Minn dan jirriżulta, fid-dawl tal-fatt li t-tariffa għal kull siegħa ta’ EUR 220 tirrifletti r-remunerazzjoni dovuta lill-avukat espert f’kawża ta’ din in-natura, li l-onorarji tal-avukat indispensabbli sostnuti mill-BEI fil-kuntest tal-kawża prinċipali għandhom jiġu evalwati għas-somma ta’ EUR 5 500 euros (jiġifieri 25 siegħa x EUR 220).

 Għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż l-oħra konnessi mal-kawża prinċipali

49      Il-BEI jitlob l-ewwel nett r-rimbors tas-somma ta’ EUR 364.50, li tikkorrispondi għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar allegatament sostnuti mill-avukat tagħha sabiex jasal għas-seduta. Madankollu, tali talba ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, jekk huwa veru li l-avukat li l-BEI rrikorra għalih effettivament iffattura vjaġġ professjonali għal-Lussemburgu (Lussemburgu), għal ammont ta’ EUR 364.50 euros, ma huwiex stabbilit mid-dokumenti prodotti mill-BEI insostenn tat-talba tiegħu għall-intaxxar tal-ispejjeż, li dan il-vjaġġ, li kien jikkonċerna laqgħa li seħħet fis-sede tal-BEI fis-17 ta’ Settembru 2008 u mhux is-seduta, li seħħet fl-24 ta’ Marzu 2009, kien neċessarju għall-preparazzjoni ta’ din tal-aħħar.

50      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ spejjeż oħrajn mitluba mill-BEI sa EUR 850 u li jikkorrispondu għal “spejjeż ġenerali” sostnuti minnu, dawn l-ispejjeż, li ma humiex isseparati mill-attività tal-BEI, ma jistgħu jagħtu lok għal ebda rimbors, lanqas ta’ somma f’daqqa (ara, f’dan is-sens, id-digriet BEI vs C. Nicola, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

 Għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż sostnuti għall-proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż

51      L-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura dwar il-proċedura ta’ kontestazzjoni fuq l-ispejjeż ma jipprovdix, bid-differenza għall-Artikolu 86 tal-imsemmija regoli, li jiġi deċiż fuq l-ispejjeż fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża. Fil-fatt, jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta jiddeċiedi fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura fuq il-kontestazzjoni tal-ispejjeż ta’ istanza prinċipali, jiddeċiedi fuq l-ispejjeż suġġett tal-kontestazzjoni u, separatament, fuq l-ispejjeż il-ġodda sostnuti fil-kuntest tar-rikors għal kontestazzjoni tal-ispejjeż, huwa jista’, fi kwalunkwe każ, jiġi adit suċċessivament b’kontestazzjoni ġdida fuq spejjeż ġodda.

52      Minn dan isegwi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni separata fuq l-ispejjeż u l-onorarji sostnuti għall-finijiet ta’ din il-proċedura (digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta’ Novembru 2009, X vs Il-Parlament, F‑14/08 DEP, punt 40).

53      Madankollu, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu, meta huwa jiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni tad-digriet tal-intaxxar tal-ispejjeż. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddetermina l-ammont tal-ispejjeż konnessi mal-proċedura tal-ispejjeż u li kienu indispensabbli fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura (ara d-digriet Schönberger/Parlement, iċċitat iktar ’il fuq, punt 48).

54      F’din il-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jikkonstata n-natura manifestament sproporzjonata, fir-rigward tal-ammont tagħha, tat-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, peress li l-BEI, li kien talab li l-onorarji li jistgħu jinġabru sostnuti fil-kuntest tal-kawża prinċipali jiġi evalwati għal EUR 16 000, kiseb f’dan ir-rigward biss somma ta’ EUR 5 500, jiġifieri ammont inqas mis-somma ta’ EUR 6 000 li C. De Nicola kien ippropona li jħallsu fil-posta elettronika tat-8 ta’ Marzu 2010. Barra minn hekk, l-avukat tal-BEI neċessarjament ibbenefika, ukoll fil-kuntest ta’ din it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, mill-assistenza mogħtija mis-servizz tal-BEI.

55      Madankollu, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni li l-metodi ta’ evalwazzjoni tal-ammont li jista’ jinġabar tal-onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha ġew ippreċiżati f’dan id-digriet. Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta lil-avukat tal-BEI mhux biss kiteb it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż iżda wkoll ipprovda risposti bil-miktub dettaljati għal diversi domandi magħmula lill-partijiet mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, mis-somma ta’ EUR 1 000 mitluba mill-BEI għall-ispejjeż relatati mal-proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż, ammont ta’ EUR 500 biss jista’ jitqies bħala spejjeż indispensabbli fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura.

57      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-ammont tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati minn C. De Nicola lill-BEI għandhom jiġu ffissati għas-somma ta’ EUR 6 000.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Qorti Plenarja)

tordna:

L-ammont tal-ispejjeż li għandhom jinġabru mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-Kawża F‑55/08, De Nicola vs BEI, huwa ffissat għal EUR 6 000.

Il-Lussemburgu, is-27 ta’ Settembru 2011.

Reġistratur

 

       President

W. Hakenberg

 

       P. Mahoney


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.