Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja) fit-23 ta’ Ottubru 2019 – The North of England P & I Association Ltd., li tidher ukoll bħala aventi kawża ta’ Marine Shipping Mutual Insurance Company vs Bundeszentralamt für Steuern

(Kawża C-786/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: The North of England P & I Association Ltd., li tidher ukoll bħala aventi kawża ta’ Marine Shipping Mutual Insurance Company

Konvenut: Bundeszentralamt für Steuern

Domanda preliminari

It-tieni inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’ oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE 1 moqri flimkien mal-ewwel parti tas-sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25, jew mal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) 2 , għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li, għall-finijiet tal-ħarsien minn riskji fir-rigward tal-operat ta’ bastiment, l-Istat huwa dak li fit-territorju tiegħu bastiment jitniżżel fir-reġistru uffiċjali bil-għan tat-titolu ta’ proprjetà, jew huwa l-Istat li l-bandiera tiegħu tittajjar mill-bastiment?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 198.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346.