Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het Bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-23 ta’ Lulju 2018 – Exportslachterij J. Gosschalk en Zn. BV vs Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit

(Kawża C-477/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

College van Beroep voor het Bedrijfsleven

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Exportslachterij J. Gosschalk en Zn. BV

Konvenut: Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit

Domandi preliminari

Il-frażijiet “impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali” li tinsab fil-punt 1 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 882/2004”) u “impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali” * li tinsab fil-punt 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ispejjeż (tas-salarji) li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ispejjeż għall-kontrolli uffiċjali, jistgħu jkunu biss spejjeż (tas-salarji) ta’ veterinarji uffiċjali u persunal awżiljarju uffiċjali li jwettqu l-ispezzjonijiet uffiċjali, jew fis-sens li l-ispejjeż (tas-salarji) ta’ persunal ieħor impjegat man-Nederlandse Voedsel- en Warenautoriteit (NVWA) (l-Awtorità Olandiża għall-Ikel u għall-Prodotti) jew mal-kumpannija privata Kwaliteitskeuring Dierlijke Sector (KDS) (Spezzjoni tal-Kwalità fis-Settur tal-Annimali) jistgħu jiġu inklużi wkoll?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-ispejjeż (tas-salarji) ta’ persunal ieħor impjegat man-NVWA jew mal-KDS jistgħu jiġu inklużi wkoll fil-frażi “impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali” li tinsab fil-punt 1 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u “impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali” * li tinsab fil-punt 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004, f’liema ċirkustanzi u f’liema limiti jibqa’ jkun hemm bejn il-kontrolli uffiċjali u l-ispejjeż esposti għal dan il-persunal l-ieħor relazzjoni tali li r-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż (tas-salarji) ikun jista’ jiġi bbażat fuq l-Artikolu 27(4) u l-punti 1 u 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004?

a. Il-parti inizjali tal-Artikolu 27, is-subparagrafu (a) tal-Artikolu 27(4) u l-punti 1 u 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li din il-parti inizjali tal-Artikolu 27 u s-subparagrafu (a) tal-Artikolu 27(4) u dawn il-punti 1 u 2 ta’ dan l-Anness VI jipprekludu l-fatturazzjoni ta’ spejjeż lil biċċeriji għal kontrolli uffiċjali ta’ ħmistax-il minuta li dawn il-biċċeriji talbu mill-awtorità kompetenti iżda li ma ġewx maħduma effettivament?

b. Ir-risposta għad-domanda 3a tapplika wkoll meta l-awtorità kompetenti tirrikorri għal veterinarji uffiċjali provviżorji li ma jirċievu ebda salarju għal perijodi ta’ ħmistax-il minuta li l-biċċerija tkun talbet mill-awtorità kompetenti iżda li matulhom fil-verità ma twettaq ebda xogħol għall-finijiet ta’ kontrolli uffiċjali, u meta l-ammont iffatturat lill-biċċerija għan-numru ta’ perijodi ta’ ħmistax-il minuta mitluba imma mhux maħduma jkopri l-ispejjeż ġenerali tal-awtorità kompetenti?

Il-parti inizjali tal-Artikolu 27, is-subparagrafu (a) tal-Artikolu 27(4) u l-punti 1 u 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dan l-Artikolu 27(4) jipprekludi li tiġi ffatturata rata medja lill-biċċeriji għax-xogħol imwettaq għall-finijiet ta’ kontrolli uffiċjali minn veterinarji impjegati min-NVWA u minn veterinarji provviżorji (mħallsin inqas), b’mod li l-biċċeriji jiġu ffatturati rata ogħla minn dik imħallsa lill-veterinarji provviżorji?

L-Artikolu 26, il-parti inizjali tal-Artikolu 27, is-subparagrafu (a) tal-Artikolu 27(4) u l-punti 1 u 2 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 882/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kalkolu tal-ispejjeż għal kontrolli uffiċjali jista’ jieħu inkunsiderazzjoni spejjeż sabiex jiġi kkostitwit fond li jkopri spejjeż futuri ta’ kumpannija privata (KDS) li għaliha l-awtorità kompetenti tirrikorri sabiex ikollha uffiċjali awżiljarji, fond li, fil-każ ta’ kriżi, ikun jista’ jintuża għall-ħlas tas-salarji u ta’ spejjeż ta’ taħriġ tal-persunal li effettivament iwettaq il-kontrolli uffiċjali kif ukoll tal-persunal li jippermetti t-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-[ħames] domanda, x’inhu l-limitu ta’ dan il-fond u kemm huwa t-tul tal-perijodu li jista’ jiġi kopert minn dan il-fond?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200.

*    NB: Kuntrarjament għall-verżjoni fil-lingwa Maltija li ssemmi bl-istess mod fil-punti 1 u 2 lill-“impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali”, il-verżjoni fil-lingwa Olandiża tal-punt 2 iċċitat tinkludi fil-konfront tal-punt 1 (fit-twettiq): “impjegati nvoluti (fit-twettiq) tal-kontrolli uffiċjali”.

*    NB: Kuntrarjament għall-verżjoni fil-lingwa Maltija li ssemmi bl-istess mod fil-punti 1 u 2 l-“impjegati nvoluti fil-kontrolli uffiċjali”, il-verżjoni fil-lingwa Olandiża tal-punt 2 iċċitat tinkludi fil-konfront tal-punt 1 (fit-twettiq): “impjegati nvoluti (fit-twettiq) tal-kontrolli uffiċjali”.