Language of document : ECLI:EU:C:2017:590

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Lulju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jissoġġornaw illegalment – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 11(2) – Deċiżjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul meħuda qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva u li tirrigwarda perijodu itwal minn dak previst mill-imsemmija direttiva – Bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni fuq id-dħul”

Fil-Kawża C-225/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2016, fil-proċeduri kriminali kontra

Mossa Ouhrami,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, A. Prechal, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Ouhrami, minn S. J. van der Woude, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. S. Schillemans, M. Gijzen u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u R. Troosters, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn C. Bichet, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Mossa Ouhrami, imwieled fl-Alġerija fl-1979 u li huwa ċittadin ta’ dan il-pajjiż terz, għar-raġuni li ssoġġorna fil-Pajjiżi l-Baxxi matul l-2011 u l-2012 meta kien jaf li huwa kien ġie ddikjarat bħala barrani mhux mixtieq permezz ta’ deċiżjoni adottata fl-2002.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2, 4, 6, 10, 11 u 14 tad-Direttiva 2008/115 jgħidu li ġej:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[…]

(4)      Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

[…]

(6)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali. Meta jużaw forom standard għal deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, jiġifieri deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet li jipprojbixxu d-dħul u deċiżjonijiet dwar it-tneħħija, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw dak il-prinċipju u jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha ta’ din id-Direttiva.

[…]

(10)      Fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni għal xiex wieħed għandu jaħseb li dan ikun se jimmina l-iskop tal-proċedura tar-ritorn, għandu jkun ippreferut ir-ritorn voluntarju aktar milli ritorn bil-forza, u għandu jingħata żmien għat-tluq volontarju. […]

(11)      Għandu jiġi stabbilit sett minimu ta’ salvagwardji legali dwar deċiżjonijiet relatati mar-ritorn biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva ta’ l-interessi ta’ l-individwi konċernati. […]

[…]

(14)      L-effetti ta’ miżuri nazzjonali dwar ir-ritorn għandhom jingħataw dimensjoni Ewropea billi tiġi stabbilita projbizzjoni fuq id-dħul li jimpedixxi d-dħul u s-soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri kollha. It-tul tal-validità tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jkun determinat b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u normalment m’għandux ikun aktar minn ħames snin. F’dan il-kuntest għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kien diġà s-suġġett ta’ aktar minn deċiżjoni waħda ta’ ritorn jew ta’ ordni ta’ tneħħija jew daħal fit-territorju ta’ Stat Membru waqt projbizzjoni ta’ dħul.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Suġġett”, jipprevedi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni] kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

(3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz – kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat – għal:

–        il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–        pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

(4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

(5)      ‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

(6)      ‘projbizzjoni fuq id-dħul’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]

(8)      ‘tluq volontarju’ tfisser konformità ma’ l-obbligu ta’ ritorn fi żmien l-iskadenza ffissata għal dak l-iskop fid-deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]”

6        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, jipprevedi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[…]

6.      Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi Komunitarja u nazzjonali.”

7        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tluq volontarju”, jipprevedi li:

“1.      Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. […]

[…]

2.      L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn.

[…]

4.      Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

8        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tneħħija”, jipprevedi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

[…]

3.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.

[…]”

9        L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul”, jistabbilixxi li:

“1.      Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

(a)      jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

(b)      jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

2.      It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

3.      L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jista’ juri li jkun ħalla jew ħalliet it-territorju ta’ Stat Membru f’konformità sħiħa ma’ deċiżjoni ta’ ritorn.

[…]”

10      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Forma”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli”.

11      Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux iktar tard mill‑24 ta’ Diċembru 2010.

 Id-dritt Olandiż

12      Skont l-Artikolu 67(1) tal-Vreemdelingenwet 2000 (liġi tal-2000 fuq il-barranin, iktar ’il quddiem il-“Vw”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-2002, barrani seta’ b’mod partikolari jiġi ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa:

“a)      jekk huwa [kien] jirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi u [kien] wettaq ripetutament fatt punibbli skont din il-liġi;

b)      jekk [kien] ġie kkundannat permezz ta’ sentenza, li saret definittiva, minħabba reat li għalih [seta’] jingħata piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew iktar;

c)      jekk [kien] jirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali,

d)      bis-saħħa ta’ trattat, jew

e)      fl-interess tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi”.

