Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-559/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes, E. Manhaeve u E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi naqas milli jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jevita d-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art tar-reġjun ta’ Doñana, billi naqas milli jwettaq karatterizzazzjoni addizzjonali ta’ dawk li jirrappreżentaw riskju, mingħajr lanqas ma ddetermina l-miżuri neċessarji, u billi naqas milli jinkludi fil-programm ta’ miżuri tal-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara għad-Distrett tal-Baċin tax-Xmara tal-Guadalquivir miżuri bażiċi u supplimentari xierqa, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) u mal-punt 2.1.2 tal-Anness V; taħt l-Artikolu 5, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II; u taħt l-Artikolu 11(1), (3)(a), (ċ) u (e), u (4), tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma 1 ;

tiddikjara li, billi naqas milli jadotta l-miżuri adatti sabiex jevita d-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi li wasslu għan-nominazzjoni taż-żoni hawn ikkunsidrati (ŻPSGĦ/SIK ES0000024 Doñana, ŻPSGĦ/SIK ES6150009 Doñana Tramuntana u Punent u ŻPSGĦ ES6150012 Dehesa del Estero u Montes de Moguer), ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2), moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa 2 ;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) u mal-punt 2.1.2 tal-Anness V tal-istess direttiva

L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60/KE jobbliga lill-Istati Membri jevitaw id-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma ta’ taħt l-art. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 1(a) tal-istess direttiva, li jippreċiża l-għanijiet ambjentali li l-Istati Membri għandhom jilħqu fir-rigward tal-ilmijiet ta’ taħt l-art, u flimkien mal-punt 2.1.2 tal-Anness V tagħha, li jiddefinixxi l-istat tajjeb kwantitattiv tal-ilmijiet ta’ taħt l-art. Il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta’ Spanja ma adottax il-miżuri neċessarji sabiex jevita d-deterjorament li jirriżulta minn sfruttament żejjed tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art tar-reġjun ta’ Doñana. Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) u mal-punt 2.1.2 tal-Anness V tal-istess direttiva.

Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tal-istess direttiva

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita għad-distrett tal-baċin tax-xmara, filwaqt li jimponi f’kull każ analiżi tal-karatteristiċi tad-distrett, studju tar-riperkussjonijiet tal-attività umana fuq l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, u analiżi ekonomika tal-użu tal-ilma. Meta, wara li ssir l-analiżi inizjali tal-karatteristiċi, jiġi nnotat li korp ta’ ilma ta’ taħt l-art jippreżenta riskju, l-Istati Membri għandhom, skont il-punt 2.2 tal-Anness II tad-Direttiva, iwettqu karatterizzazzjoni addizzjonali. Il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta’ Spanja ma applikax korrettament l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/60/KE, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tal-istess direttiva, inkwantu ma wettaqx karatterizzazzjoni addizzjonali tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art tar-reġjun ta’ Doñana li jippreżentaw riskju, mingħajr lanqas ma ddetermina l-miżuri neċessarji. Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE, moqri flimkien mal-punt 2.2 tal-Anness II tal-istess direttiva.

Ksur tal-Artikolu 11(1), (3)(a), (ċ) u (e), u (4) tad-Direttiva 2000/60/KE

Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri “jrid[u] jiżgura[w] li jkun stabbilit għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, jew għall-parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara fi ħdan it-territorju [tagħhom], programm ta’ miżuri, b’konsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi meħtieġa taħt l-Artikolu 5, sabiex jinkisbu l-għanijiet imwaqqfa taħt l-Artikolu 4”. L-Artikolu 11(3)(a), (ċ) u (e) jistabbilixxi xi wħud mill-miżuri bażiċi li għandhom jiġu inklużi f’dan il-programm ta’ miżuri. L-Artikolu 11(4) jirreferi għall-miżuri supplimentari, li huma dawk intiżi u applikati b’mod addizzjonali għall-miżuri bażiċi. Il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta’ Spanja ma inkludiex fil-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara għad-Distrett tal-Baċin tax-Xmara tal-Guadalquivir il-miżuri bażiċi u supplimentari xierqa, u għalhekk ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11(1), (3)(a), (ċ) u (e), u (4) tad-Direttiva 2000/60/KE.

Ksur tal-Artikolu 6(2) moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43/KEE

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE jistabbilixxi, abbażi tal-prinċipju ta’ prevenzjoni, dmir ta’ protezzjoni ġenerali li jimponi li jiġi evitat, fl-habitat u fl-ispeċi li wasslu għan-nominazzjoni ta’ żona, kull deterjorament u kull tfixkil li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv kuntrarju għall-għanijiet tad-Direttiva. Skont l-Artikolu 7 tal-istess direttiva, dan id-dmir ta’ protezzjoni jestendi għaż-żoni kklassifikati bħala Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali għall-Għasafar (ŻPSGĦ) taħt id-Direttiva 79/409/KEE [tal-Kunsill tat-2 ta’ April 1979] dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi 3 . Il-Kummissjoni tqis li, billi ma adottax il-miżuri adatti sabiex jevita d-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat tal-ispeċi li wasslu għan-nominazzjoni taż-żoni ŻPSGĦ/SIK ES0000024 Doñana, ŻPSGĦ/SIK ES6150009 Doñana Tramuntana u Punent u ŻPSGĦ ES6150012 Dehesa del Estero u Montes de Moguer, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.

3 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98.