Language of document : ECLI:EU:T:2018:756

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Novembru 2018 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BĊE – Proċedura ta’ evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni tal-karriera [2015] – Possibbiltà ta’ akkumpanjament minn rappreżentant sindakali waqt l-intervista ta’ evalwazzjoni – Ksur tar-regoli ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità mill-evalwatur – Remunerazzjoni – Deċiżjoni li tiċħad il-benefiċċju ta’ progressjoni salarjali – Ammissibbiltà tal-provi – Posta elettronika bejn membru tal-persunal u l-‘coach’ tiegħu f’servizz ta’ messaġġi elettroniċi professjonali – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T-827/16,

QB, membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, irrappreżentata minn L. Levi, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn F. von Lindeiner u B. Ehlers, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fuq l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti li jirrigwarda l-perijodu 2015 u d-deċiżjoni tal-BĊE tal-15 ta’ Diċembru 2015 li ċċaħħadha mill-benefiċċju ta’ progressjoni salarjali u, sa fejn huwa neċessarju, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Mejju u tal-15 ta’ Settembru 2016 tal-BĊE li jiċħdu r-rikors amministrattiv u l-ilment tar-rikorrenti, rispettivament, u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-dannu sostnut mir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, QB, bdiet taħdem mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fl-1 ta’ Marzu 2001. Sa mid-data ta’ impjieg tagħha, hija okkupat ħafna pożizzjonijiet differenti.

2        Bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Jannar 2017, hija ġiet assenjata bħala [kunfidenzjali] (1), fid-Diviżjoni [kunfidenzjali] (iktar ’il quddiem id-“DIV/[kunfidenzjali]”) tad-Direttorat [kunfidenzjali] tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “[kunfidenzjali]”.

3        Mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ħadet diversi passi sabiex ma tiġix assenjata mad-DIV/[kunfidenzjali] jew li tiġi assenjata mill-ġdid wara l-assenjazzjoni tagħha ma’ din id-diviżjoni. B’hekk, ir-rapport tal-evalwazzjoni tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ evalwazzjoni bejn l-1 ta’ Settembru 2013 sal-31 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni 2014”) jindika li ma kellhiex l-intenzjoni li tibqa’ fid-DIV/[kunfidenzjali] u li hija u s-superjuri tagħha kienu qed ifittxu l-possibbiltajiet ta’ trasferiment intern. Barra minn hekk, mill-imsemmi rapport jirriżulta li s-superjuri tagħha tad-DIV/[kunfidenzjali] kienu inizjalment aċċettaw li jeħilsuha minn parti mill-volum ta’ xogħol tagħha sabiex jiġu ffaċilitati l-passi għat-trasferiment tagħha. Peress li dawn ma rnexxewx, xi kompiti oħra ġew progressivament assenjati lilha bl-intenzjoni li tiġi involuta kompletament fix-xogħol tad-DIV/[kunfidenzjali]. Fil-5 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ppreżentat azzjoni amministrattiva kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni 2014 u kkontestat id-deċiżjoni li tikkonċernaha dwar il-proċedura ta’ reviżjoni annwali tas-salarji u tal-bonus (Annual Salary and Bonus Review, iktar ’il quddiem l-“ASBR”) għas-sena 2014 permezz ta’ azzjoni interna (azzjoni amministrattiva u, sussegwentement, ilment).

4        Dan ir-rikors jikkonċerna l-perijodu li fih ir-rikorrenti kienet assenjata mad-DIV/[kunfidenzjali] u, b’mod iktar partikolari, il-perijodu ta’ evalwazzjoni bejn l-1 ta’ Settembru 2014 u l-31 ta’ Awwissu 2015 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ evalwazzjoni 2015”) li kien is-suġġett tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat”). Waqt il-perijodu ta’ evalwazzjoni 2015, is-superjur fil-ġerarkija tar-rikorrenti fid-DIV/[kunfidenzjali] kienu s-Sur [kunfidenzjali], Viċi Kap tad-Diviżjoni (iktar ’il quddiem l-“evalwatur 1”), u s-Sinjura [kunfidenzjali], Kap tad-Diviżjoni (iktar ’il quddiem l-“evalwatriċi 2”). Ir-rikorrenti ħadmet sal-15 ta’ April 2015 taħt is-superviżjoni ta’ dawn iż-żewġ persuni. Waqt il-perijodu bejn il-15 ta’ April sal-15 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ kollokament fi ħdan id-DĠ “[kunfidenzjali]” (iktar ’il quddiem il-“DĠ-[kunfidenzjali]”), fid-Diviżjoni “[kunfidenzjali]”, fejn ħadmet taħt l-awtorità tas-Sur [kunfidenzjali] u tas-Sinjura [kunfidenzjali], Kap ta’ din id-diviżjoni (iktar ’il quddiem l-“evalwatriċi 3”). Sussegwentement, hija ġiet irreintegrata fid-DIV/[kunfidenzjali].

5        Fl-10 ta’ April 2015, l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu (iktar ’il quddiem id-“djalogu ta’ nofs it-terminu”) inżammet bejn l-evalwatur 1, bħala l-ewwel evalwatur, u r-rikorrenti. Mill-minuti ta’ din il-laqgħa jirriżulta li l-evalwatur qies li r-rikorrent ma tatx l-istess ammont ta’ enerġija lid-doveri differenti tagħha, innota nuqqas ta’ ħeġġa u dewmien fir-rigward tal-portafoll li kkonċerna [kunfidenzjali] kif ukoll użat ħin addizzjonali mhux mitlub fuq kompitu ad hoc li jirrigwarda [kunfidenzjali]. Minn naħa tagħha, ir-rikorrenti rrepetiet ix-xewqa tagħha li titlaq mid-DIV/[kunfidenzjali] u qieset li ċerti kompiti fdati lilha ma kkorrispondewx mal-profil tagħha u ma għenux il-prospetti tal-karriera tagħha u li hija ma kinitx tiddistingwi bejn il-kompiti li kienet tippreferi u l-oħrajn. L-imsemmija minuti ma semmew l-ebda tensjoni. L-evalwatur 1 jiftakar diskussjoni armonjuża, iżda f’Novembru 2015, ir-rikorrenti rrilevat li d-djalogu ta’ nofs it-terminu kien sors ta’ stress qawwi għaliha.

6        Fit-28 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti inizjalment laqgħet stedina għal-laqgħa ta’ evalwazzjoni għall-perijodu ta’ evalwazzjoni 2015 li l-evalwatur 1 kien ippropona li tinżamm fis-7 ta’ Ottubru 2015. Sussegwentement hija informat lill-evalwatur 1 bix-xewqa tagħha li tiġi assistita mis-Sur L., rappreżentant u President, f’dak iż-żmien, ta’ sindakat, l-International and European Public Services Organisation (IPSO), waqt l-intervista ta’ evalwazzjoni. L-evalwatur 1 irrisponda għal din it-talba billi ppreċiża li, fl-assenza ta’ bażi legali li tippermetti l-preżenza ta’ persuna terza, ma kienx f’pożizzjoni li jawtorizza l-preżenza tas-Sur L. waqt l-intervista ta’ evalwazzjoni tagħhom.

7        Fis-6 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mar-risposta tal-evalwatur 1. Fl-opinjoni tagħha, il-proċedura ta’ lment li hija kienet bdiet xi xhur qabel tikkostitwixxi prova ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt. Skont ir-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet tal-kundizzjoni ta’ impjieg tal-BĊE u l-Protokoll ta’ Ftehim bejn l-BĊE u l-IPSO kienu japplikaw.

8        Fis-7 ta’ Ottubru 2015, minkejja l-istruzzjonijiet tal-evalwatur 1, ir-rikorrenti marret għall-intervista ta’ evalwazzjoni flimkien mas-Sur L., iżda fl-aħħar iddeċidiet li ma tiħux sehem f’din il-laqgħa, peress li l-evalwatur oppona l-parteċipazzjoni tas-Sur L.

9        Filgħaxija stess, ir-rikorrenti bagħtet lil evalwatriċi 3 xi osservazzjonijiet fuq l-evalwazzjoni li din tal-aħħar kienet wettqet tal-kollokament tagħha, billi nnotat li, fl-opinjoni tagħha, din kienet ġiet influwenzata minn skambji mhux xierqa bejn l-evalwatriċi 3 u l-evalwatriċi 2 li seħħew qabel il-bidu tal-kollokament. Fil-punt 3.3.1 tar-rapport ta’ evalwazzjoni kkontestat, l-evalwatriċi 3 innotat li kien hemm xi perċezzjonijiet differenti fir-rigward tal-kompiti fdati lir-rikorrenti waqt il-kollokament tagħha u li dan ma kienx wassal għall-benefiċċji mistennija.

10      Intervista oħra ġiet iffissata għall-15 ta’ Ottubru 2015.

11      Fit-12 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti tenniet ix-xewqa tagħha li tiġi akkumpanjata mis-Sur L. waqt l-intervista ta’ evalwazzjoni u rrilevat li hija qieset li s-superjuri tagħha tad-DIV/[kunfidenzjali] kienu influwenzaw b’mod ċar l-evalwazzjoni tal-evalwatriċi 3.

12      Fit-13 ta’ Ottubru 2015, l-evalwatur 1 tenna li l-intervista ta’ evalwazzjoni nħolqot sabiex tinżamm bilateralment bejn l-evalwatur u l-persuna evalwata. Huwa ppreċiża li s-Sur L. kien ser jinforma ruħu dwar jekk il-preżenza tiegħu kinitx kompatibbli mal-“Linji Gwida” u li ġie miftiehem miegħu li, f’każ affermattiv, kien ser jinformah b’dan. Fin-nuqqas ta’ din il-kjarifika, l-evalwatur 1 qies li din l-intervista tal-15 ta’ Ottubru 2015 kienet ser tinżamm fuq bażi strettament bilaterali.

13      Fil-15 ta’ Ottubru 2015, il-ġurnata ffissata għall-intervista ta’ evalwazzjoni, ir-rikorrenti talbet lill-evalwatur 1 sabiex jipposponiha sakemm tinkiseb ir-risposta mill-membru tad-Direttorat tal-BĊE inkarigat mill-persunal, is-Sur P., li s-Sur L. kien ikkuntattja għal dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tiegħu fl-intervista ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti rrilevat li d-djalogu ta’ nofs it-terminu kien sar sors ta’ stress qawwi għaliha u li ma kinitx ser taċċetta li terġa tgħaddi minn esperjenza bħal dik għal darb’oħra.