13      Konformement mal-Artikolu 68 tal-Vw, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-2002, id-deċiżjoni li kienet tiddikjara l-barrani bħala persuna mhux mixtieqa kienet titneħħa fuq talba tiegħu jekk huwa jkun issoġġorna barra mill-Pajjiżi l-Baxxi għal perijodu mhux interrott ta’ 10 snin u jekk, matul dan il-perijodu, ma tkun qamet ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 67(1) tal-istess liġi.

14      Sussegwentement, il-Vw ġiet emendata għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115.

15      Konformement mal-Artikolu 61(1) tal-Vw, attwalment fis-seħħ, il-barrani li ma jkunx, jew li ma għadux iktar, qed jissoġġorna legalment għandu jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi volontarjament fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 62 ta’ din il-liġi, li l-paragrafi 1 u 2 tiegħu jittrasponu l-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva 2008/115.

16      L-Artikolu 66a tal-Vw, li huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li deċiżjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul għandha tittieħed kontra barrani li ma jkunx telaq volontarjament mill-Pajjiżi l-Baxxi fit-terminu impost.

17      Skont l-Artikolu 66a(4) tal-Vw, il-projbizzjoni fuq id-dħul tinħareġ għal perijodu ddeterminat, li ma għandux jeċċedi l-ħames snin, ħlief jekk il-barrani jkun jirrappreżenta theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali. Dan il-perijodu għandu jiġi kkalkolat b’effett mid-data li fiha l-barrani jkun telaq effettivament mill-Pajjiżi l-Baxxi.

18      Skont l-Artikolu 66(a)(7) tal-Vw, il-barrani li jkun is-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul qatt ma jista’ jissoġġorna legalment:

“a)      jekk ġie kkundannat permezz ta’ sentenza, li saret definittiva, minħabba reat li għalih jista’ jingħata piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew iktar;

b)      jekk jirrappreżenta perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali,

c)      jekk jirrappreżenta theddida serja fis-sens tal-paragrafu 4, jew

d)      jekk kull soġġorn għandu jiġi rrifjutat lilu bis-saħħa ta’ trattat, jew fl-interess tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi”.

19      Skont l-Artikolu 197 tal-Wetboek van Strafrecht (kodiċi kriminali), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi tal-10 ta’ Marzu 1984 (Stb. 1984, Nru 91), applikabbli għall-kawża prinċipali, barrani li jissoġġorna fil-Pajjiżi l-Baxxi meta jkun jaf jew ikollu raġunijiet serji sabiex jissuspetta li huwa ġie ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa abbażi ta’ dispożizzjoni legali, jista’ jiġi kkundannat, inter alia, għal perijodu ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sitt xhur.

