Language of document : ECLI:EU:F:2010:163

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

14 ta’ Diċembru 2010

Kawża F-25/07

Thomas Bleser

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Klassifikazzjoni fi grad skont regoli ġodda inqas favorevoli — Artikoli 2 u 13 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Prinċipju ta’ transparenza — Prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni — Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba l-età — Dmir ta’ premura — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività — Regola ta’ projbizzjoni ta’ reformatio in pejus — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Prinċipju ta’ bona fide — Prinċipju ta’ patere legem quam ipse fecisti”

Suġġett:      Rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu T. Bleser, kandidat li għadda minn kompetizzjoni ppublikata qabel l-1 ta’ Mejju 2004, jitlob, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni li ħatritu uffiċjal tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn din id-deċiżjoni kklassifikatu fi grad inferjuri minn dak imsemmi fl-avviż tal-kompetizzjoni, it-tieni nett, l-annullament tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikoli 2 u 13 tal-Anness XIII tiegħu, it-tielet nett, ir-rikostituzzjoni tal-karriera tiegħu u, ir-raba’ nett, il-kumpens għad-danni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Bidu tad-dekorrenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25, 26 u 90(2))

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 2(1))

4.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31; Anness XIII, Artikoli 2(1) u 13(1))

5.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 12(3) u 13(1))

6.      Uffiċjali — Prinċipji — Dmir ta’ premura li għandha l-amministrazzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 13(1))

7.      Uffiċjali — Rikorsi — Termini — Bidu tad-dekorrenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

8.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 13(1); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

9.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji ġenerali — Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ reformatio in pejus — Portata

1.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-ilment irid isir fi żmien tliet xhur, liema perijodu jibda “fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-persuna kkonċernata, iżda fl-ebda każ mhux aktar tard mid-data meta ta’ dan ta’ l-aħħar irċieva t-tali notifika”. Issa, ittra li tinforma lill-parti kkonċernata li l-awtorità kompetenti ser taħtarha uffiċjal bi prova sa minn ċerta data u li titlobha tindika jekk taċċettax din il-ħatra tammonta biss, anki jekk il-ħatra tagħha diġà ġiet avżata, għal offerta ta’ impjieg u ma jibdiex jiddekorri t-terminu għat-tressiq ta’ ilment.

Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li t-terminu għat-tressiq ta’ lment jista’ jibda jiddekorri sa mill-jum meta l-parti kkonċernata tkun irċeviet notifika dwar l-att li affettwata ħażin, dik id-dispożizzjoni, ta’ natura proċedurali u ddestinata li tkopri numru kbir ta’ sitwazzjonijiet, għandha tiġi interpretata fid-dawl tar-regoli fundamentali tar-Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw il-mod kif għandhom jiġu informati l-uffiċjali dwar l-elementi essenzjali tax-xogħol tagħhom, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-forma li għandha tieħu din l-informazzjoni.

Issa, mill-istruttura tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 25 u 26 tiegħu, jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni, bħal fil-każ tad-deċiżjoni tal-ħatra, għandhom ikunu debitament innotifikati lill-persuna kkonċernata u li l-amministrazzjoni ma tistax tillimita ruħha li tinforma lil din tal-aħħar permezz ta’ dokument li, bħal offerta ta’ impjieg, sempliċement tesprimi l-konsegwenzi ta’ dawn id-deċiżjonijiet, u lanqas tibqa’ lura milli tiżgura li din it-tip ta’ deċiżjoni effettivament tasal għand id-destinatarja tagħha.

Fil-fatt, li jiġi impost fuq l-uffiċjal ikkonċernat l-obbligu li jressaq ilment fi żmien tliet xhur minn meta jiċievi offerta ta’ xogħol, mingħajr ma jingħata l-possibbiltà li jistenna n-notifika tal-att tal-ħatra tiegħu, twassal sabiex tneħħi s-sustanza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25, u tat-tieni u tat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal għal dak li jirrigwarda l-ħatra u l-klassifikazzjoni fi grad li tammonta għall-bażi tal-karriera tal-parti kkonċernata, b’mod li l-għan ta’ dawn l-artikoli huwa preċiżament li jiġi permess lill-uffiċjali li effettivament isiru jafu bid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni amministrattiva tagħhom u li jinvokaw id-drittijiet tagħhom iggarantiti mir-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 30 sa 35)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il‑Kummissjoni, F‑101/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑55 u II‑A‑1‑199, punti 49, 52 u 56

2.      Ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel u r-rikors jimplika li t-talbiet mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom ikollhom l-istess għan u jkunu bbażati fuq l-istess kawża bħal dawk esposti fl-ilment.