14      Fit-22 ta’ Ottubru 2015, l-evalwatur 1 ikkomunika l-intenzjoni tiegħu li jistenna kjarifika, filwaqt li fakkar li l-proċedura ta’ evalwazzjoni kienet tipprevedi terminu li jiskadi fil-15 ta’ Novembru li ġej għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tal-partijiet kollha, inkluża l-kontribuzzjoni tat-tieni evalwatur.

15      Fit-3 ta’ Novembru 2015, permezz ta’ posta elettronika indirizzata lill-evalwatur 1, u li ġew ikkoppjati fiha, rappreżentant tad-DĠ “Riżorsi Umani” (iktar ’il quddiem id-“DĠ-U”) kif ukoll is-Sur L., ir-rikorrenti tenniet li d-djalogu ta’ nofs it-terminu kien ikkawżalha stress. Hija għamlet numru partikolari ta’ osservazzjonijiet fuq l-ilmenti li l-evalwatur 1 kien għamel dwar xogħolha. Hija reġgħet enfasizzat li tikkontesta dawn l-ilmenti u l-akkużi u indikat li kienet tinħass iffastidjata kif ukoll is-suġġett ta’ “vittimizzazzjoni orkestrata” u li s-superjuri tad-DIV/[kunfidenzjali] ipprovaw jistabbilixxu fajl kontriha b’risposta għall-ilmenti li kienet ippreżentat fil-passat u wara t-talba tagħha sabiex tiġi assistita minn rappreżentant tal-persunal waqt l-intervista ta’ evalwazzjoni tagħha.

16      Fl-4 ta’ Novembru 2015, l-evalwatur 1 talab lir-rappreżentant tad-DĠ-U sabiex jeżamina l-każ mill-perspettiva tar-riżorsi umani.

17      Fis-6 ta’ Novembru 2015, l-evalwatur 1 fakkar lir-rikorrenti li ma kienx fadal ħafna żmien sabiex jiġu osservati t-termini tal-proċedura ta’ evalwazzjoni. Fl-assenza tal-kjarifika mitluba u tar-rieda tar-rikorrenti sabiex tipparteċipa fl-intervista ta’ evalwazzjoni fuq bażi bilaterali, huwa informaha li kien ser jippreżenta l-evalwazzjoni tiegħu fl-10 ta’ Novembru 2015 filgħaxija mingħajr ma jkollu diskussjoni magħha u li kien ser ikollha l-possibbiltà sabiex tikkomunikalu l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-aspetti fattwali fil-11 ta’ Novembru 2015, u li wara dan kien ser jibgħat l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni lill-evalwatriċi 2.

18      Fl-10 ta’ Novembru 2015, bi ftehim mar rikorrenti u mas-superjuri fil-ġerarkija tagħha, id-DĠ-U fetaħ proċedura informali intiża sabiex jiġu eżaminati l-attitudni u l-aġir inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“proċedura li tikkonċerna d-dinjità fuq ix-xogħol”). Mill-posta elettronika li stiednet lill-evalwatur 1 u lir-rikorrenti sabiex jipparteċipaw fl-imsemmija proċedura, jirriżulta li din il-proċedura ma kellhiex bħala effett li tissospendi l-proċedura ta’ evalwazzjoni. Hemm lok li jiġi nnotat li l-konklużjonijiet ta’ din il-proċedura, bid-data tal-15 ta’ Frar 2016, ma urew l-ebda element oġġettiv li juri preġudizzju għad-dinjità fuq ix-xogħol.

19      Fil-11 ta’ Novembru 2015, l-evalwatur 1 stieden lir-rikorrenti sabiex tikkomunikalu l-osservazzjonijiet fuq l-evalwazzjoni li huwa ppreżenta qabel ma jibgħathom lill-evalwatriċi 2 fit-12 ta’ Novembru 2015 filgħaxija.

20      Fit-12 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-evalwazzjoni mwettqa mill-evalwatur 1, billi kkontestat ċertu numru ta’ punti. Hija reġgħet tenniet li ħasset ruħha ffastidjata, irrepetiet li kienet il-mira ta’ “vittimizzazzjoni orkestrata” u tenniet l-impressjoni li hija kellha li s-superjuri tagħha kienu qed jipprovaw jistabbilixxu fajl kontriha.

21      Fit-13 ta’ Novembru 2015, permezz ta’ posta elettronika, l-evalwatur 1 irrisponda lir-rikorrenti li ma kienx jaqbel mal-opinjonijiet li hija ressqet. Il-formularju ntbagħat lill-evalwatriċi 2 sabiex hija żżid l-evalwazzjoni tagħha, li hija għamlet fl-istess ġurnata filwaqt li fakkret lir-rikorrenti li hija kellha sal-15 ta’ Diċembru 2015 sabiex iżżid l-osservazzjonijiet finali tagħha u tagħlaq il-proċedura ta’ evalwazzjoni 2015.

22      Essenzjalment, fil-punt 5.1 tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż, l-evalwatur 1 irrileva li l-kwantità u l-kwalità tax-xogħol imwettaq kien inqas minn dak mistenni minn [kunfidenzjali]. F’dak li jikkonċerna l-kompetenza prinċipali ta’ “analiżi”, huwa nnota xi varjazzjonijiet, fil-konfront tal-kompiti differenti tar-rikorrenti, fil-kompetenzi li ntwerew u indika li kien qed jispera li kienet ser turi ħafna iktar awtonomija u impenn. Fir-rigward il-kompetenza “inizjattiva/impenn”, l-evalwatur 1 irrileva nuqqas ta’ impenn minn naħa tar-rikorrenti fir-rigward ta’ waħda mill-kategoriji prinċipali tal-kompiti li kkawża insuffiċjenzi fir-rigward tal-kwantità, tal-kwalità u tal-utilità ta’ xogħolha. F’dak li jikkonċerna l-kompetenza ta’ “ħidma fi grupp”, l-evalwatur 1 ikkonstata żbilanċ f’termini ta’ sostenn reċiproku. L-aspettattivi tiegħu, imsemmija fil-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014, fir-rigward tal-integrazzjoni sħiħa tar-rikorrenti fid-DIV/[kunfidenzjali] ma ntlaħqux. Għall-proċedura ta’ evalwazzjoni sussegwenti, l-evalwatur 1 innota li kien ser jistenna li r-rikorrenti iżżid l-isforzi tagħha, tilqa’ x-xogħol kollu tad-DIV/[kunfidenzjali] u tikkontribwixxi fix-xogħol tad-diviżjoni f’livell li jikkorrispondi għar-rwol tagħha. Ġie ppreċiżat ukoll li l-kompiti u l-għanijiet tar-rikorrenti kienu ser jibqgħu ġeneralment l-istess.

23      L-evalwatriċi 2 żiedet l-evalwazzjoni tagħha fil-punt 5.2 tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż. Hija indikat li kienet taqbel mal-evalwazzjoni tal-evalwatur 1. Hija qieset li r-rikorrenti kellha tikkonċentra fuq il-portafoll li jikkonċerna [kunfidenzjali] u mhux fuq kompitu dwar [kunfidenzjali]. Hija nnotat li r-rikorrenti kienet ipproponiet fuq inizjattiva tagħha stess sabiex tikkontribwixxi fi proġett ta’ [kunfidenzjali] filwaqt li s-superjuri tagħha kienu informawha espliċitament li ma kienet meħtieġa l-ebda azzjoni oħra f’dan ir-rigward. Wara, l-evalwatriċi 2 irrilevat xi nuqqasijiet fir-rigward tal-flessibbiltà, tal-inizjattiva, tal-integrazzjoni fi ħdan il-grupp u tal-kwalità tax-xogħol. Hija ppreċiżat li kienet qed tistenna li r-rikorrenti ttejjeb il-prestazzjoni tagħha, tikkontribwixxi għax-xogħol fid-Diviżjoni f’livell li jikkorrispondi għar-rwol tagħha u twettaq xogħolha ta’ mudellizzazzjoni fil-kuntest tal-missjonijiet li ġew fdati lilha. Fl-aħħar nett, l-evalwatriċi 2 enfasizzat li r-rikorrenti kellha taħdem fuq l-effettività u l-effiċjenza tagħha, u li għandha tiżviluppa l-integrità tagħha, peress li ta’ spiss qabżet lis-superjuri tagħha billi ħadet ċerti inizjattivi.

24      Fit-8 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat, taħt il-punt 5.3, l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż, billi kkontestat l-ilmenti mwettqa kontriha.

25      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż ġie adottat definittivament fit-3 ta’ Frar 2016.

26      Fis-6 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti kkomunikat ir-rifjut tagħha li tiltaqa’ mas-superjuri tagħha sabiex tingħata d-deċiżjoni tal-BĊE li tikkonċernaha dwar il-proċedura tal-ASBR għas-sena 2015 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ASBR 2015”). Minħabba dan ir-rifjut, id-Deċiżjoni ASBR 2015 ġiet ikkomunikata lilha bil-posta. L-imsemmija deċiżjoni rrilevat li, peress li l-prestazzjoni tar-rikorrenti ġiet meqjusa bħala mhux suffiċjenti, ma kinitx ser tingħata l-ebda żieda fis-salarju. Is-superjuri tagħha informawha permezz ta’ posta elettronika tas-7 ta’ Jannar 2016 li, bħall-intervista ta’ evalwazzjoni, il-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni ASBR 2015 taqa’ taħt interazzjonijiet regolari bejn il-membri tal-persunal u s-superjuri tagħhom li fihom il-parteċipazzjoni tal-IPSO ma kinitx adattata. Is-superjuri tar-rikorrenti informawha li kienu disponibbli sabiex jiltaqgħu magħha u jispjegawlha l-kuntest tal-imsemmija deċiżjoni.

27      Fl-4 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti kkontestat ir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż u d-Deċiżjoni ASBR 2015 permezz ta’ azzjoni amministrattiva, li ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2016.

28      Fit-28 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat ilment kontra ċ-ċaħda tal-azzjoni amministrattiva tagħha. Dan l-ilment ġie miċħud b’deċiżjoni tal-President tal-BĊE tal-15 ta’ Settembru 2016.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni.