20      Dan l-istess artikolu jipprevedi, fil-verżjoni tiegħu attwalment fis-seħħ, li tirriżulta mil-liġi tal-15 ta’ Diċembru 2011 (Stb. 2011, Nru 663), li barrani li jissoġġorna fil-Pajjiżi l-Baxxi meta jkun jaf jew ikollu raġunijiet serji sabiex jissuspetta li huwa ġie ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa abbażi ta’ dispożizzjoni legali jew li projbizzjoni fuq id-dħul ġiet imposta fuqu bis-saħħa tal-Artikolu 66a(7) tal-Vw, jista’ jiġi kkundannat, inter alia, għal perijodu ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sitt xhur.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Minister van Vreemdelingenzaken en Immigratie (ministru għall-affarijiet relatati mal-barranin u għall-immigrazzjoni) tat-22 ta’ Ottubru 2002, M. Ouhrami ġie ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-imsemmi ministru kkonstata li, bejn l-2000 u l-2002, M. Ouhrami kien ġie kkundannat ħames darbiet mill-qorti kriminali għal pieni li jammontaw għal iktar minn tlettax-il xahar priġunerija, għal serq aggravat, riċettazzjoni u pussess ta’ drogi qawwija. Fuq din il-bażi, il-ministru għall-affarijiet relatati mal-barranin u għall-immigrazzjoni qies li M. Ouhrami kien jikkostitwixxi perikolu għall-ordni pubbliku u, għal din ir-raġuni, iddikjara lill-persuna kkonċernata bħala persuna mhux mixtieqa. Dan wassal sabiex M. Ouhrami kellu l-obbligu, minn naħa, li jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi, fejn huwa seta’ jitkeċċa jekk ma josservax tali obbligu, u, min-naħa l-oħra, li jissoġġorna barra mill-Pajjiżi l-Baxxi għal għaxar snin konsekuttivi, peress li huwa kien ġie ddikjarat bħala persuna mhux mixtieq b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ reat relatat mad-droga. Skont l-imsemmija deċiżjoni, dan it-terminu ta’ għaxar snin kellu jibda jiddekorri mid-data li fiha M. Ouhrami jkun telaq effettivament mill-Pajjiżi l-Baxxi.

22      Id-deċiżjoni li tiddikjara lil M. Ouhrami bħala persuna mhux mixtieqa ġiet innotifikata lilu fis-17 ta’ April 2003. Billi d-deċiżjoni ma ġietx ikkontestata, din saret definittiva fil-15 ta’ Mejju 2003. Madankollu, M. Ouhrami ma telaqx mill-Pajjiżi l-Baxxi, billi sostna li ma kienx fil-pussess tad-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa.

23      Fl-2011 u fl-2012, ġie kkonstatat seba’ darbiet li M. Ouhrami kien, bi ksur ta’ din id-deċiżjoni, issoġġorna f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), meta huwa kien jaf li kien ġie ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa, fejn dan ir-reat huwa punibbli skont l-Artikolu 197 tal-kodiċi kriminali.

24      Peress li ġie kkundannat fl-ewwel istanza għal piena ta’ priġunerija minħabba dawn il-fatti, M. Ouhrami appella quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn sostna li l-impożizzjoni ta’ tali piena kienet tikser id-Direttiva 2008/115, għar-raġuni li l-proċedura prevista minn din tal-aħħar ma kinitx intemmet kompletament.

25      Il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) ikkonstatat li l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mhux sospiża fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/115, li jkun ġie ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa, u li, mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu, jissoġġorna illegalment fil-Pajjiżi l-Baxxi, tkun tikser din id-direttiva jekk l-istadji tal-proċedura ta’ ritorn prevista minnha jkunu għandhom ma ngħalqux. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ din il-piena tista’ tikkomprometti l-għan li din id-direttiva tipprova tilħaq, jiġifieri l-istabbiliment ta’ politika effikaċji ta’ tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissoġġornaw illegalment fi Stat Membru.

26      Sussegwentement, din il-qorti ddeċidiet li, f’dan il-każ, il-proċedura ta’ ritorn kienet ġiet segwita fl-intier tagħha. F’dan ir-rigward, hija osservat li:

–        id-Dienst Terugkeer en Vertrek (servizz ta’ ritorn u ta’ tluq, il-Pajjiżi l-Baxxi) kien għamel, ma’ M. Ouhrami, 26 intervista dwar ir-ritorn ta’ dan tal-aħħar,

–        M. Ouhrami kien ġie rreferut ripetutament lill-awtoritajiet Alġerini, Marokkini u Tuneżini, iżda ma ġie l-ebda rapport pożittiv minn ebda wieħed minn dawn il-pajjiżi,

–        saru diversi investigazzjonijiet permezz tal-Interpol, partikolarment fir-rigward tal-marki tas-swaba,

–        saru sforzi sabiex issir analiżi tal-lingwa fil-konfront tal-persuna kkonċernata,

–        il-proċeduri kollha relatati mat-tneħħija, previsti mis-servizz ta’ ritorn u ta’ tluq, kienu ġew segwiti,

–        dawn il-passi ma wasslux, madankollu, għat-tneħħija ta’ M. Ouhrami, billi dan tal-aħħar irrifjuta li jikkoopera.

