Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Ġermanja) fil-31 ta’ Marzu 2020 – RT, SV, BC vs Volkswagen Bank GmbH, Skoda Bank - Zweigniederlassung der Volkswagen Bank GmbH

(Kawża C-155/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Ravensburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: RT, SV, BC

Konvenuti: Volkswagen Bank GmbH, Skoda Bank - Zweigniederlassung der Volkswagen Bank GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu:

(a) għandu jindika, f’forma ta’ numru assolut, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew, minn tal-inqas, ir-rata tal-interessi ta’ referenza (f’dan il-każ, ir-rata tal-interessi bażika konformement mal-Artikolu 247 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”)) li minnha tirriżulta r-rata tal-interessi moratorji applikabbli b’mod addizzjonali (f’dan il-każ, ta’ 5 punti perċentwali konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

(b)    għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji jew, minn tal-inqas, għandu jirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom ikun jista’ jiġi dedott l-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji (Artikolu 247 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB)?

L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratt ta’ kreditu għandu, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika formola matematika konkreta li tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur, b’tali mod li dan ikun jista’ jikkalkola, minn tal-inqas b’mod approssimattiv, l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ xoljiment antiċipat?

L-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

(a) il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika wkoll id-drittijiet ta’ xoljiment tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu previsti mid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari wkoll id-dritt ta’ xoljiment għal raġuni gravi tal-persuna li ssellef konformement mal-Artikolu 314 tal-BGB fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għal żmien determinat?

(b) (fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv) ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi obbligatorju r-riferiment għal dritt speċjali ta’ xoljiment previst mid-dritt nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 10(2)(s) tad-Direttiva 2008/48/KE?

(c) il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, rispettivament, għad-drittijiet ta’ xoljiment kollha tal-partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu, it-terminu u l-forma tad-dikjarazzjoni ta’ xoljiment meħtieġa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ xoljiment?

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka d-dekadenza tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE

jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48/KE ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva ma jkunx beda jiddekorri?

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv) jekk id-dekadenza tkun prinċipalment ibbażata fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?

Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur, il-kreditur huwa eskluż milli jinvoka l-abbuż ta’ dritt fir-rigward tal-eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE

jekk ċerta informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48/KE ma tkunx debitament inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement, b’mod li t-terminu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva ma jkunx beda jiddekorri?

(fil-każ li r-risposta għad-domanda (a) preċedenti tkun fin-negattiv) jekk l-abbuż ta’ dritt ikun prinċipalment ibbażat fuq il-perijodu li jkun iddekorra mill-konklużjoni tal-kuntratt u/jew fuq l-eżekuzzjoni kompleta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet fil-kuntratt u/jew fuq id-dispożizzjoni tal-kreditur fir-rigward tal-ammont tas-self irrimborsat jew fuq ir-rimbors tal-garanziji ta’ kreditu u/jew (fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ assoċjat mal-kuntratt ta’ kreditu) fuq l-użu jew fuq il-bejgħ mill-konsumatur tal-beni ffinanzjat, iżda l-konsumatur ma kellux għarfien tal-eżistenza kontinwa tad-dritt ta’ rtirar tiegħu matul il-perijodu rilevanti u meta seħħew iċ-ċirkustanzi rilevanti u lanqas ma huwa responsabbli għan-nuqqas ta’ dan l-għarfien, u l-kreditur lanqas seta’ jassumi li l-konsumatur kellu tali għarfien?

____________

1     ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.