30      Adita b’talba mressqa mir-rikorrenti fuq il-bażi tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2017, laqgħet it-talba għall-anonimità u ddeċidiet li tħalli barra l-isem tar-rikorrenti fil-verżjoni pubblika ta’ din is-sentenza.

31      Peress li l-partijiet ma talbux iż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla), li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti fil-proċess tal-kawża, iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

32      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara lir-rikors preżenti ammissibbli u fondat;

–        konsegwentement:

–        tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż u d-Deċiżjoni ASBR 2015;

–        sa fejn ikun neċessarju, tannulla d-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Mejju u tal-15 ta’ Settembru 2016 li jiċħdu, rispettivament, l-azzjoni amministrattiva u l-ilment li hija ppreżentat;

–        tikkundanna lill-BĊE sabiex iħallas kumpens għad-dannu morali evalwat ex æquo et bono fl-ammont ta’ EUR 15 000;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż kollha.

33      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

34      Insostenn tal-kap tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE (Guide to the ECB appraisal), tad-drittijiet tad-difiża u tad-dmir ta’ premura sa fejn, b’mod partikolari, il-BĊE kien ċaħħadha mill-possibbiltà li tiġi akkumpanjata minn rappreżentant sindakali waqt l-intervista ta’ evalwazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tar-regoli ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment sa fejn l-evalwatriċi 2 esprimiet, fil-konfront tagħha, affermazzjonijiet li juru li ma kinitx kapaċi tissodisfa r-rwol tagħha ta’ evalwatur b’oġġettività u imparzjalità u, it-tielet wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

35      Insostenn tal-kap tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni ASBR 2015, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq in-natura illegali tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż li hija bbażata fuqu d-Deċiżjoni ASBR 2015 u t-tieni wieħed ibbażat fuq ksur tal-Linji Gwida dwar l-ASBR, li jinsabu f’dokument tal-BĊE intitolat “The Annual Salary and Bonus Review”, u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea peress li d-Deċiżjoni ASBR 2015 ma hijiex motivata u hija ma ngħatatx smigħ qabel ma ngħatat id-deċiżjoni.

36      Ir-rikorrenti ma tqajjimx motivi speċifiċi dwar il-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Mejju u tal-15 ta’ Settembru 2016 li jiċħdu, rispettivament, l-azzjoni amministrattiva u l-ilment tagħha.

 Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Mejju u tal-15 ta’ Settembru 2016 li jiċħdu, rispettivament, l-azzjoni amministrattiva u l-ilment

37      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li l-Qorti Ġenerali tiġi adita bl-att li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment billi dawn huma, bħala tali, neqsin minn kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8 u tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T-309/03, EU:T:2006:110, punt 43).

38      Fil-kawża preżenti, peress li d-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Mejju u tal-15 ta’ Settembru 2016, li jiċħdu l-azzjoni amministrattiva u l-ilment, rispettivament, sempliċement jikkonfermaw ir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż u d-Deċiżjoni ASBR 2015, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Mejju u tal-15 ta’ Settembru 2016 huma nieqsa minn kontenut awtonomu u li għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifika fuqhom, anki jekk, fl-eżami tal-legalità tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż, ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tidher fl-imsemmija deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T-377/08 P, EU:T:2009:485, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq it-talbiet għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dmir ta’ premura

39      Ir-rikorrenti ssostni li l-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE ġiet miksura għal tliet raġunijiet, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq allegat nuqqas ta’ djalogu, fl-assenza ta’ intervista ta’ evalwazzjoni, li ma rrispettax id-drittijiet tad-difiża tagħha; fit-tieni lok, fuq allegat nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ mezzi ta’ titjib u ta’ ffissar ta’ għanijiet fir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż, li jmur kontra d-dmir ta’ premura; u, fit-tielet lok, fuq allegat nuqqas ta’ kontribuzzjoni minn superjur fil-ġerarkija terz fir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż.

40      F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE, fuq l-assenza ta’ djalogu u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment li, skont il-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE, il-membri tal-persunal tal-BĊE għandhom il-possibbiltà li jiġu assistiti waqt l-intervista ta’ evalwazzjoni minn rappreżentant sindakali u li, billi ċaħħadha mill-preżenza ta’ tali persuna waqt l-intervista, l-evalwatur 1 ċaħħadha de facto mill-intervista ta’ evalwazzjoni prevista skont l-imsemmija gwida u kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha.

41      Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

42      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jikkonċerna n-natura ġuridika tal-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm il-Linji Gwida ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regoli ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija marbuta tosserva, dawn jistabbilixxu regoli ta’ kondotta indikattivi tal-prattika li għandha tiġi segwita li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tipprovdi raġunijiet kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, meta tadotta tali regoli ta’ kondotta u meta tiddikjara, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li sejra tapplikahom għall-każijiet ikkonċernati, l-istituzzjoni inkwistjoni tkun qiegħda tistabbilixxi limiti għaliha stess fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli għaliex altrimenti tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont il-kontenut tagħhom, dawn ir-regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali jista’ jkollhom effetti ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T-653/13 P, EU:T:2015:652, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Ottubru 2017, Possanzini vs Frontex, T-686/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:734, punt 43).

43      Fil-kawża preżenti, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti rrifjutat li tipparteċipa fl-intervista ta’ evalwazzjoni filwaqt li, skont il-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE, hija kellha l-obbligu li tattendi. Fil-fatt, l-imsemmija gwida tipprovdi li “l-persuni evalwati huma marbuta sabiex jipparteċipaw fl-intervista ta’ evalwazzjoni u li jirċievu feedback mis-superjuri”.

44      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE jirriżulta li l-intervista ta’ evalwazzjoni hija preżunta li tlaqqa’ biss lill-persuna evalwata u l-evalwatur. Fil-fatt, l-imsemmija gwida tiddisponi kif ġej:

“[L]-intervisti ta’ evalwazzjoni għandhom, bħala prinċipju, jinżammu bejn l-ewwel evalwatur u l-persuna evalwata. Meta l-organizzazzjoni tax-xogħol hija tali li l-persuna tirraporta quddiem iktar minn superjur fil-ġerarkija wieħed, l-ewwel evalwatur jiġbor il-kontribuzzjonijiet tas-superjuri fil-ġerarkija l-oħra u jżidhom mal-formolarju. Jekk ikun neċessarju, jistgħu jseħħu intervisti ta’ evalwazzjoni adizzjonali bejn il-persuna evalwata u s-superjuri fil-ġerarkija l-oħra.”

45      Hekk kif issostni l-BĊE, l-espressjoni “bħala prinċipju” tippermetti li ssir distinzjoni bejn ir-regola ġenerali u l-eċċezzjoni. B’hekk, filwaqt li, bħala regola ġenerali, l-intervista ta’ evalwazzjoni hija meqjusa bħala bilaterali, ma huwiex eskluż li terz jista’ jipparteċipa fiha. Issa, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, dan ma jimplika bl-ebda mod li l-preżenza ta’ rappreżentant tal-IPSO hija permissibbli. F’dan ir-rigward, hekk kif isostni l-BĊE wkoll, il-każijiet fejn il-membri tal-persunal għandhom il-possibbiltà li jiġu assistiti minn rappreżentant sindakali huma limitati għal ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi fir-regoli interni tal-BĊE, li huma kollha sitwazzjonijiet ta’ kunflitt (tilwima ta’ natura individwali, il-proċedura ta’ stħarriġ amministrattiv, ilment jew azzjoni, investigazzjoni amministrattiva) jew sensittivi (proċedura informali ta’ riżoluzzjoni dwar politika ta’ dinjità fuq il-post tax-xogħol). Dawn id-dispożizzjonijiet huma miġbura fil-punt 3(d) tal-Memorandum ta’ Qbil bejn il-BĊE u l-IPSO intitolat “Assistenza għall-Membri tal-Persunal”. Il-każijiet previsti ma jinkludux l-intervista ta’ evalwazzjoni. Fil-kawża preżenti, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti setgħet tiġi akkumpanjata mis-Sur L., waqt il-laqgħat dwar il-proċedura li tikkonċerna d-dinjità fuq il-post tax-xogħol, li hija proċedura msemmija espliċitament fil-punt 3(d) tal-Memorandum ta’ Qbil bejn il-BĊE u l-IPSO. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti u l-evalwatur 1 setgħu effettivament jibbenefikaw mill-possibbiltajiet previsti mill-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE “fil-każ ta’ preokkupazzjonijiet jew ta’ problemi serji”, jiġifieri l-pariri tad-DĠ-U u ta’ rappreżentant tal-persunal.

46      L-argument tar-rikorrenti li l-akkumpanjament minn persuna ta’ fiduċja hija prattika segwita f’istituzzjonijiet oħra mingħajr ma dan huwa rregolat minn test speċifiku ma jinvalidax din l-analiżi. Minn naħa, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova f’dan is-sens. Min-naħa l-oħra, ma huwiex stabbilit li din il-prattika hija segwita f’sitwazzjonijiet li ma humiex sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, bħalma huma dawk li jistgħu jirriżultaw waqt proċeduri ta’ insuffiċjenza professjonali jew dixxiplinarji. Bl-istess mod, il-fatt li f’Jannar 2017, il-BĊE ppropona lir-rikorrenti sabiex tiġi akkumpanjata minn osservatur imparzjali, mill-kunsillier mediku jew soċjali, fir-rigward tal-[kunfidenzjali], ma jinvalida bl-ebda mod din l-analiżi.