27      Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) qieset li l-awtoritajiet kompetenti kienu wettqu sforzi suffiċjenti sabiex jiddeterminaw l-identità ta’ M. Ouhrami u ssir it-tneħħija tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Konsegwentement, din il-qorti ddeċidiet li l-proċedura ta’ ritorn setgħet, f’dan il-każ, titqies bħala magħluqa, b’tali mod li l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għall-fatti kkontestati ma kinitx tikser id-Direttiva 2008/115. Billi ċaħdet l-argument ta’ M. Ouhrami, l-imsemmija qorti kkundannat lil dan tal-aħħar għal piena ta’ priġunerija ta’ xahrejn.

28      M. Ouhrami ppreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

29      Fil-kuntest tal-appell tiegħu, M. Ouhrami ma jikkontestax il-konklużjoni tal-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam), li tgħid li l-proċedura ta’ ritorn previst mid-Direttiva 2008/115 ġiet, f’dan il-każ, segwita fl-intier tagħha. Madankollu, huwa jilmenta li din il-qorti kkundannatu inġustament, peress li huwa tal-fehma li d-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2002 li tiddikjarah bħala persuna mhux mixtieqa waqfet tipproduċi effetti legali mid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, M. Ouhrami jsostni li din id-deċiżjoni kellha tiġi assimilata ma’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, li daħlet fis-seħħ meta nħarġet jew, l-iktar tard, meta sar jaf biha, u li, skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115, il-validità ta’ din il-projbizzjoni fuq id-dħul ma setgħetx, f’dan il-każ, teċċedi l-ħames snin, b’tali mod li ma kinitx għadha fis-seħħ fl-2011 u fl-2012.

30      Il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tosserva li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess, jista’ jiġi dedott mis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Filev u Osmani (C‑297/12, EU:C:2013:569), li deċiżjoni li tiddikjara persuna mhux mixtieqa, adottata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/115 jew qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, għandha tiġi assimilata ma’ projbizzjoni fuq id-dħul, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. B’effett mill-iskadenza ta’ dan it-terminu, din id-deċiżjoni hija għalhekk, bħala prinċipju, suġġetta għat-tul massimu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva. Fid-dawl ta’ din l-assimilazzjoni, tqum il-kwistjoni dwar il-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni fuq id-dħul.

31      Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan il-kuntest, li l-Artikolu 197 tal-kodiċi kriminali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, ma jissanzjonax in-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fiha nnifisha, iżda s-soġġorn fil-Pajjiżi l-Baxxi, meta l-barrani kkonċernat ikun jaf jew ikollu raġunijiet serji sabiex ikun jaf li huwa ġie ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva [2008/115] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ ħames snin li jipprevedi huwa kkalkolat:

a)      b’effett mill-ħruġ tal-projbizzjoni ta’ dħul (jew, retroattivament, mid-deċiżjoni ekwivalenti li tiddikjara persuna mhux mixtieqa), jew

b)      b’effett mid-data li fiha l-persuna kkonċernata telqet fil-fatt mit-territorju — essenzjalment — tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, jew

c)      minn xi mument ieħor?

2)      L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva [2008/115] għandu, fid-dawl tal-applikazzjoni tad-dritt tranżitorju, jiġi interpretat fis-sens li deċiżjonijiet meħuda qabel ma’ din id-direttiva daħlet fis-seħħ, li għandhom l-effett legali li d-destinatarju tagħhom ikollu jibqa’ barra mill-Pajjiżi l-Baxxi għal għaxar snin konsekuttivi, meta l-projbizzjoni mid-dħul ġiet deċiża fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha marbuta mal-każ ineżami u kienet suġġetta għal rimedji legali, ma jistgħux ikollhom iktar effetti legali jekk, fil-mument li din id-direttiva kellha tiġi trasposta jew fil-mument li ġie kkonstatat li d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni kien jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi, it-tul ta’ żmien ta’ dan l-obbligu kien jeċċedi t-tul ta’ żmien previst minn din id-dispożizzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

33      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul prevista f’din id-dispożizzjoni, li bħala prinċipju ma jeċċedix il-ħames snin, għandu jiġi kkalkolat b’effett mid-data tal-ħruġ ta’ din il-projbizzjoni jew b’effett mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tkun telqet effettivament mit-territorju tal-Istati Membri jew inkella b’effett minn xi data oħra.