Peress li l-persuna li tressaq l-ilment sempliċement tikkritika l-klassifikazzjoni tagħha fi grad u ma tikkontestax il-klassifikazzjoni tagħha fi skala, ma huwiex ammissibbli li jiġi kkontestat, quddiem l-imsemmi Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-klassifikazzjoni fi skala tagħha.

(ara l-punti 42 sa 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Settembru 1998, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑193/96, ĠabraSP p. I‑A‑495 u II‑1495, punt 47; 7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il‑Kummissjoni, T‑375/02, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑673, punt 97, It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Settembru 2008, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, F‑51/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑289 u II‑A‑1‑1533, punt 24; 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punti 110 u 119

3.      L-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu biss bħala għan li jikkonverti, fil-perijodu tranżitorju mil l-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2006, il-gradi attribwiti lil dawk li kienu diġà uffiċjali fit-30 ta’ April 2004 sabiex tiġi applikata fir-rigward tagħhom l-istruttura ġdida tal-karrieri li kellha tidħol totalment fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2006. Din id-dispożizzjoni konsegwentement ma tistax tingħata portata li tmur lil hinn mill-istabbiliment ta’ relazzjoni intermedja bejn il-klassifikazzjoni l-antika u l-ġdida tal-gradi tal-uffiċjali diġà rreklutati fl-1 ta’ Mejju 2004.

(ara l-punt 57)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, Ġabra p. II‑2523, punti 112 sa 115

4.      L-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom l-istess saħħa leġiżlattiva, b’mod li tal-ewwel ma tiħux preċedenza fuq tal-aħħar.

Bil-kontra, bħala dispożizzjoni tranżitorja ta’ natura speċjali, l-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jinkludi deroga għar-regola ta’ natura ġenerali prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għal kategorija partikolari ta’ uffiċjali.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonċerna biss dawk li diġà kellhom l-istatus ta’ uffiċjal fit-30 ta’ April 2004, filwaqt li l-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal japplika biss għall-uffiċjali rreklutati wara l-1 ta’ Mejju 2006. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet b’hekk għandhom kull wieħed kamp ta’ applikazzjoni personali differenti.

Isegwi li ma hemm l-ebda kontradizzjoni u, b’hekk, l-ebda inkoerenza bejn l-Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, u l-Artikolu 13(1) tal-istess anness, min-naħa l-oħra.

(ara l-punti 65 sa 68)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, Ġabra p. I‑10945, punt 101

5.      Il-leġiżlatur, meta adotta l-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li minnu tirriżulta differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali li għaddew mill-istess kompetizzjoni li ġew irreklutati, rispettivament, qabel u wara r-riforma, ma kisirx il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li t-trattament differenzjat jaffettwa uffiċjali li ma jiffurmawx parti minn kategorija waħda.

Peress li l-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu portata komparabbli għal dak tal-Artikolu 12(3) tal-istess anness, uffiċjal irreklutat wara l-1 ta’ Mejju 2006 ma jistax jinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza billi jsostni li ġie trattat b’mod differenti mill-persuni l-oħra li għaddew mill-istess kompetizzjoni tiegħu, li ġew irreklutati qabel id-dħul tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal.

Barra minn hekk, jekk ma tridx tiġi mxekkla kull evoluzzjoni leġiżlattiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax ixekkel il-libertà tal-leġiżlatur li jressaq fi kwalunkwe mument għar-Regolamenti tal-Persunal il-modifiki li huwa jikkunsidra konformi mal-interess tas-servizz, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirriżultaw inqas favorevoli għall-uffiċjali minn dawk l-antiki.

Barra minn hekk, il-leġiżlatur seta’, fil-kuntest tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, jipprovdi li dawk il-persuni li għaddew mill-kompetizzjoni li għaliha kien ġie previst reklutaġġ fil-grad A 7 jew A 6 previst qabel l-1 ta’ Mejju 2004 issa setgħu jiġu rreklutati fil-grad AD 6 u, min-naħa l-oħra, b’dan il-mod jitnaqqsu r-remunerazzjonijiet li kienu relatati ma’ dawn il-gradi.

Billi jagħmel dan, il-leġiżlatur ma kisirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba l-età, peress li tabella bil-gradi korrispondenti li tidher fl-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u s-salarji bażiċi ta’ kull xahar ma jiħdux inkunsiderazzjoni, direttament jew indirettament, l-età tal-persuna kkonċernata.