47      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, rapport ta’ evalwazzjoni ma jistax jiġi adottat definittivament mingħajr ma l-uffiċjal ikkonċernat ikun ngħata l-possibbiltà li jinstema’ u li irregolarità tal-proċedura li tirrigwarda t-tfassil tar-rapport ta’ evalwazzjoni kkawżata minn nuqqas ta’ djalogu mal-uffiċjal tikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt għal smigħ (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-64/13, EU:F:2015:72, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, kuntatt dirett bejn il-persuna evalwata u l-evalwatur huwa ta’ natura li jiffavorixxi djalogu sinċier u fil-fond, li jippermettilhom, minn naħa waħda, li jkejlu b’mod eżatt in-natura, ir-raġunijiet u l-portata tad-diverġenzi potenzjali tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jaslu għal ftehim reċiproku aħjar, partikolarment f’sitwazzjoni fejn huwa neċessarju li tiġi solvuta sitwazzjoni personali li ddiġenerat ħafna (ara, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-64/13, EU:F:2015:72, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mingħajr skambju dirett bejn l-evalwatur u l-persuna evalwata, l-evalwazzjoni ma tistax tissodisfa kompletament il-funzjoni tagħha ta’ għodda għall-ġestjoni tar-riżorsi umani u ta’ strument li jakkumpanja l-iżvilupp professjonali tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T-653/13 P, EU:T:2015:652, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Madanakollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ġiet mistiedna darbtejn għall-intervista ta’ evalwazzjoni. It-terminu previst mill-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE ġie mfakkar lilha darbtejn. Id-DĠ-U informaha li l-proċedura li tikkonċerna d-dinjità fuq il-post tax-xogħol ma tissospendix il-proċedura ta’ evalwazzjoni. Mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti wettqet xi passi sabiex tħaffef ir-risposta eventwali tal-membru tad-Direttorat tal-BĊE responsabbli għar-riżorsi umani fir-rigward tal-preżenza ta’ rappreżentant sindakali fl-intervista ta’ evalwazzjoni. Lanqas ma jirriżulta mill-proċess li r-rikorrenti kienet issuġġerixxiet kompromess li ma jimplikax rappreżentant tal-IPSO sabiex tiffaċilita l-iskambju dirett mal-evalwatur 1 fit-terminu stabbilit mill-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE.

50      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li r-rikorrenti ngħatat il-possibbiltà li tinstema’ b’mod utli qabel ma sar finali r-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż u li hija rrinunzjat għaliha.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-fatt li hija evitat din l-intervista taħt il-pretest li hija kienet qiegħda tibża’ minnha minħabba r-relazzjonijiet ta’ tensjoni mal-evalwatur, u lanqas sitwazzjoni li hija ħolqot hija stess sabiex tikkontesta f’dan ir-rigward ir-regolarità tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż jew tal-proċedura ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 1988, Picciolo vs Il-Kummissjoni, 1/87, EU:C:1988:67, punt 24).

52      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti u tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 42 sa 51 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-BĊE ma ċaħħadx lir-rikorrenti mill-intervista ta’ evalwazzjoni prevista skont il-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE billi ċaħħadha mill-preżenza ta’ rappreżentant sindakali waqt l-intervista ta’ evalwazzjoni tagħha u, għaldaqstant, ma kisirx id-drittijiet tad-difiża tagħha.

53      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

54      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li jiġi eżaminat sussegwentement it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità, kif ukoll tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità, kif ukoll tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

55      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li r-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż huwa vvizzjat minn irregolaritajiet minħabba nuqqas allegat ta’ imparzjalità tal-evalwatriċi 2. F’dan ir-rigward, hija tinvoka xi kummenti magħmula minnha f’erba’ messaġġi ta’ posta elettronika, li jidhru fid-dokumenti XVII, XXV u XXXVI tal-Anness A.12 u fl-Anness A.19 tar-rikors (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kkontestati”), li juru li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tibqa’ teżerċita l-kompiti tagħha b’mod oġġettiv u imparzjali.

56      Ir-rikorrenti ssostni wkoll, iktar fil-qosor, li, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-evalwatriċi 3, is-superjur fil-ġerarkija tagħha matul il-kollokament tagħha, kif irrapportati mill-evalwatriċi 2, l-evalwatriċi 3, li għamlet ukoll evalwazzjoni negattiva fil-konfront tagħha, ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwaha b’mod oġġettiv.

57      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssemmi tensjoni mal-evalwatur 1 kif ukoll il-proċedura li tikkonċerna d-dinjità fuq il-post tax-xogħol u tirrileva li r-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż seta’ kien differenti kieku l-imparzjalità tal-evalwatur 1 kienet iggarantita.

58      Il-BĊE jikkontesta l-ammissibbiltà tad-dokumenti kkontestati, kif ukoll il-fondatezza ta’ dan it-tieni motiv.

–       Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti kkontestati

59      Il-BĊE jistaqsi dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti kkontestati u dwar il-mezzi użati mir-rikorrenti sabiex tiksibhom. Madankollu, huwa ma jitlobx espliċitament sabiex id-dokumenti jitneħħew mill-proċess.

60      Għall-BĊE, il-posta elettronika li tidher fid-dokumenti XVII u XXV tal-Anness A.12 hija parti mill-iskambji ta’ korrispondenza regolari bejn superjuri fil-ġerarkija dwar l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ direzzjoni tagħhom u ma hijiex pubblika. Il-posta elettronika li tidher fid-dokument XXXVI tal-Anness A.12 tikkostitwixxi skambju ta’ korrispondenza kunfidenzjali li seħħet bejn l-evalwatriċi 2 u żewġha fil-kuntest ta’ skambji li jaqgħu taħt il-ħajja privata. Fl-aħħar nett, il-posta elettronika li tidher fl-Anness A.19 tikkostitwixxi skambju ta’ korrispondenza personali u kunfidenzjali bejn l-evalwatriċi 2 u l-“coach” tagħha li seħħ fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja neċessarja għall-funzjonament tajjeb ta’ dan is-servizz, li r-rikorrenti ma setax ikollha konoxxenza tagħha u li għaldaqstant, ma kellhiex dritt tużaha. Skont il-BĊE, il-fatt li l-posta elettronika li tidher fl-Anness A.19 kienet ġiet iddepożitata b’mod anonimu fuq l-iskrivanija tar-rikorrenti – fatt, li għall-BĊE, ma tantx jidher kredibbli – ma għandux effett fuq in-natura intrinsikament kunfidenzjali tal-imsemmi dokument u ma jiġġustifikax li r-rikorrenti tużaha quddiem il-Qorti Ġenerali.

61      Ir-rikorrenti tirrileva li, bl-eċċezzjoni tal-Anness A.19, hija kienet diġà kkomunikat id-dokumenti l-oħra lill-BĊE fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża mingħajr ma dan tal-aħħar ma għamel xi mistoqsijiet. Hija tafferma li “ma użat l-ebda mezz u li ma akkwistatx […] din il-posta elettronika”, li sempliċement ġiet iddepożitata fuq l-iskrivanija tagħha, jew fil-kabinett personali tagħha, b’mod anonimu. Hija tqis li d-dokumenti kkontestati huma essenzjali sabiex jintwera li l-evalwatriċi 2 kienet nieqsa mill-imparzjalità u l-oġġettività neċessarji sabiex twettaq ir-rwol tagħha fil-konfront tagħha u li dawn huma deċiżivi, sa fejn dawn huma neċessarji sabiex tintwera l-fondatezza tal-ilment imqajjem.

62      Il-mistoqsijiet tal-BĊE fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti kkontestati huma bbażati fuq tliet affarijiet, jiġifieri, qabel kollox, in-natura interna tal-posta elettronika li tidher fid-dokumenti XVII u XXV tal-Anness A.12, sussegwentement, in-natura kunfidenzjali u personali tal-posta elettronika li tidher fid-dokument XXXVI tal-Anness A.12 u fl-Anness A.19 u, finalment, il-fatt li dawn l-erba’ dokumenti nkisbu b’mod irregolari.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-fatt li d-dokumenti inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ natura kunfidenzjali u lanqas il-fatt li dawn id-dokumenti setgħu nkisbu b’mod irregolari ma jipprekludu li jinżammu fil-proċess. Fil-fatt, minn naħa, ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tipprevedi espliċitament il-projbizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi miksuba illegalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il-Kummissjoni, T-562/12, EU:T:2015:270, punt 47; ara wkoll, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Goldfish et vs Il-Kummissjoni, T-54/14, EU:T:2016:455, punti 44 u 76).

64      B’hekk, f’ċerti sitwazzjonijiet, ma kienx meħtieġ li r-rikorrenti turi li kienet kisbet b’mod legali d-dokument kunfidenzjali invokat insostenn tar-rikors tagħha. Il-Qorti Ġenerali qieset, filwaqt li pproċediet għal ibbilanċjar tal-interessi li għandha tipproteġi, li jeħtieġ li jiġi evalwat jekk ċirkustanzi partikolari, bħan-natura deċiżiva tal-produzzjoni tad-dokument sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tar-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T-192/99, EU:T:2001:72, punti 33 u 34) jew sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-280/94, EU:T:1996:28, punt 59), jiġġustifikawx il-fatt li dokument ma jiġix irtirat (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T-48/05, EU:T:2008:257, punt 79; tat-2 ta’ Ottubru 2009, L-Estonja vs Il-Kummissjoni, T-324/05, EU:T:2009:381, punt 54, u tat-12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il-Kummissjoni, T-562/12, EU:T:2015:270, punt 48).

65      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li anki dokumenti interni jistgħu, f’ċerti każijiet, ikunu inklużi legalment fil-proċess ta’ kawża (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2009, L-Estonja vs Il-Kummissjoni, T‑324/05, EU:T:2009:381, punt 55, u tat-12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il-Kummissjoni, T-562/12, EU:T:2015:270, punt 47).

66      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ċ-ċirkustanzi li jippermettu ż-żamma ta’ dokumenti interni fl-imsemmi proċess huma, b’mod partikolari, dawk li jistgħu jiġu kkunsidrati għaż-żamma fil-proċess ta’ kawża ta’ dokumenti possibbilment miksuba b’mezzi mhux leġittimi u li huma previsti fil-punt 64 iktar ’il fuq, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, EU:T:2001:72, punt 33, u tat-2 ta’ Ottubru 2009, L-Estonja vs Il-Kummissjoni, T-324/05, EU:T:2009:381, punt 56).

67      F’dak li jikkonċerna l-ibbilanċjar tal-interessi li għandhom jiġu protetti, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni il-valur probatorju tad-dokumenti kkontestati, li l-awtentiċità tagħhom ma hijiex ikkontestata, tal-kundizzjonijiet li fihom inkisbu u tan-natura interna, kunfidenzjali jew personali ta’ dawn id-dokumenti.