34      Din il-kwistjoni tqum, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’relazzjoni ma’ deċiżjoni li ġiet adottata qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 u li permezz tagħha M. Ouhrami ġie ddikjarat bħala persuna mhux mixtieqa, peress li din id-deċiżjoni kellha l-effett legali li tobbliga lill-persuna kkonċernata, minn naħa, titlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra, tissoġġorna barra minn dan l-Istat Membru għal perijodu ta’ għaxar snin konsekuttivi. Huwa minnu li, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, M. Ouhrami qatt ma telaq mill-Pajjiżi l-Baxxi u li, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ traspożizzjoni, ġie kkundannat fl-ewwel istanza u fl-appell għal piena ta’ priġunerija minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-istess deċiżjoni.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2008/115 tapplika għall-effetti sussegwenti għad-data ta’ applikabbiltà tagħha fl-Istat Membru kkonċernat ta’ deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul meħuda bis-saħħa ta’ regoli nazzjonali applikabbli qabel din id-data. Fil-fatt, għalkemm din id-direttiva ma fiha ebda dispożizzjoni li tipprovdi għal sistema tranżitorja għad-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul adottati qabel ma hija tkun applikabbli, madankollu minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li regola ġdida tapplika immedjatament, ħlief jekk ikun hemm deroga, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt ir-regola l-qadima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Filev u Osmani, C‑297/12, EU:C:2013:569, punti 39 sa 41).

36      Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 huma applikabbli għad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37      Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115, it-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi ddeterminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u, bħala prinċipju, ma għandux jeċċedi l-ħames snin. Huwa jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jirrappreżenta theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

38      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar qabelxejn li, konformement mar-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li ma tinvolvi ebda referenza espressa għal-liġi tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandha normalment tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies, b’mod partikolari, il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C-66/08, EU:C:2008:437, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Issa, kif jirriżulta mill-premessa 14 tad-Direttiva 2008/115, l-istabbiliment ta’ projbizzjoni fuq id-dħul li teskludi kull dħul u kull soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri kollha għandu l-għan li jagħti dimensjoni Ewropea lill-effetti tal-miżuri nazzjonali ta’ ritorn.

40      Għalkemm id-Direttiva 2008/115 ma tistabbilixxix espressament il-mument li minnu t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi kkalkolat, minn dan l-iskop u, b’mod iktar ġenerali, mill-għan ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti fl-iffissar ta’ regoli u ta’ proċeduri komuni sabiex jiġi żgurat ir-ritorn effikaċji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jissoġġornaw illegalment fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom, kif ukoll mill-assenza ta’ kull riferiment għad-dritt nazzjonali jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Daniż, id-determinazzjoni ta’ dan il-mument ma jistax jitħalla fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru.

41      Fil-fatt, kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk jiġi aċċettat li projbizzjonijiet fuq id-dħul li huma bbażati fuq sett ta’ regoli armonizzati fil-livell Ewropew jibdew jipproduċu l-effetti tagħhom u jieqfu jipproduċuhom f’punti differenti fiż-żmien skont l-għażliet magħmula mill-Istati Membri fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, dan jipperikola l-għan li d-Direttiva 2008/115 kif ukoll tali projbizzjonijiet fuq id-dħul jipprovaw jilħqu.

42      Għal dak li jirrigwarda d-domanda dwar liema huwa, b’mod definittiv, il-mument li minnu projbizzjoni fuq id-dħul tibda tipproduċi l-effetti tagħha u li minnu t-tul ta’ din il-projbizzjoni għandu jiġi kkalkolat, ir-risposta għal din id-domanda għandha tingħata fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-istruttura u tal-għan tad-Direttiva 2008/115.

