Language of document : ECLI:EU:F:2007:122

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

5 ta’ Lulju 2007

Kawża F-25/06

Béatrice Ider et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz Pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Klassifikazzjoni u remunerazzjoni – Uffiċċju ‘Infrastruttura u Loġistika’ fi Brussell (OIB) – Membri tal-persunal inkarigati minn kompetenzi ta’ eżekuzzjoni – Ex impjegati taħt id-dritt Belġjan – Bdil fis-sistema applikabbli – Trattament ugwali”

Suġġett :         Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu is-Sinjura Ider u s-sinjura Desorbay kif ukoll is-Sur Noschese, membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg li jistabbilixxu l-klassifikazzjoni u r-remunerazzjoni tagħhom, abbażi ta’ kuntratti ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt iffirmati f’April 2005 u li saru effettivi mill-1 ta’ Mejju segwenti, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ din l-istess awtorità, tal-21 ta’ Novembru 2005, li jiċħdu l-ilmenti li huma kienu ressqu kontra l-ewwel deċiżjonijiet.

Deċiżjoni :         Id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ffissat ir-remunerazzjoni tas-Sinjura Ider, abbażi ta’ kuntratt ta’ aġent bil-kuntratt iffirmat f’April 2005, hija annullata. Il-bqija tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tas-Sinjura Ider. Is-Sinjura Ider għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha. Is-Sinjura Desorbay u s-Sur Noschese għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni

(Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra, Anness Artikolu 2(2))

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni

(Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra, Anness Artikolu 2(2))

1.      Mill-kliem ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ l-anness għall-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra jirriżulta b’mod ċar li l-għoti ta’ ħlas addizzjonali, fil-każ ta’ tnaqqis fil-paga, wara l-impjieg bħala membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ ħaddiem li kien preċedentement marbut ma’ l-istituzzjoni permezz ta’ kuntratt tax-xogħol irregolat mid-dritt nazzjonali, meta mqabbel mal-paga li kien jirċievi f’dan l-impjieg preċedenti, huwa biss sempliċi fakultà ta’ l-Istituzzjoni. Barra minn hekk, dan l-Artikolu 2(2) jagħti lill-Istituzzjoni marġini wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex tiffissa l-ammont addizzjonali safejn din għandha tieħu in kunsiderazzjoni ċerti differenzi li jeżistu bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tapplika fir-rigward ta’ taxxa, ta’ sigurtà soċjali u ta’ pensjoni u r-regoli applikabbli għall-membru tal-persunal bil-kuntratt.

Il-Kummissjoni implementat l-Artikolu 2(2) ta’ l-anness għall-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra billi adottat l-Artikoli 7 u 8 tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni ta’ miżuri tranżitorji applikabbli għall-membri tal-persunal impjegati ma’ l-Uffiċċju ta’ l-Infrastruttura fi Brussell fiċ-ċentri għall-kura tat-tfal matul il-jum fi Brussell, kif ukoll l-annessi I sa III ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni. Issa, skond dawn id-dispożizzjonijiet, hija effettivament impenjat ruħha sabiex tħallas ammont addizzjonali lil ċerti kategoriji ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt skond kif ipprovdut minn dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu dawn l-imsemmija provvedimenti għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ l-anness għall-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra ma jistgħux madankollu jiksru regoli superjuri tad-dritt tas-servizz pubbliku.

(ara l-punti 92, 93 u 95)

2.      Sabiex isir magħruf jekk l-inklużjoni tal-benefiċċji għall-familja fid-definizzjoni tar-remunerazzjonijiet netti, għal membru tal-persunal bil-kuntratt, minn naħa, u għal ħaddiem impjegat irregolat mid-dritt nazzjonali, min-naħa l-oħra, hijiex ta’ natura tali li tippenalizza l-membri tal-persunal bil-kuntratt li, fid-dati msemmija mill-Artikoli 7 u 8 tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni tal-miżuri tranżitorji applikabbli għall-membri tal-persunal impjegati mill-Uffiċċju ta’ l-Infrastruttura fi Brussell fiċ-ċentri għall-kura tat-tfal matul il-jum fi Brussell, kellhom tfal dipendenti minnhom meta mqabbla ma’ dawk li, fl-istess dati, ma kellhomx tfal dipendenti minnhom, għandu, fl-ewwel lok, jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli fir-rigward ta’ l-għan ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ l-anness għall-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ membri tal-persunal oħra, li għandu t-tendenza li jikkumpensa eventwali tnaqqis fil-paga li ġġib magħha bidla fl-istatus tal-persuni kkonċernati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt.

Fit-tieni lok, l-inklużjoni tal-benefiċċji tal-familja fid-definizzjoni tar-remunerazzjonijiet netti, għal membru tal-persunal bil-kuntratt, minn naħa, u għal ħaddiem impjegat irregolat mid-dritt nazzjonali, min-naħa l-oħra, għandha effett dirett fuq l-iffissar ta’ l-ammont addizzjonali derivanti mill-paragun bejn dawn ir-remunerazzjonijiet netti, magħmul skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness I ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni. Fil-każ fejn l-ammont ta’ benefiċċji Komunitarji tal-familja, inkluż fl-ewwel terminu tal-paragun, ikun ogħla minn dak tal-benefiċċji miġbura skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ impjieg, inklużi fit-tieni terminu tal-paragun, ir-remunerazzjoni addizjonali mħallsa lill-persuni li diġà għandhom tifel jew tfal dipendenti minnhom fid-data tal-bidla fl-istatus tal-persuni kkonċernati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt jitnaqqas b’daqstant.

Minn dan jirriżulta li l-inklużjoni tal-benefiċċji tal-familja fid-definizzjoni tar-remunerazzjonijiet hija tali li toħloq differenzi fil-paga skond jekk, fid-dati previsti mill-Artikoli 7 sa 8 tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni, il-membru tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernat kellux jew le tfal dipendenti minnu, u dan b’detriment għall-membru tal-persunal b’tifel jew numru ta’ tfal dipendenti minnu f’dawn l-istess dati. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-benefiċċji tal-familja jikkostitwixxu parti mir-remunerazzjoni li l-Komunitajiet huma marbuta jħallsu lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal tagħhom ma jistax madankollu jwassal għall-ġustifikazzjoni tad-differenzi fil-pagi bejn membri tal-persunal bil-kuntratt meta dan ikun biss sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn supplement fil-paga bħala kumpens għal tnaqqis fir-remunerazzjoni minħabba bidla minn Kondizzjonijiet irregolati mid-dritt nazzjonali lejn Kondizzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitarju.

Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kull ġustifikazzjoni oġġettiva, l-Anness I, fil-punti tiegħu A u B, tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni tal-miżuri tranżitorji applikabbli għall-membri tal-persunal impjegati mill-Uffiċċju ta’ l-Infrastruttura fi Brussell fiċ-ċentri għall-kura tat-tfal matul il-jum fi Brussell, li għalihom jirreferi l-Artikolu 7 ta’ l-istess dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni, jikser il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali.

(ara l-punti 96 sa 101)