Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-24 ta’ Settembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof - il-Ġermanja) – proċeduri kriminali kontra XC

(Kawża C-195/20 PPU) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Effetti tal-konsenja – Artikolu 27 – Prosekuzzjoni eventwali għal reati oħra – Regola ta’ speċjalità)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Parti fil-proċedura kriminali prinċipali

XC

fil-preżenza ta’: Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof

Dispożittiv

L-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ speċjalità stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda kontra persuna koperta mill-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew minħabba fatti differenti minn dawk li jkunu kkostitwixxew ir-raġuni għall-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat u preċedenti għal dawn il-fatti, meta din il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-ewwel mandat u tkun ġiet ikkonsenjata mill-ġdid hemmhekk b’eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ wara dan it-tluq għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jekk kemm-il darba, abbażi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tkun tat il-kunsens tagħha għall-finijiet tal-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti li jkunu wasslu għall-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà.

____________

1     ĠU C 230, 13.7.2020.