68      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tafferma li “ma użat l-ebda mezz u lanqas ma kisbet” id-dokumenti kkontestati, li kienu ġew sempliċement iddepożitati “fuq l-iskrivanija jew fil-kabinett personali tagħha, b’mod anonimu”. Minkejja li, għall-BĊE, dan ma tantx jidher kredibbli wisq, ma ġiex stabbilit li r-rikorrenti stess kienet kisbet illegalment il-posta elettronika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il-Kummissjoni, T-562/12, EU:T:2015:270, punt 49).

69      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-BĊE ma ppreżenta l-ebda argument jew prova intiżi sabiex juru l-illegalità tal-kisba tal-imsemmija dokumenti jew li r-rikorrenti kienet taf kif inkisbu dawn id-dokumenti. Fil-fatt, mill-proċess ma jirriżultax li l-BĊE kien wettaq, fi kwalunkwe fażi tal-proċedura prekontenzjuża jew wara l-preżentata tar-rikors preżenti, xi investigazzjoni sabiex tiddetermina kif id-dokumenti kkontestati ġew fil-pussess tar-rikorrenti. Iċ-ċirkustanzi fil-kawża preżenti huma differenti minn dawk fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il-Kunsill (F-6/07, EU:F:2008:55). Fl-imsemmija kawża, li tirrigwarda proċedura ta’ selezzjoni, infetħet investigazzjoni ta’ sigurtà fil-jumejn wara li r-rikorrent kien bagħat lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, xi dokumenti li kienu parzjalment koperti mis-segretezza tal-proċedimenti tal-bord tal-għażla, bħala suppliment għat-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid. Irriżulta li kollega tar-rikorrent kien ippreżenta ruħu fl-uffiċċju ta’ wieħed mill-membru tal-kumitat tal-għażla waqt li ma kienx preżenti hu, ħa xi kopji tad-dokumenti li kien hemm fuq l-iskrivanija ta’ dan mingħajr awtorizzazzjoni u kien bagħathom lir-rikorrent u li, fid-data tal-preżentata tar-rikors u l-annessi tiegħu, ir-rikorrent kien jaf il-mod kif il-kollega tiegħu kien kiseb id-dokumenti inkwistjoni (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il-Kunsill, F-6/07, EU:F:2008:55, punti 25 u 67).

70      Il-Qorti Ġenerali tosserva li, huwa minnu li r-rikorrenti, bħal kull persuna raġonevoli, fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża preżenti, setgħet taħseb li d-dokumenti kkontestati inkisbu b’mod irregolari u li jkollha xi dubju fir-rigward tan-natura aċċettabbli tal-kondotta professjonali tal-persuna li kisibhom għaliha (ara, f’dan is-sens u bħala analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il-Kunsill, F-6/07, EU:F:2008:55, punt 67).

71      Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li ċ-ċirkustanzi li fihom id-dokumenti kkontestati inkisbu, ma ġewx stabbiliti.

72      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti kkontestati ġew invokati preċiżament bħala prova intiża sabiex tistabbilixxi li l-evalwatriċi 2 ma kinitx kapaċi tissodisfa r-rwol tagħha b’mod oġġettiv u imparzjali u huma, skont ir-rikorrenti, deċiżivi u neċessarji sabiex tintwera l-fondatezza tal-ilment imqajjem.

73      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li n-natura interna tal-posta elettronika li tidher fid-dokumenti XVII u XXV tal-Anness A.12 ma tikkostitwixxix ostakolu għall-ammissibbiltà ta’ dawn id-dokumenti (ara l-punti 63, 65 u 66 hawn fuq). Fir-rigward tal-posta elettronika li tidher fid-dokumenti XXXVI tal-Anness A.12 u l-Anness A.19, għalkemm dawn id-dokumenti jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura personali u kunfidenzjali għall-evalwatriċi 2, dawn jirrigwardaw biss xi tħassib professjonali, intbagħtu permezz tas-sistema ta’ messaġġi elettronika professjonali li qiegħda għad-dispożizzjoni tal-membri tal-persunal tal-BĊE minn dan tal-aħħar u s-“suġġett” tagħhom ma juri l-ebda indikazzjoni tan-natura personali jew privata tagħhom.

74      Għandu jiġi osservat li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, “l-istess valur legali bħat-Trattati”. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) TUE jikkonferma li d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) huma parti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea bħala prinċipji ġenerali.

75      L-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jippreċiża li, sa fejn din tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom din il-konvenzjoni. Skont l-ispjegazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, is-sens u l-portata tad-drittijiet iggarantiti huma ddeterminati mhux biss mit-test tal-KEDB, iżda wkoll, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C-279/09, EU:C:2010:811, punt 35).

76      Huwa minnu li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, reċentement kellha l-okkażjoni tfakkar li l-posta elettronika li tintbagħat mill-post tax-xogħol tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 8 tal-KEDB (Qorti EDB, 22 ta’ Frar 2018, Libert vs Franza, CE:ECHR:2018:0222JUD000058813, punt 24) u b’hekk, taħt il-kunċett ta’ “ħajja privata” u ta’ “korrispondenza”. Madankollu, minn din l-istess sentenza jirriżulta li ma huwiex kull indħil fil-ħajja privata li għandu jiġi kkunsidrat bħala ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 22 ta’ Frar 2018, Libert vs Franza, CE:ECHR:2018:0222JUD000058813, punti 37, 46 u 53).

77      Fil-kawża preżenti, fir-rigward tal-posta elettronika li tidher fid-dokument XXXVI tal-Anness A.12 u tal-Anness A.19, hemm lok li jiġi osservat li l-BĊE ma ressaq l-ebda argument li jirrigwarda d-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u tal-komunikazzjonijiet iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fejn dan l-artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 8(1) tal-KEDB. F’dak li jikkonċerna l-ewwel minn din il-posta elettronika, huwa jillimita ruħu li jsostni li dan huwa skambju ta’ korrispondenza kunfidenzjali li seħħ bejn l-evalwatriċi 2 u żewġha fil-kuntest ta’ skambji dwar il-ħajja privata. F’dak li jikkonċerna t-tieni minn din il-posta elettronika, huwa jillimita ruħu sabiex isostni b’mod kompletament lakoniku wkoll, minn naħa, li dan jikkostitwixxi skambju ta’ korrispondenza personali u kunfidenzjali li seħħ bejn l-evalwatriċi 2 u l-“coach” tagħha fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ fiduċja neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-servizz, li r-rikorrenti ma kellhiex tkun taf biha u li ma kellhiex id-dritt sabiex tużaha u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li din ġiet iddepożitata anonimament fuq l-iskrivanija tar-rikorrenti ma jiġġustifikax li din tużaha quddiem il-Qorti Ġenerali.

78      Barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 63 iktar ’il fuq, ma teżistix dispożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni li tipprevedi b’mod espliċitu l-projbizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, il-provi miksuba illegalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Goldfish et vs Il-Kummissjoni, T-54/14, EU:T:2016:455, punt 76).

79      Fl-aħħar nett, in-natura kunfidenzjali tal-posta elettronika li tidher fid-dokument XXXVI tal-Anness A.12 u fl-Anness A.19 lanqas ma tikkostitwixxi ostakolu għall-ammissibbiltà tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (ara l-punti 63, 65 u 66 iktar ’il fuq).

80      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-BĊE jiċħad l-allegazzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-evalwatriċi 2. Għaldaqstant, id-dokumenti kkontestati jistgħu juru l-fatti allegati mir-rikorrenti u huma neċessarji għall-eżami tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż. Iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti huma għaldaqstant differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il-Kunsill (F-6/07, EU:F:2008:55), minn dan l-aspett ukoll. Fil-fatt, fl-imsemmija kawża, il-fatti invokati mir-rikorrent insostenn tal-argument tiegħu li l-proċedura ta’ selezzjoni kienet ivvizzjata minn irregolarità kienet ġiet espliċitament irrikonoxxuta mill-Kunsill. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonkludiet li ċerti dokumenti ma kinux neċessarji sabiex tiġi eżaminata l-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il-Kunsill, F-6/07, EU:F:2008:55, punt 68).

81      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni, mingħajr kontestazzjoni, li, bl-eċċezzjoni tal-Anness A.19, hija kienet diġà kkomunikat id-dokumenti kkontestati l-oħra lill-BĊE fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, mingħajr ma dan qajjem xi mistoqsijiet. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2016 li tiċħad l-azzjoni amministrattiva ma tirreferix speċifikament għall-imsemmija dokumenti. Dik tal-15 ta’ Settembru 2016 li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti tinnota li r-rikorrenti ssostni li r-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ oġġettività, ta’ newtralità u ta’ imparzjalità manifesta u li hija pproduċiet dokumenti li allegatament jattestaw xi intenzjoni tas-superjur tagħha li jkeċċiha “bħala ritaljazzjoni”. L-imsemmija deċiżjoni tirrileva li l-kontenut tar-rapport kontenzjuż ma juri l-ebda indikazzjoni ta’ intenzjoni ta’ ritaljazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter u li l-provi mressqa ma jippermettux, fihom infushom, li jiġi stabbilit użu ħażin ta’ poter.

82      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, in-natura tad-dokumenti kkontestati u l-ġurisprudenza prevista fil-punti 63 sa 66 u 78 iktar ’il fuq, id-dokumenti kkontestati għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

–       Fuq il-fondatezza tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

83      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwatriċi 2 esprimiet fir-rigward tagħha, f’diversi okkażjonijiet, evalwazzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li Kap ta’ Diviżjoni u evalwatur sekondarju jistgħu jesprimu, b’mod li jimmanifestaw preġudizzju fil-konfront tagħha. Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità suġġettiva ma kienx iggarantit.

