Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fid-19 ta’ April 2019 – Nobina Finland Oy

(Kawża C-327/19)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nobina Finland Oy

Partijiet oħra fil-proċedura: Helsingin seudun liikenne-kuntayhtymä, Oy Pohjolan Kaupunkiliikenne Ab

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/17”) tipprekludi interpretazzjoni fis-sens li l-entità kontraenti tista’, f’sitwazzjoni fejn l-offerta tista’ ssir għal diversi lottijiet jew għal-lottijiet kollha, tillimita, permezz ta’ klawżola indikata fl-istedina sabiex jitressqu offerti, in-numru ta’ lottijiet li jistgħu jingħataw lil offerent wieħed (klawżola ta’ limitazzjoni)?

Skont il-klawżola ta’ limitazzjoni applikata fis-sejħa għal offerti għal servizzi ta’ trasport b’karozzi tal-linja inkwistjoni, f’sitwazzjoni fejn in-numru ta’ jiem ta’ karozzi tal-linja tal-lottijiet mogħtija lill-offerent jaqbeż in-numru massimu ffissat mill-klawżola, il-lott li fih id-differenza ta’ punti bejn l-offerta li ġiet fl-ewwel post u l-offerta li ġiet fit-tieni post, immultiplikata bin-numru ta’ karozzi tal-linja tal-lott, tkun l-iżgħar, għandu jingħata lill-offerent li jkun għamel l-offerta li ġiet fit-tieni post. L-applikazzjoni tal-klawżola ta’ limitazzjoni tista’ twassal sabiex l-offerent li jkun għamel l-aħjar offerta għal-lott inkwistjoni jikseb, permezz tas-sejħa għal offerti, l-operat ta’ numru ta’ jiem ta’ karozzi tal-linja li, b’mod totali, ikun inqas minn dak mogħti lill-offerent li jkun għamel l-offerta li ġiet fl-ewwel post.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-klawżola ta’ limitazzjoni hijiex permessa, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni r-riżultat konkret finali li għalih tista’ twassal l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ limitazzjoni fil-kuntest tas-sejħa għal offerti, jew dan għandu jiġi evalwat b’mod astratt, b’tali mod li l-użu ta’ klawżola ta’ limitazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija permessa jew le taħt id-Direttiva 2004/17?

Sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola ta’ limitazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex permessa, għandha tingħata importanza lill-punti esposti fis-sejħa għal offerta bħala motivazzjoni tal-klawżola, li jikkonċernaw iż-żamma ta’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fir-rigward tat-trasport b’karozzi tal-linja fir-reġjun tal-belt kapitali, kif ukoll it-tnaqqis tar-riskju għall-kwalità tal-ġestjoni tat-trasport, marbut ma’ bidla f’volum importanti ta’ servizzi ta’ trasport u mal-implimentazzjoni ta’ linji differenti?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19.