43      Il-punt 6 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “projbizzjoni fuq id-dħul” bħala “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn”. Din id-deċiżjoni tal-aħħar hija ddefinita fil-punt 4 tal-Artikolu3 bħala “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn”.

44      Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115, id-deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat. F’każijiet oħra, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

45      Mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mill-użu tal-espressjoni “projbizzjoni fuq id-dħul” jirriżulta li tali projbizzjoni hija maħsuba sabiex tikkompleta deċiżjoni ta’ ritorn, billi tipprojbixxi lill-persuna kkonċernata għal żmien determinat wara r-“ritorn” tagħha, liema kelma hija ddefinita fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, u għalhekk wara t-tluq tagħha mit-territorju tal-Istati Membri, milli tidħol mill-ġdid f’dan it-territorju u sussegwentement tissoġġorna hemmhekk. Id-dħul fis-seħħ ta’ tali projbizzjoni jippresupponi għalhekk li l-persuna kkonċernata tkun telqet, minn qabel, mill-imsemmi territorju.

46      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura tad-Direttiva 2008/115.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza kif ukoll, b’mod partikolari, mill-premessa 6, mill-Artikolu 6(1) u (6), mill-Artikolu 8(1) u (3), mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) u mill-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tistabbilixxi distinzjoni ċara bejn, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ ritorn u deċiżjoni ta’ tneħħija eventwali u, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni fuq id-dħul.

48      Għaldaqstant, skont il-punt 4 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, huwa permezz tad-deċiżjoni ta’ ritorn li s-soġġorn illegali inizjali tal-persuna kkonċernata huwa ddikjarat illegali u li jiġi impost fuq din tal-aħħar obbligu ta’ ritorn. Din id-deċiżjoni tipprevedi, skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(4) tagħha, terminu xieraq għat-tluq volontarju tal-persuna kkonċernata. Fil-każ fejn tali terminu ma jkunx ingħata jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat fit-terminu mogħti, l-Istati Membri jieħdu, konformement mal-Artikolu 8(1) u (3) tal-imsemmija direttiva, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, billi jadottaw, skont il-każ, deċiżjoni ta’ tneħħija, jiġifieri deċiżjoni jew att distint, ta’ natura amministrattiva jew ġudizzjarja, li tordna l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn.

49      Minn dan jirriżulta li, sal-mument tal-eżekuzzjoni volontarja jew forzata tal-obbligu ta’ ritorn u, konsegwentement, tar-ritorn effettiv tal-persuna kkonċernata lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, lejn pajjiż ta’ tranżitu jew lejn pajjiż terz ieħor, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, is-soġġorn illegali tal-persuna kkonċernata huwa rregolat mid-deċiżjoni ta’ ritorn u mhux mill-projbizzjoni fuq id-dħul, li tipproduċi l-effetti tagħha biss minn dan il-mument, billi tipprojbixxi lill-persuna kkonċernata, għal ċertu perijodu wara r-ritorn tagħha, milli tidħol u tissoġġorna mill-ġdid fit-territorju tal-Istati Membri.

50      Għaldaqstant, għalkemm id-Direttiva 2008/15 tagħti lill-Istati Membri, bis-saħħa tal-Artikolu 6(6) tagħha, il-possibbiltà li jadottaw fl-istess ħin id-deċiżjoni ta’ ritorn u l-projbizzjoni fuq id-dħul, mill-istruttura ta’ din id-direttiva jirriżulta madankollu b’mod ċar li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma distinti, peress li l-ewwel waħda tnissel il-konsegwenzi tal-illegalità tas-soġġorn illegali, filwaqt li t-tieni waħda tirrigwarda soġġorn sussegwenti eventwali billi tirrendi tali soġġorn illegali.