84      Ir-rikorrenti tinvoka, b’mod partikolari:

–        il-fatt li, fil-posta elettronika li l-evalwatriċi 2 bagħtet lil żewġha, fis-16 ta’ Lulju 2015 (dokument XXXVI tal-Anness A.12), hija:

–        iddikjarat l-intenzjoni tagħha sabiex titlob lil membru tad-direttorat tal-BĊE sabiex “ikeċċiha” billi ssaħħaħ il-każ tagħha b’eżempji fir-rigward tan-nuqqasijiet fil-prestazzjoni;

–        semmiet il-fatt li r-rikorrenti kienet ikkontestat id-deċiżjonijiet preċedenti li kienet ħadet u id-deċiżjonijiet tal-evalwatur 1, li hija tikkunsidra negattivament;

–        allegat li r-rikorrenti kellha reputazzjoni tant ħażina li l-ebda servizz ma riedha, inkluż id-DĠ-[kunfidenzjali] li fih kienet ġiet ikkollokata minħabba t-“tgerfixa” (“mess”) li kienet wettqet;

–        il-fatt li l-evalwatriċi 2 kitbet lil “coach” tagħha, fil-11 ta’ Ġunju 2015, fil-posta elettronika li tidher fl-Anness A.19 tal-proċess, il-kummenti li ġejjin: “is-sempliċi idea li hija terġa’ tiġi [fid-DIV/[kunfidenzjali] wara l-kollokament] jirrabjani” (the sheer thought of her coming back makes me angry); “dan jirrabjani ħafna” (it just makes me very angry); “ħa jkolli nfittex mezz sabiex nillimita l-impatt tagħha fuqna u fuqi, b’mod partikolari” (I have to think of ways to limit her impact on us and myself, in particular);

–        il-fatt li l-evalwatriċi 2 ifformulat, fil-posta elettronika tal-20 ta’ Marzu 2015 (dokument XVII tal-Anness A.12), evalwazzjonijiet negattivi fil-konfront tagħha u li hija indikat li l-evalwatriċi 3 kienet iddikjarat li ma xtaqitx il-kollokament tagħha;

–        il-fatt li l-evalwatriċi 2 kitbet, fid-9 ta’ Frar 2015, fil-posta elettronika li tidher fid-dokument XXV tal-Anness A.12, lil tliet membri tal-ġerarkija għolja tad-DĠ “[kunfidenzjali]” li kienet sorpriża li r-rikorrenti kienet tinsab fil-listi tal-uffiċjali marbuta mal-proġett [kunfidenzjali], “peress li intom tafu bil-prestazzjoni [tar-rikorrenti] fi ħdan il-BĊE” ([g]iven that you know about [the applicant’s] performance here in the Bank) u l-fatt li b’hekk l-evalwatriċi 2, lil hinn minn kull proċedura organizzata u trasparenti, ikkomunikat lill-ġerarkija għolja tal-BĊE li l-prestazzjoni tagħha kienet ħażina, li l-preżenza tagħha fi ħdan il-proġett kienet kritikabbli, li hija ma kinitx kapaċi tipparteċipa f’dan il-proġett u li hija ma kellhiex id-dritt tipparteċipa fih minħabba l-prestazzjoni allegatament insuffiċjenti tagħha;

–        il-fatt li, f’posta elettronika tal-14 ta’ April 2015 dwar id-djalogu ta’ nofs it-terminu, l-evalwatriċi 2 qalet li kienet tippreferi ma tiltaqax magħha billi semmiet dan li ġej: “[F]i spirtu ta’ ekonomizzazzjoni, għaliex għandi ninsisti li nitkellem magħha meta nafu li l-pożizzjoni tagħha u dik tagħna huma ortoganali?” (In the spirit of economising, why should I insist on talking to her when we know that her position and our position are orthogonal?).

85      Skont ir-rikorrenti, huwa fid-dawl ta’ dan il-ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità, meħtieġ mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-evalwazzjonijiet fir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż għandhom jinqraw u li dawn setgħu kienu differenti kieku l-imparzjalità, kemm tal-evalwatriċi 2 u kemm tal-evalwatur 1, kienet ġiet iggarantita. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza ċerti osservazzjonijiet imwettqa mill-evalwatriċi 2, fil-punt 5.2 tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna:

–        l-allegat nuqqas ta’ integrità tagħha, sa fejn hija kienet injorat is-superjuri tagħha;

–        il-fatt li hija kienet ikkontestat ir-rapport ta’ evalwazzjoni 2014 u d-deċiżjoni ASBR 2014, li l-evalwatriċi 2 qieset bħala ostakolu għal kollokament fi ħdan id-DĠ-[kunfidenzjali];

–        il-fatt li hija kienet ipprovat titfa’ r-responsabbiltà fuq is-superjuri tagħha;

–        il-fatt li hija ma “rnexxietx” fil-kollokament tagħha;

–        il-fatt li l-prestazzjoni tagħha ma kinitx suffiċjenti, u li r-rendiment tagħha kien inqas minn dak mistenni minn [kunfidenzjali].

86      Għar-rikorrenti, l-evalwatriċi 2, permezz tal-komunikazzjonijiet tagħha lil persuni terzi u l-kontenut ta’ dawn il-komunikazzjonijiet, mhux biss firxet elementi li jippreġudikaw ir-reputazzjoni tagħha, iżda għamlet dan b’mod malafamanti.

87      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwatriċi 3 ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwaha b’mod oġġettiv, peress li, skont wieħed mid-dokumenti kkontestati, il-posta elettronika tal-20 ta’ Marzu 2015 (dokument XVII tal-Anness A.12), l-evalwatriċi 3 iddikjarat li ma riditx il-kollokament billi rriferiet għal “każ” li hija segwiet meta kienet taħdem fid-DĠ-[kunfidenzjali], jiġifieri l-ilment minħabba fastidju mressaq mir-rikorrenti li finalment ma kienx irnexxa.

88      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż seta’ kien differenti kieku l-imparzjalità tal-evalwatur 1 kienet ġiet iggarantita.

89      Il-BĊE jsostni li t-tieni motiv ma huwiex fondat. Qabel kollox, ir-rikorrenti ma kinitx ressqet il-prova li l-evalwatriċi 2 kienet nieqsa minn oġġettività u minn imparzjalità. Filwaqt li minn ċertu numru ta’ dokumenti fil-proċess, jirriżulta li r-rikorrenti kienet sors ta’ frustrazzjoni għall-evalwatriċi 2 u possibbilment għall-evalwatriċi 3 ukoll, din il-frustrazzjoni ma rriżultatx minn sentimenti personali, iżda minn għejja u minn xettiċiżmu f’kuntest professjonali fir-rigward tar-rendiment u tal-prestazzjoni tar-rikorrenti, u dan ma jurix nuqqas ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività. Skont il-BĊE, l-evalwatriċi 2 kienet baqgħet fil-limiti tal-funzjonijiet tagħha ta’ Kap ta’ Diviżjoni, responsabbli għal tim u kkonċernata bil-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni tagħha. Kien fl-eżerċizzju sħiħ tar-responsabbiltajiet tagħha bħala superjuri fil-ġerarkija, li kienet esprimiet it-tħassib tagħha fir-rigward ta’ sitwazzjoni dannuża fi ħdan is-servizz tagħha. Konsegwentement, il-BĊE jsostni li, minkejja li l-attitudni tal-evalwatriċi 2 setgħet toħloq problema, quod non, l-intervent tagħha ma kellux impatt fuq l-evalwazzjoni ġenerali tar-rikorrenti, peress li l-evalwatriċi 2, bħala t-tieni evalwatur, sempliċement ikkonfermat il-kritika mwettqa mill-evalwatur 1, li fil-konfront tiegħu, in-nuqqas ta’ imparzjalità allegat ma ġiex stabbilit. Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li r-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż seta’ kien differenti kieku bbenefikat minn evalwatur sekondarju oġġettiv u imparzjali hija bbażata, skont il-BĊE, fuq il-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ imparzjalità u tibqa’ purament spekulattiva.

90      Qabel kollox, fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-posta elettronika tas-16 ta’ Lulju 2015 indirizzat mill-evalwatriċi 2 lil żewġha (dokument XXXVI tal-Anness A.12) xerrdet għajdut malafamanti kontra r-rikorrenti ma jistax jirnexxi. Ma ġiex sostnut bl-ebda preċiżazzjoni li tippermetti li tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu. Barra minn hekk, il-posta elettronika inkwistjoni fl-ebda mument ma ssemmi r-rikorrenti. Ukoll, mill-proċess ma jirriżultax li l-evalwatriċi 2 bagħtitha lil xi persuni oħra barra d-destinatarju, żewġha, u hija r-rikorrenti stess li inkludietha fil-proċess fil-fażi tal-proċedura prekontenzjuża u fir-rikors preżenti.

91      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ imparzjalità tal-evalwatur 1 u tal-evalwatriċi 3, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda prova inizjali insostenn ta’ dan u l-ebda argument issostanzjat insostenn ta’ dawn l-ilmenti. Fil-każ tal-evalwatur 1, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tevoka xi tensjoni possibbli, nuqqas ta’ ftehim, u l-proċedura li tikkonċerna lid-dinjità fuq il-post tax-xogħol. Fil-każ tal-evalwatriċi 3, hija sempliċement tislet konklużjoni ġenerali mill-kummenti rrapportati f’dokument fil-proċess. Dawn l-allegazzjonijiet fattwali ma humiex akkumpanjati minn l-ebda prova suffiċjentement preċiża, oġġettiva u konkordanti ta’ natura li ssostni l-veraċità jew il-possibbiltà li dan huwa minnu, u minn l-ebda preċiżazzjoni jew argument li jippermettu li tiġi evalwata l-fondatezza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, EU:C:2001:127, punt 113). Isegwi li dawn iż-żewġt ilmenti mqajma mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

92      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li huwa inerenti f’kull eżerċizzju ta’ evalwazzjoni li wieħed jasal, jekk ikun il-każ, għal konklużjonijiet li ma jikkorrispondux għall-aspettattivi tal-parti interessata. Huwa wkoll inerenti għal kull attività ta’ ġestjoni ta’ tim jew ta’ servizz li jkun hemm xi skambji, kemm orali jew bil-miktub, ta’ natura informali jew formali, fi ħdan is-superjuri u mas-servizz tar-riżorsi umani, fuq il-funzjonament tat-tim jew tas-servizz kif ukoll fuq ir-riżultati miksuba u d-diffikultajiet li jirriżultaw. Għaldaqstant, tali konklużjonijiet u tali skambji ma humiex malafamanti fihom infushom.

93      F’dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività tal-evalwatriċi 2, għandu jitfakkar li, skont il-kliem tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt, partikolarment, sabiex il-kawżi tagħha jiġu ttrattati imparzjalment mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri b’mod partikolari l-imparzjalità suġġettiva, li teħtieġ li l-membri ta’ bord ta’ għażla ma għandux ikollhom preġudizzju personali, fejn l-imparzjalità suġġettiva hija preżunta fl-assenza ta’ prova kuntrarja (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, Spadafora vs Il-Kummissjoni, T-250/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:866, punti 74 u 75; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Strack, T-197/11 P u T-198/11 P, EU:T:2012:690, punt 113).

