Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-23 ta’ Ottubru 2018 – Pólus Vegas Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-665/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pólus Vegas Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

Il-punti 39 sa 42 tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C-98/14, EU:C:2015:386) jistgħu jiġu interpretati fis-sens li għandu jkun ikkwalifikat bħala restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE l-fatt li leġiżlatur ta’ Stat Membru jżid it-taxxa b’rata fissa fuq il-logħob b’ħames darbiet, mingħajr ma jipprovdi għal perijodu tranżitorju, u fl-istess waqt jintroduċi wkoll taxxa proporzjonali fuq il-logħob?

Il-kunċetti ta’ “tfixkil” jew li “tirrendi inqas attraenti”, li jinsabu fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C-98/14, EU:C:2015:386) jistgħu jiġu interpretati, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fis-sens li ż-żieda mhux ġustifikata u li taqbeż il-miżura raġonevoli tat-taxxa nazzjonali fuq il-logħob, toħloq distorsjoni b’mod sproporzjonat u diskriminatorju tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur il-każinòs, iċaħħad mill-profitti tagħhom lill-organizzaturi tal-logħob tal-ażżard fis-swali tal-logħob, bi ksur tal-protokoll iċċitat iktar ’il fuq u tal-Artikolu 17 tal-Karta?

Is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C-98/14, EU:C:2015:386) tista’ tiġi interpretata fis-sens li jista’ jiġi kkonstatat li attività tista’ tkun “mfixkla” jew “reża inqas attraenti”, fil-każ fejn iż-żieda mhux iġġustifikata u diskriminatorja tat-taxxa fuq il-logħob għandha bħala riżultat li l-użu tal-magni tal-logħob ma jibqax iktar ta’ profitt wara din iż-żieda u li jista’ biss iwassal għal telf?

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C-98/14, EU:C:2015:386), il-kunċett ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi jista’ jiġi interpretat b’tali mod li, fil-każ tas-swali tal-logħob u tal-każinos li joperaw fl-Istat Membru, huwa essenzjali li wieħed jassumi li hemm element ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri li ċ-ċittadini tal-Unjoni minn Stati Membri oħra jagħmlu wkoll użu mill-opportunitajiet ta’ logħob inkwistjoni?

____________