L-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jibbażax il-klassifikazzjoni tal-grad tal-uffiċjali fuq it-tip ta’ esperjenza professjonali miksuba minnhom, iżda fuq ir-rekwiżiti oġġettivi għall-pożizzjonijiet li jridu jintlew, hekk kif jirriżulta mill-istruttura ġdida tal-gradi. B’hekk, ma jistax jiġi allegat li l-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddiskrimina l-uffiċjali li kisbu parti mill-esperjenza professjonali tagħhom fis-settur privat.

(ara l-punti 83 sa 85, 95, 96, 99 u 100)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 79 u 83; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑121/97, Ġabra p. II‑3885, punti 98 u 104; 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑297 u II‑A‑2‑1527, punt 105; Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 86, 89 u 113; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 19 ta’ Ġunju 2007, Davis et vs Il-Kunsill, F‑54/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑165 u II‑A‑1‑911, punt 81

6.      Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma għandux forza vinkolanti superjuri għal dik ta’ regolament. L-istess japplika għad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-impjegati tagħha, dmir li jirrefletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-aġenti tas-servizz pubbliku u li, konsegwentement, għandu jkun limitat fl-osservanza tar-regoli fis-seħħ.

Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura b’hekk ma għandhomx ikunu l-bażi ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 119 u 120)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Marzu 1990, Chomel vs Il‑Kummissjoni, T‑123/89, Ġabra p. II‑131, punt 32; 22 ta’ Ġunju 1994, Rijnoudt u Hockey vs Il‑Kummissjoni, T‑97/92 u T‑111/92, ĠabraSP p. I‑A‑159 u II‑511, punt 104; Campoli vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 149; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, F‑43/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑139, punt 111

7.      Jekk id-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment ma jistax jiġi effettivament innotifikat minħabba l-lingwa li fiha hija redatta, huwa jista’ jitlob lill-istituzzjoni, bid-diliġenza kollha meħtieġa, tipprovdih bi traduzzjoni kemm fil-lingwa tal-ilment, kif ukoll fil-lingwa materna tiegħu. F’dan il-każ, l-użu ta’ lingwa oħra timplika li t-terminu tar-rikors jibda jiddekorri biss sa mid-data li fiha t-traduzzjoni tiġi nnotifikata lill-parti kkonċernata.

(ara l-punt 124)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 7 ta’ Frar 2001, Bonaiti Brighina vs Il‑Kummissjoni, T‑118/99, ĠabraSP p. I‑A‑25 u II‑97, punti 18 u 19; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 3 ta’ Marzu 2009, Patsarika vs Cedefop, F‑63/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑39 u II‑A‑1‑159, punt 31

8.      L-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta mir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri f’data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha, fis-27 ta’ April preċedenti. B’hekk ma jistgħux jitqiesu li huma retroattivi. Barra minn hekk, sa fejn dan jiddefinixxi l-kriterji ġodda ta’ klassifikazzjoni fi grad applikabbli fir-reklutaġġ tal-persuni li jgħaddu minn kompetizzjoni ppubblikata qabel l-1 ta’ Mejju 2004, inklużi f’listi ta’ kandidati xierqa preċedentement għall-1 ta’ Mejju 2006 u rreklutati wara din id-data, l-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa konformi mal-prinċipju li jgħid li, fil-każ ta’ emenda tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali u, singolarment, ta’ dispożizzjonijiet regolatorji, ir-regola l-ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi, li seħħew, mingħajr madankollu ma jkunu totalment stabbiliti, taħt ir-regola preċedenti.

Fil-fatt, dritt huwa jitqies biss li huwa kweżit meta l-fatt li wassal għalih seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Fir-rigward tal-klassifikazzjoni fi grad ta’ persuna li għaddiet minn kompetizzjoni ġenerali, għandu jitfakkar li din il-klassifikazzjoni ma tistax titqies li nkisbet sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-ħatra fil-forma debita.

(ara l-punti 126 sa 128)

Referenza: Il-Qorti tal Ġustizzja Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 sa 64; Il-Qorti tal-Prim’Istanza Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 53

9.      Anki jekk il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ reformatio in pejus jista’ jiġi invokat fi proċeduri mhux kriminali, din il-projbizzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi opposta la lil-leġiżlatur, meta dan ibiddel ir-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas lill-amministrazzjoni, meta hija tiffissa l-klassifikazzjoni fi grad tal-uffiċjali. Fil-fatt, din il-projbizzjoni hija marbuta mill-qrib mal-prinċipju li jimplika l-libertà tal-partijiet li jiddelimitaw il-każ tagħhom, filwaqt li l-klassifikazzjoni fi grad ma hijiex determinata fl-okkażjoni tal-eżerċizzju ta’ rimedju legali.

(ara l-punt 132)