94      Barra minn hekk, kif fakkru l-partijiet, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li xi diverġenzi bejn uffiċjal u s-superjur fil-ġerarkija tiegħu jistgħu joħolqu ċerta irritazzjoni fl-imsemmi superjur fil-ġerarkija, din il-possibbiltà ma timplikax, bħala tali, li dan tal-aħħar ma jkunx f’pożizzjoni li jevalwa oġġettivament il-merti tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, ġie deċiż ukoll li anki l-fatt li uffiċjal ressaq ilment ta’ fastidju kontra l-uffiċjal li għandu jevalwa s-servizzi professjonali tiegħu ma jistax, bħala tali, barra kull ċirkustanza oħra, ikun ta’ natura li jikkonfuta l-imparzjalità tal-persuna li kontra tagħha huwa intiż l-ilment (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-64/13, EU:F:2015:72, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-implikazzjoni sempliċi tas-superjuri fil-ġerarkija fl-attivitajiet professjonali tal-membri tal-persunal taħt l-awtorità tagħhom, hija ta’ natura li tippermettilhom iwettqu l-evalwazzjoni l-iktar adegwata possibbli tal-attivitajiet tal-persuni li jwettqu l-ordnijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-64/13, EU:F:2015:72, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Li jiġi aċċettat argument li jipprovdi li la l-Kap ta’ Unità u lanqas l-ebda membru mis-superjuri tas-servizz li fih huwa assenjat membru tal-persunal ma għandu jipparteċipa fil-proċedura ta’ evalwazzjoni jwassal għal sitwazzjoni li fiha evalwazzjoni adegwata tal-prestazzjoni ta’ membru tal-persuna u tal-kondotta tiegħu fis-servizz ma tkunx iggarantita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-64/13, EU:F:2015:72, punt 72).

96      Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rapport ta’ evalwazzjoni jesprimi l-opinjoni fformulata b’mod ħieles tal-evalwaturi. Minn dan isegwi li ċerta suġġettività hija inerenti għall-evalwazzjonijiet tal-imsemmi rapport, bħal kull opinjoni personali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Angelidis vs Il-Parlament, T-416/03, EU:T:2006:375, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tafferma li, fid-dawl tad-dokumenti kkontestati, l-imparzjalità tal-evalwazzjonijiet tal-evalwatriċi 2 li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż ġiet kompromessa. Għandu jiġi nnotat li d-dokumenti kkontestati jkopru l-perijodu bejn Frar sa Lulju 2015, fejn l-aħħar posta elettronika tas-16 ta’ Lulju 2015 inkitbet erba’ xhur qabel ma l-evalwatriċi 2 żiedet l-evalwazzjoni tagħha fir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż.

98      Huwa minnu li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn il-persuna evalwata u l-evalwatur u ta’ ċerta irritazzjoni fi ħdan ta’ dan tal-aħħar ma timplikax, bħala tali, li l-evalwatur ma jkunx iktar f’pożizzjoni li jevalwa oġġettivament il-merti tal-parti interessata. Għandu jiġi rrilevat ukoll li xi evalwazzjonijiet, anki negattivi, li hemm fir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż ma jistgħux, bħala tali, jiġu kkunsidrati bħala provi li dan ir-rapport inkiteb b’nuqqas ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività.

99      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti kkontestati, iddikjarati ammissibbli (ara l-punt 82 iktar ’il fuq), jikkostitwixxu provi suffiċjentement preċiżi, oġġettivi u konkordanti ta’ natura li jsostnu l-veraċità jew il-possibbiltà tal-allegazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ imparzjalità suġġettiva tal-evalwatriċi 2 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 113). Dan il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tal-BĊE li jipprovdi li, minkejja li l-attitudni tal-evalwatriċi 2 setgħet toħloq problema, quod non, l-intervent tagħha ma kellux impatt fuq l-evalwazzjoni ġenerali tar-rikorrenti, peress li l-evalwatriċi 2 sempliċement ikkonfermat il-kritika esposta mill-evalwatur 1. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imparzjalità tal-evalwatur 1 ma jistax jostakola l-kunsiderazzjoni li t-tieni evalwazzjoni hija vvizzjata minn illegalità minħabba n-nuqqas ta’ imparzjalità tal-evalwatriċi 2. L-aġir ta’ evalwatur wieħed jista’ jivvizzja b’illegalità r-rapport ta’ evalwazzjoni fit-totalità tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il-Kunsill, F-6/07, EU:F:2008:55, punt 97). Fil-fatt, fil-proċedura ta’ evalwazzjoni stabbilita fil-BĊE, l-evalwazzjoni mit-tieni evalwatur, superjuri fil-ġerarkija għall-ewwel wieħed, tikkostitwixxi garanzija għall-membru tal-persunal ikkonċernat, li jkun jista’ jserraħ moħħu fir-rigward tal-esperjenza u l-imparzjalità ta’ din il-persuna responsabbli superjuri fil-ġerarkija.

100    Fil-kawża preżenti, għalkemm il-kummenti li r-rikorrenti kienet is-suġġett tagħhom fir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż, anki jekk kienu negattivi, baqgħu fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-evalwatur, u, partikolarment ma jaqbżux il-linja limitrofi tal-kritika derogatorja jew offensiva lejn il-persuna kkonċernata, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ressqet provi li juru li l-evalwatriċi 2 kienet esprimiet, f’diversi okkażjonijiet waqt l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni 2015, opinjonijiet negattivi qawwija ħafna fil-konfront tagħha.

101    B’hekk, fil-posta elettronika tad-9 ta’ Frar 2015 indirizzata lil tliet membri tal-ġerarkija għolja tal-BĊE li kkonċernat il-proġett [kunfidenzjali] (dokument XXV tal-Anness A.12), l-evalwatriċi 2 staqsiet jekk kellhomx konoxxenza dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-imsemmija proġett, fid-dawl tal-fatt li kienu jafu bil-prestazzjoni tagħha fi ħdan il-BĊE, u esprimiet xi dubji dwar din il-parteċipazzjoni billi ppreċiżat li hija “ma tifhim[x] ir-raġunijiet għal din in-nomina” (I don’t see the rationale behind this nomination) u dehret li riedet tintervjeni fuq dan is-suġġett billi talbithom “[j]indikawl[ha] lil min [t]ista’ [t]kellem dwar dan?). (Could you […] let me know whom to approach in this matter?).

102    Barra minn hekk, il-posta elettronika tal-20 ta’ Marzu 2015, indirizzata mill-evalwatriċi 2 lis-Sinjura O., li kien ikkopjat fiha l-evalwatur 1, dwar proġett li rrigwarda [kunfidenzjali] (dokument XVII tal-Anness A.12), dehru xi kummenti tal-evalwatriċi 2 b’ton kemxejn ironiku, jiġifieri: “sfortunatament, [l-evalwatriċi 3] taf iktar dwar [ir-rikorrenti] minna, peress li hija ħadmet fuq il-każ mhux biss meta kienet fid-DĠ-[kunfidenzjali], iżda wkoll meta kienet fid-DĠ-[kunfidenzjali]” ([appraiser 3] unfortunately knows more about [the applicant] than we do because she has been involved in the case not only when she was in DG-[confidential] but also in DG-[confidential]); “de facto, [l-evalwatriċi 3] fil-verità, ma tixtieqx li jkollha [lir-rikorrenti] fit-tim tagħha (x’sorpriża dik)” [de facto, [appraiser 3] does not really want to have [the applicant] in her team (surprise, surprise)].

103    L-osservazzjonijiet li jinsabu fil-posta elettronika tal-11 ta’ Ġunju 2015, li l-evalwatriċi 2 bagħtet lil “coach” tagħha (Anness A.19) huma iktar negattivi, peress li l-evalwatriċi 2 evokat ir-rabja tagħha dwar l-idea li r-rikorrenti kienet ser tiġi lura fid-DIV/[kunfidenzjali] wara l-kollokament tagħha, il-ħin u l-enerġija li r-rikorrenti kienet “serqitilha” kif ukoll il-mistrieħ jew is-serħan temporanju li l-perijodu ta’ kollokament ħolqilha (“hija tinsab ikkollokata u dan tana tant ħin u enerġija addizzjonali li l-idea stess li ser tiġi lura ma jbeżżanix, iżda jirrabbjani […] il-kwantità ta’ ħin u ta’ enerġija li ‘tisraq’ minn għandna jirrabbjani ħafna u jiffrustrani”) (she is on secondment and this has given us so much more additional time and energy that the sheer thought of her coming back makes me angry not scared […] it just makes me very angry and frustrated how much time and energy she “steals” from us).

104    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-posta elettronika tas-16 ta’ Lulju 2015, li l-evalwatriċi 2 bagħtet lil żewġha, li telenka ħames raġunijiet li abbażi tagħhom xtaqet tiltaqa’ ma membru tad-direttorat tal-BĊE u li tirrigwarda “kwistjoni dwar il-persunal” (dokument XXXVI tal-Anness A.12), tat eżempju ta’ każ ta’ nuqqas ta’ prestazzjoni fid-diviżjoni tagħha li setgħet tgħin sabiex jiġu identifikati u, finalment, jiġu riżolti l-iżvantaġġi tal-proċedura ta’ insuffiċjenza professjonali attwali. L-evalwatriċi 2 tikkonstata li l-persuna inkwistjoni kienet bdiet proċedura ta’ lment kontriha u kontra l-evalwatur 1 u li hija kienet involuta f’diversi kunflitti bħall-kawża li ġiet imressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea u xi azzjonijiet amministrattivi. L-evalwatriċi 2 tirrileva li, fir-rigward tal-kunflitti li fihom il-persuna inkwistjoni kienet involuta fil-passat, din il-persuna tqiegħdet f’diversi DĠ oħra li, sfortunatament ma ridux iżommuha u li r-reputazzjoni tal-imsemmija persuna kienet tali li ma setgħetx tiġi ttrasferita x’imkien ieħor. Fl-aħħar nett, l-evalwatriċi 2 tirrileva li hija kienet iddedikat ammont ta’ ħin u ta’ enerġija sproporzjonat (20 % tal-ħin tagħha) lill-persuna inkwistjoni, u li waħda mir-raġunijiet għaliex id-DIV/[kunfidenzjali] iffunzjonat tajjeb waqt l-aħħar tliet xhur kienet li din il-persuna kienet ikkollokata, u li, peress li kienet “irrovinat” il-kollokament tagħha, hija ġiet lura mill-ġdid fid-DIV/[kunfidenzjali].

