Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-227/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Tricot, G. Gattinara, aġenti)

Konvenuta: Ir-Reppublika Taljana

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)    tikkonstata li, billi ma adottatx ir-regoli dwar is-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ ksur tal-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament Nru 511/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri ta’ konformità għall-utenti mill-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom fl-Unjoni 1 , billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji biex tiggarantixxi li tali regoli jiġu applikati u li s-sanzjonijiet previsti jkunu effikaċi, propoprzjonati u dissważivi, u billi ma kkomunikatx l-imsemmija regoli dwar is-sanzjonijiet lill-Kummissjoni sal-11 ta’ Ġunju 2015, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 511/2014;

2)    tikkundanna lil Ir-Reppublika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri li jinkludu s-sanzjonijiet għall-ksur tal-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament Nru 511/2014 għadhom ma ġewx adottati mir-Repubblika Taljana, u dan minkejja l-fatt li, minn naħa, dawn il-miżuri diġà kellhom jiġu stabbiliti fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri mill-11 ta’ Ġunju 2014 u, min-naħa l-oħra, li sussegwentement kellu jkun hemm il-predispożizzjoni mill-imsemmija Stati Membri li jadottaw “l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu applikati”, kif indikat fl-aħħar parti tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 511/2014.

Barra minn hekk, il-ksur tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jirrigwarda wkoll in-nuqqas ta’ komunikazzjoni min-naħa tar-Repubblika Taljana tal-miżuri relatati mas-sanzjonijiet. F’dan is-sens, skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 511/2014, ir-Repubblika Taljana kellha l-obbligu li tikkomunika lill-Kummissjoni r-regoli “msemmija fil-paragrafu 1” ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri r-“regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tal-Artikoli 4 u 7” sal-11 ta’ Ġunju 2015.

____________

1 ĠU 2014, L 150, p. 59.