51      Projbizzjoni fuq id-dħul eventwali tikkostitwixxi għalhekk mezz intiż sabiex tiżdied l-effikaċja tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-ritorn, billi tiggarantixxi li, għal ċertu perijodu wara t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li s-soġġorn tiegħu huwa illegali, tali ċittadin ma jkunx jistax jidħol mill-ġdid fit-territorju tal-Istati Membri.

52      Dan l-iskop tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115 u l-għan ġenerali li din tal-aħħar tipprova tilħaq, imfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, jiġi kompromess jekk ir-rifjut ta’ tali ċittadin li josserva l-obbligu ta’ ritorn u li jikkoopera fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija jippermettilu jevita, kompletament jew parzjalment, l-effetti legali ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, li jkun il-każ li kieku l-perijodu li matulu tapplika tali projbizzjoni fuq id-dħul seta’ jiddekorri u jiskadi matul din il-proċedura.

53      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni, mill-istruttura u mill-għan tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-perijodu ta’ projbizzjoni fuq id-dħul jibda jiddekorri biss b’effett mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tkun telqet effettivament mit-territorju tal-Istati Membri.

54      Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2008/115 tipprekludi, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għall-ksur ta’ deċiżjoni li tiddikjara l-persuna kkonċernata bħala persuna mhux mixtieqa, li l-effetti tagħha ssemmew fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jista’ jissanzjona kriminalment ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss jekk iż-żamma tal-effetti ta’ din il-projbizzjoni ma hijiex konformi mal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Filev u Osmani, C-297/12, EU:C:2013:569, punt 37, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2015, Celaj, C-290/14, EU:C:2015:640, punt 31).

55      Madankollu, sa fejn M. Ouhrami ma telaqx mill-Pajjiżi l-Baxxi wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjarah bħala persuna mhux mixtieqa u konsegwentement l-obbligu ta’ ritorn, previst fiha, qatt ma ġie eżegwit, il-persuna kkonċernata tinsab f’sitwazzjoni illegali li tirriżulta minn soġġorn illegali inizjali, u mhux minn soġġorn illegali sussegwenti li hija l-konsegwenza ta’ ksur ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissanzjona s-soġġorn illegali inizjali permezz ta’ sanzjonijiet kriminali, sa fejn din tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, filwaqt li jkun jissoġġorna illegalment fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u ma jkunx lest jitlaq minn dan it-territorju volontarjament, ma jkunx ġie suġġett għall-miżuri koerċittivi msemmija fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-imsemmija direttiva ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn stabbilita mill-istess direttiva u li jissoġġorna illegalment fl-imsemmi territorju mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 50, u tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punti 52 u 54).

57      Issa, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li, fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) iddeċidiet li, f’din il-kawża, il-proċedura ta’ ritorn setgħet titqies bħala magħluqa, b’tali mod li l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għall-fatti inkwistjoni ma kinitx tikser id-Direttiva 2008/115, u, min-naħa l-oħra, li din il-konstatazzjoni, li minnha jidher li jirriżulta li l-kundizzjonijiet applikati mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti huma ssodisfatti f’dan il-każ, ma kinitx ġiet ikkontestata fil-kuntest tal-appell ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, liema fatt għandu madankollu jiġi vverifikat minn din tal-aħħar.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul prevista f’din id-dispożizzjoni, li bħala prinċipju ma jeċċedix il-ħames snin, għandu jiġi kkalkolat b’effett mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tkun telqet effettivament mit-territorju tal-Istati Membri.

 Fuq it-tieni domanda

59      Kif il-qorti tar-rinviju osservat fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, it-tieni domanda qed issir biss fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul, prevista fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi kkalkolat mhux b’effett mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tkun telqet effettivament mit-territorju tal-Istati Membri, iżda b’effett minn data preċedenti, bħad-data tal-ħruġ ta’ din il-projbizzjoni. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa biss f’dan il-każ li din id-domanda tkun rilevanti għall-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

60      Għaldaqstant, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul prevista f’din id-dispożizzjoni, li bħala prinċipju ma jeċċedix il-ħames snin, għandu jiġi kkalkolat b’effett mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tkun telqet effettivament mit-territorju tal-Istati Membri.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.