Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2018 minn SC mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fid-19 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-242/17: SC vs Eulex Kosovo

(Kawża C-730/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: SC (rappreżentanti: A. Kunst, Rechtsanwältin, L. Moro, avvocato)

Parti oħra fil-proċedura: Eulex Kosovo

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tilqa’ r-rikors minbarra fir-rigward tal-ħames motiv,

u konsegwentement:

tikkonstata li EULEX naqset milli twettaq l-obbligi kuntrattwali tagħha, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt u fl-applikazzjoni tal-OPLAN u tal-Kunċett ta’ Operazzjonijiet (CONOPS), tal-proċeduri operattivi standard (PON), jiġifieri tal-PON dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid u tal-PON dwar l-għażla tal-persunal, u l-prinċipji ta’ ekwità u ta’ bona fide, li jagħtiha dritt għal kumpens;

tikkonstata li Eulex naqset mill-obbligi mhux kuntrattwali tagħha fil-konfront tal-appellanti, billi kisret id-dritt tagħha għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa (Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), id-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba, kif ukoll il-prinċipju ta’ imparzjalità (Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), li jagħtiha dritt għal kumpens;

tannulla d-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016 u d-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tal-impjieg tal-appellanti;

tikkundanna lil Eulex tħallas lill-appellanti, bħala dannu materjali, ammont ekwivalenti għas-salarji mhux imħallsa, li jikkorrispondi għal 19-il xahar salarju gross, flimkien mal-allowances ta’ kuljum kif ukoll iż-żieda fis-salarju, u, barra minn hekk, bħala dannu morali, is-somma ta’ EUR 50 000 minħabba d-deċiżjonijiet u atti illegali ta’ Eulex;

sussidjarjament:

tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi dwar il-mertu;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet kompetenti biex tiddeċiedi l-kawża tagħha. Din wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-rikors bħala, parzjalment manifestament inammissibbli, u bħala parzjalment manifestament infondat fid-dritt.

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.

L-ewwel aggravju, li jallega ksur tal-Artikolu 272 TFUE peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat mill-ġdid it-tielet kap tat-talba (jiġifieri r-rikors tal-appellanti abbażi tal-Artikolu 272 TFUE biex id-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016 u d-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tal-impjieg jiġu ddikjarati illegali) f’rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE u ċaħdet lil dak ir-rikors bħala inammissibbli.

Il-Qorti Ġenerali ma kellha ebda kompetenza li tikklassifika r-rikors mill-ġdid, peress li dan kien kontra l-intenzjoni espresso tal-appellanti. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħditha mill-opportunità li tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid.

It-tieni aggravju, li jallega ksur tal-Artikolu 272 TFUE, tad-dritt għal rimedju effettiv tal-appellanti skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli taċċetta l-kompetenza abbażi tal-Artikolu 272 TFUE fir-rigward tat-tielet kap tat-talbiet u milli tikkunsidra l-mertu tal-kawża.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li r-rikors għal dikjarazzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 272 TFUE fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016 u d-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tal-impjieg huwa fir-realtà annullament skont l-Artikolu 263 TFUE; li dawk id-deċiżjonijiet ma humiex ibbażati fuq regoli li jiggvernaw ir-relazzjoni kuntrattwali iżda huma atti amministrattivi u ma jistgħux jiġu kkontestata taħt l-Artikolu 272 TFUE.

It-tielet aggravju, li jallega (i) ksur tal-PON dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid u l-għażla tal-persunal, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba inkluż il-prinċipju ta’ imparzjalità u (ii) nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tal-impjieg tal-appellanti kien iġġustifikat min-nuqqas tagħha li tgħaddi mill-kompetizzjoni interna tal-2016.

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza l-argumenti tal-appellanti invokati fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet motivi tar-rikors tagħha, jiġifieri, li din naqset milli tgħaddi mill-kompetizzjoni interna tal-2016 għaliex il-president tal-Bord tal-Għażla ma rrikużatx ruħha u ma tneħħietx minħabba kunflitt ta’ interessi u preġudizzju ċar min-naħa tagħha

Ir-raba’ aggravju, li jallega ksur tal-Artikoli 268 u 340(2) TFUE sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-rikors għad-danni minħabba responsabbiltà mhux kuntrattwali fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016 u d-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tal-impjieg kien inammissibbli. L-appellanti ppreżentat rikors għal dikjarazzjoni li huwa ammissibbli, u konsegwentement ir-rikors għad-danni relatat huwa ammissibbli.

Il-ħames aggravju, li jallega ksur (i) tal-Artikoli 268 u 340(2) TFUE, u tad-drittijiet tal-appellanti skont l-Artikoli 31 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (responsabbiltà mhux kuntrattwali) u (ii) tal-Artikoli 272 u 340(1) TFUE, u tar-rekwiżiti stabbiliti fis-sejħiet għal kontribuzzjonijiet tal-2014 (responsabbiltà kuntrattwali), peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-rikorsi għal kumpens ibbażati fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali u dik kuntrattwali fir-rigward tat-talbiet ripetuti li jitwettqu testijiet tas-sewqan li jagħtu fastidju lill-appellanti huma infondati fid-dritt.

It-talbiet ripetuti ta’ EULEX li jġiegħelu kemm-il darba lill-appellanti tirrepeti test tas-sewqan minkejja li kienet taf bid-diżabbiltà tagħha fir-rigward ta’ idejha l-leminija kienu illegali. Bħala konsegwenza, din sofriet dannu morali li jagħtiha dritt għal kumpens.

____________