Language of document : ECLI:EU:F:2009:58

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

11 ta’ Ġunju 2009

Kawża F-72/08

Michalis Ketselidis

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Risposta provviżorja – Żball skużabbli – Assenza – Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda – Ilment tardiv – Inammissibbiltà – Sentenza ta’ qorti Komunitarja – Fatt ġdid sostanzjali – Assenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat bis-saħħa tal-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih M. Ketselidis jitlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad it-talba tiegħu għall-kalkolu mill-ġdid tal-kontribuzzjonijiet tiegħu tal-pensjoni li jirriżultaw mit-trasferiment, lejn is-sistema Komunitarja, tal-ekwivalenti attwarjali tad-drittijiet tal-pensjoni li kiseb fil-Greċja.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. M. Ketselidis huwa kkundannat ibati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Termini – Eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva li saret definittiva

(Regolamenti tal-Persunal, Articoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Risposta provviżorja tal-amministrazzjoni għal talba ta’ uffiċjal – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Rikorsi – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Dekadenza – Żball skużabbli

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      L-eżistenza ta’ fatt ġdid u sostanzjali jista’ jiġġustifika l-preżentata ta’ talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors. Il-fatt inkwistjoni għandu jkun tali li jista’ jibdel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tal-persuna li tkun trid tikseb l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata għandha tippreżenta t-talba amministrattiva tagħha f’terminu ragjonevoli. L-interess li hija jkollha li jintalab l-adattament tas-sitwazzjoni amministrattiva tagħha għal regolamentazzjoni ġdida għandu, fil-fatt, jitwieżen mal-importanza taċ-ċertezza legali.

(ara l-punti 32 sa 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Settembru 1985, Valentini vs Il-Kummissjoni, 231/84, Ġabra p. 3027, punt 14 ; 13 ta’ Novembru 1986, Becker vs Il‑Kummissjoni, 232/85, Ġabra p. 3401, punt 10

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Marzu 1998, Koopman vs Il-Kummissjoni, T‑202/97, ĠabraSP p. I‑A‑163 u II‑511, punt 24 ; 7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, Ġabra p. II‑557, punt 51

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Jannar 2007, Genette vs Il‑Kummissjoni, F‑92/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 62

2.      Il-komunikazzjoni li tindika li talba ppreżentata bis-saħħa tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal qegħda tiġi eżaminata u li d-dipartimenti tal-istituzzjoni kkonċernata għadhom ma waslux għal konklużjoni definittiva ma tipproduċi l-ebda effett ġuridiku u ma għandhiex in-natura, b’mod partikolari, li tipproroga t-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-partijiet fil-kawża ma jistgħux jipprorogaw it-termini previsti fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li dawn huma ta’ ordni pubbliku u l-osservanza stretta tagħhom hija ta’ natura li tiżgura ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi.

(ara l-punt 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Ġunju 1965, Müller vs Il-Kunsill, 43/64, Ġabra p. 499; 17 ta’ Frar 1972, Richez-Parise vs Il-Kummissjoni, 40/71, Ġabra p. 73, punti  8 u 9

3.      In-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam tat-termini għall-ilmenti jista’ ma jwassalx għaċ-ċaħda ta’ rikors minħabba inammissibbiltà, fil-każijiet li dan in-nuqqas ta’ osservanza jkun dovut għal żball skużabbli min-naħa tal-uffiċjal. Il-kunċett ta’ żball skużabbli għandu madankollu jinvolvi ċirkustanzi eċċezzjonali biss, b’mod partikolari dawk li fihom l-istituzzjoni tkun adottat aġir tali, fil-konfront tiegħu jew b’mod suffiċjentement determinanti, li joħloq konfużjoni ammissibbli fil-moħħ ta’ parti bona fide fil-kawża, li tkun tista’ turi d-diliġenza kollha mitluba minn persuna normalment avżata.

F’sitwazzjoni li fiha l-amministrazzjoni tittrażmetti risposta provviżorja ftit qabel l-iskadenza tat-terminu tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk kellha tiġi ammessa n-natura skużabbli tal-iżball imwettaq mill-uffiċjal, jintilef kull effett tal-ġurisprudenza stabbilita, li tgħid li l-komunikazzjoni li tindika li talba qegħda tiġi eżaminata ma tipproduċi l-ebda effett ġuridiku u, b’mod partikolari, li ma hijiex ta’ natura li tipproroga t-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan imur kontra l-interpretazzjoni restrittiva li għandha tingħata lill-kunċett ta’ żball skużabbli.

(ara l-punti 55, 57 u 58)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Mejju 2003, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u BĊE, C‑193/01 P, Ġabra p. I‑4837, punt 22

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ April 2003, Robert vs Il-Parlament, T‑186/01, ĠabraSP p. I‑A‑131 u II‑631, punt 54; 2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑167, punt 40