105    Mid-dikjarazzjonijiet esposti fil-punti 100 sa 104 iktar ’il fuq, jidher ċar li d-dokumenti kkontestati huma xhieda mhux biss ta’ għejja u xettiċiżmu fil-kuntest professjonali, hekk kif isostni l-BĊE, iżda wkoll ta’ sentimenti personali b’saħħithom ħafna u negattivi tal-evalwatriċi 2 fir-rigward tar-rikorrenti.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dikjarazzjonijiet imwettqa mill-evalwatriċi 2 fid-dokumenti kkontestati, huma ta’ natura li jistabbilixxu nuqqas ta’ imparzjalità suġġettiva jew, tal-inqas, il-probabbiltà ta’ tali nuqqas. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, skont il-Gwida ta’ Evalwazzjoni tal-BĊE, ir-rwol tal-evalwatriċi 2, bħala t-tieni evalwatur, huwa li tikkompleta l-evalwazzjoni tal-ewwel evalwatur, li tirrevedi l-evalwazzjoni tal-ewwel evalwaturi sabiex tiżgura trattament ġust u ekwu fi ħdan id-diviżjoni u li taġixxi bħala medjatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim serju bejn l-ewwel evalwatur u l-persuna evalwata.

107    Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni motiv tar-rikors.

108    Din il-konklużjoni tiġġustifika waħedha li r-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż jiġi annullat, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti fuq il-bażi tat-tieni u t-tielet partijiet tal-ewwel motiv u tat-tielet motiv.

 Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ASBR 2015

109    Essenzjalment, ir-rikorrenti tibbaża l-kap tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ASBR 2015 fuq in-natura illegali tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż kif ukoll fuq il-fatt li hija ma setgħetx tibbenefika minn laqgħa mal-evalwatur tagħha meta ngħatat id-deċiżjoni ASBR 2015 sabiex jingħatawlha spjegazzjonijiet addizzjonali dwar din id-deċiżjoni, konformement mal-Linji Gwida dwar l-ASBR.

110    Il-BĊE jsostni li t-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni ASBR 2015 hija manifestament infondata.

111    Mill-punti 106 sa 108 hawn fuq jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet imwettqa mill-evalwatriċi 2 fid-dokumenti kkontestati huma ta’ natura li jistabbilixxu nuqqas ta’ imparzjalità suġġettiva jew, tal-inqas, il-probabbiltà ta’ tali nuqqas, tat-tip li r-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż għandu jiġi annullat.

112    Fid-dawl tar-“rabta diretta” stabbilita skont il-punt 3 tal-Linji Gwida dwar l-ASBR bejn l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni u dak tal-ASBR li, minkejja li jsegwu għanijiet differenti, għandhom jippreżentaw koerenza interna, għandha tiġi annullata wkoll id-deċiżjoni ASBR 2015.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

113    Minn naħa, ir-rikorrenti tafferma li, wara l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż u tad-deċiżjoni ASBR 2015, il-BĊE għandu jwettaq mill-ġdid l-evalwazzjoni tagħha u jieħu deċiżjoni ASBR ġdida u, għaldaqstant, li jirrikostitwixxi d-drittijiet finanzjarji tagħha mill-1 ta’ Jannar 2016, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ta’ referenza tal-BĊE miżjuda b’żewġ punti.

114    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti titlob li l-BĊE jiġi kkundannat għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 15 000 bħala kumpens għad-dannu morali li hija sostniet. Għar-rikorrenti, l-annullament sempliċi tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż u tad-deċiżjoni ASBR 2015 ma jikkumpensax totalment id-dannu morali li hija sostniet, li huwa separabbli mill-illegalità li tikkostitwixxi l-bażi tal-annullament mitlub. L-imġiba fil-konfront tagħha tal-evalwatur 1 u l-evalwatriċi 2, kif riflessa fir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż, li tqiegħed f’dubju l-integrità u l-lealtà tagħha lejn il-BĊE u li twassal, fir-rigward ta’ terzi, għal evalwazzjonijiet żbaljati u malafamanti mingħajr rispett għall-ħajja privata tagħha u xxerred għajdut fil-konfront tagħha, ikkawżatilha dannu gravi billi ppreġudikat, pubblikament, ir-reputazzjoni u d-dinjità tagħha.

115    Il-BĊE jsostni li, fin-nuqqas ta’ illegalità, il-bażi ta’ kwalunkwe talba għal kumpens hija nieqsa. Barra minn hekk, il-BĊE jsostni li hija r-rikorrenti li għandha turi r-realtà tal-allegat dannu materjali u morali tagħha li rriżulta mill-aġir li jinsab barra mill-kuntest tal-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż u tad-deċiżjoni ASBR 2015, li ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

116    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li minnu inħareġ l-att annullat għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni tas-sentenza. Għaldaqstant, huwa l-BĊE li għandu jiddetermina l-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni tas-sentenza preżenti u jislet il-konsegwenzi li jirriżultaw minnha f’dak li jikkonċerna l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni 2015 u tal-proċedura ASBR 2015.

117    F’dak li jikkonċerna t-talba għal kumpens għad-dannu morali allegatament subit mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tas-servizz pubbliku, l-impenn tar-responsabbiltà tal-Unjoni huwa suġġett għas-sodisfazzjon ta’ ġabra ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir akkużata bih l-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, EU:C:1994:211, punt 42; ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli, T-143/09 P, EU:T:2010:531, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, li jimplika li, meta waħda minn dawn ma tkunx issodisfatta, ir-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax tiġi aċċettata (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2017, PG vs Frontex, T-583/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:344, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Ottubru 2017, Paraskevaidis vs Cedefop, T-601/16, EU:T:2017:757, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Minn dan isegwi li, anki f’sitwazzjoni fejn nuqqas ta’ istituzzjoni jew ta’ korp jew organu tal-Unjoni jiġi stabbilit, ir-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax tiġi effettivament applikata ħlief jekk, b’mod partikolari, ir-rikorrent jirnexxielu juri r-realtà tad-dannu tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, tas-26 ta’ Ottubru 2017, Paraskevaidis vs Cedefop, T-601/16, EU:T:2017:757, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, ikun suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il-Kunsill, T-116/03, EU:T:2004:325, punt 127; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il-Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, EU:C:1987:348, punt 22).

120    Madankollu, l-annullament ta’ att ivvizzjat minn illegalità ma jistax jikkostitwixxi kumpens adegwat fih innifsu, meta l-att ikkontestat jinkludi evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tar-rikorrenti, li jistgħu jweġġawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C-343/87, EU:C:1990:49, punti 27 sa 29; tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il-Kummissjoni, T-197/98, EU:T:2000:86, punt 98, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il-Kummissjoni, T-155/03, T-157/03 u T-331/03, EU:T:2005:447, punti 205 u 206), fejn ir-rikorrenti turi li d-dannu morali huwa separabbli mill-illegalità li huwa bbażat fuqha l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat kompletament minn dan l-annullament (is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T-10/02, EU:T:2006:148, punt 131, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il-Kummissjoni, T-49/08 P, EU:T:2009:456, punt 88).

121    Fil-kawża preżenti, għandu jiġi osservat li bl-ebda mod ma huwa stabbilit li l-evalwazzjoni tal-evalwatur 1 li tidher fir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż hija vvizzjata minn kwalunkwe żball. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda prova insostenn ta’ nuqqas ta’ imparzjalità possibbli tal-evalwatur 1.

122    Barra minn hekk, kull dannu morali li setgħa ġie sostnut mir-rikorrenti minħabba r-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż u d-deċiżjoni ASBR 2015 jirriżulta direttament mill-assenza ta’ imparzjalità suġġettiva tal-evalwatriċi 2 u, b’hekk, mill-illegalità kkonstatata. Ukoll, hekk kif ġie indikat fil-punt 100 iktar ’il fuq, il-kummenti li r-rikorrenti hija s-suġġett tagħhom fir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż, minkejja li huma negattivi, ma humiex ta’ natura offensiva.

123    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti tipprova tikseb kumpens għad-dannu morali eventwali bbażat fuq id-dokumenti kkontestati, hemm lok li jiġi rrilevat li jirriżulta mill-ġurisprudenza mogħtija f’rikorsi bbażati fuq l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li, meta d-dannu allegat ma jirriżultax mill-att li jintalab l-annullament tiegħu, iżda minn atti illegali jew ommissjonijiet allegatament imwettqa, il-proċedura prekontenzjuża għandha neċessarjament tibda b’talba għal kumpens għal dan id-dannu indirizzata lill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, Gioria vs Il-Kummissjoni, F-82/14, EU:F:2015:108, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’analoġija, din il-ġurisprudenza għandha tiġi applikata għar-rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fuq l-Artikolu 36.2 tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE u fuq l-Artikolu 42 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-BĊE. Minn dan isegwi li tali talbiet għal kumpens huma inammissibbli peress li l-ebda talba għall-kumpens ta’ dannu morali eventwali, ibbażata fuq id-dokumenti kkontestati, ma ġiet indirizzata lill-BĊE qabel ir-rikors kontenzjuż (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, Gioria vs Il-Kummissjoni, F-82/14, EU:F:2015:108, punt 76).

124    Minn dan isegwi li l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż u tad-deċiżjoni ASBR 2015 għar-raġunijiet mogħtija huwa suffiċjenti sabiex jiġi kkumpensat l-eventwali dannu morali subit mir-rikorrenti.

125    Għaldaqstant, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

127    Peress li l-BĊE tilef il-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ QB li jirrigwarda l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni 2015 u d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal-15 ta’ Diċembru 2015 li jċaħħdu lil QB mill-benefiċċju ta’ progressjoni salarjali huma annullati.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-BĊE għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti minn QB.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.