Language of document : ECLI:EU:C:2020:767

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi strutturali – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Regolament (KE) Nru 1083/2006 – Artikolu 2(7) – Kunċett ta’ ‘irregolarità’ – Ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni naxxenti minn att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku – Preġudizzju kkawżat lill-baġit tal-Unjoni Ewropea – Falliment ta’ sieħeb kummerċjali uniku tal-benefiċjarju”

Fil-Kawża C‑743/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rēzeknes tiesa (il-Qorti ta’ Rēzekne, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura

LSEZ SIA “Elme Messer Metalurgs”

vs

Latvijas Investīciju un attīstības aģentūra,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský (Relatur), F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Diċembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal LSEZ SIA “Elme Messer Metalurgs”, minn L. Rasnačs, advokāts, u E. Petrocka-Petrovska, ġurista,

–        għal Latvijas Investīciju un attīstības aģentūra, minn A. Pavlovs kif ukoll minn A. Šļakota u I. Šate, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn V. Kalniņa u I. Kucina u sussegwentement, minn V. Kalniņa u V. Soņeca, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn J. Očková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u E. Kalniņš, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-23 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 539/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Ġunju 2010 (ĠU 2010, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1083/2006”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn LSEZ SIA “Elme Messer Metalurgs” (iktar ’il quddiem “Emm”) u l-Latvijas Investīciju un attīstības aģentūra (Aġenzija tal-Investiment u tal-Iżvilupp tal-Latvja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) dwar ix-xoljiment minn din tal-aħħar ta’ kuntratt, konkluż ma’ Emm, dwar l-għoti ta’ sussidju kkofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), ibbażat fuq irregolaritajiet serji mwettqa minn EMM.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95

3        Il-ħames premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), tipprovdi li “mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, għandhom jiġu pprovduti f’regoli settorjali skont dan ir-Regolament”.

4        Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament:

“‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

5        Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament:

“1.      Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

–        permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

[…]

2.      L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

[…]

4.      Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

6        Skont l-Artikolu 5(1) tal-istess regolament:

“L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi […]”

 Ir-Regolament Nru 1083/2006

7        Il-premessi 60, 65 u 66 tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprovdu:

“(60)      Skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u suġġett għall-eċċezzjonijiet previsti fir-[Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 1)], fir-[Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 106)], u fir-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9), għandu jkun hemm regoli nazzjonali dwar l-eliġibbiltà ta’ l-infiq.

[…]

(65)      Skond il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, l-Istati Membri għandhom ikollhom ir-responsabbiltà ewlenija għall-implementazzjoni u l-kontroll ta’ l-interventi.

(66)      L-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, iċ-ċertifikazzjoni ta’ l-infiq, u l-prevenzjoni, l-iskoperta u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet u ksur tal-liġi Komunitarja għandhom jiġu speċifikati sabiex tiġi ggarantita l-implementazzjoni effiċjenti u korretta tal-programmi operattivi. […]”

8        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw il-[FEŻR], il-Fond Soċjali Ewropew (FES) (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Fondi Strutturali”) u l-Fond ta’ Koeżjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 1080/2006, (KE) Nru 1081/2006 u (KE) Nru 1084/2006.

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-objettivi li għalihom għandhom jikkontribwixxu l-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Fondi”), il-kriterji sabiex l-Istati Membri u r-reġjuni jkunu eliġibbli taħt dawk il-Fondi, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli u l-kriterji għall-allokazzjoni tagħhom.

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kuntest għall-politika ta’ koeżjoni, inkluż il-metodu għat-twaqqif tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni, il-qafas ta’ referenza strateġika nazzjonali u l-proċess għall-eżami fil-livell Komunitarju.

Għal din il-fini, ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli dwar is-sħubija, il-programmazzjoni, il-valutazzjoni, l-amministrazzjoni, inklużi l-amministrazzjoni finanzjarja, il-monitoraġġ u l-kontroll abbażi tar-responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.”

9        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini li ġejjin għandhom ikollhom it-tifsiriet mogħtija lilhom hawnhekk:

1)      ‘programm operattiv’: dokument preżentat mill-Istat Membru u adottat mill-Kummissjoni li jistabbilixxi strateġija ta’ żvilupp b’sett koerenti ta’ prijoritajiet li għandha titwettaq bl-għajnuna ta’ Fond, jew, fil-każ ta’ l-objettiv ta’ Konverġenza, bl-għajnuna tal-Fond ta’ Koeżjoni u tal-FEŻR;

2)      ‘assi prijoritarju’: waħda mill-prijoritajiet ta’ l-istrateġija fi programm operattiv li tinkludi grupp ta’ operazzjonijiet li jkunu relatati u li jkollhom għanijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu;

3)      ‘operazzjoni’: proġett jew grupp ta’ proġetti magħżula mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv konċernat jew taħt ir-responsabbiltà tagħha skond kriterji stabbiliti mill-kumitat ta’ monitoraġġ u implementati minn benefiċjarju wieħed jew aktar sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet ta’ l-assi prijoritarju li miegħu dan il-proġett ikollu x’jaqsam;

4)      ‘benefiċjarju’: operatur, korp jew kumpannija, kemm jekk pubbliċi jew privati, responsabbli sabiex jinbdew jew jinbdew u jiġu implementati operazzjonijiet. […]

[…]

7)      ‘irregolarità’: kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li jirriżulta minn att jew omissjoni min-naħa ta’ operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux ġustifikata lill-baġit ġenerali.”

10      L-Artikolu 56(4) tal-istess regolament jipprovdi:

“Ir-regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ l-infiq għandhom ikunu stabbiliti fil-livell nazzjonali suġġett għall-eċċezzjoni prevista fir-Regolamenti speċifiċi għal kull Fond. Huma għandhom ikopru n-nefqa pubblika kollha ddikjarata taħt il-programm operattiv.”

11      Skont l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1083/2006:

“Is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll ta’ programmi operazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jipprovdu għal:

[…]

h)      proċeduri ta’ rappurtar u monitoraġġ għal irregolaritajiet u għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament.”

12      L-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implementazzjoni tal-programm operattiv skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u b’mod partikolari sabiex:

(a)      tiżgura li l-operazzjonijiet jiġu magħżula għall-finanzjament skond il-kriterji applikabbli għall-programm operattiv u li jikkonformaw mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli għall-perjodu sħiħ ta’ l-implementazzjoni tagħhom;

(b)      tivverifika li l-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati ġew konsenjati u li n-nefqa ddikjarata mill-benefiċjarji għall-operazzjonijiet tkunu saret tassew u tkun konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali; […]

[…]”

13      L-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

(a)      li jiżguraw li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-programmi operattivi huma stabbiliti skond l-Artikoli 58 sa 62 u jaħdmu b’mod effettiv;

(b)      li jipprevjenu, jindividwaw u jikkorreġu rregolaritajiet u jirkupraw ammonti li tħallsu indebitament flimkien ma’ l-imgħax fuq ħlasijiet li saru tard fejn ikun il-każ. Huma għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amminstrattivi u legali.

2.      Meta ammonti mħallsa indebitament lil benefiċjarju ma jistgħux jiġu rkuprati, l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jirrimborża l-ammonti mitlufa lill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea, meta jiġi stabbilit li t-telf iġġarrab minħabba tort jew negliġenza tiegħu.

[…]”

14      L-Artikolu 98(1) u (2) tal-istess regolament jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom l-ewwel jerfgħu r-responsabbiltà sabiex jinvestigaw irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq il-provi ta’ kull bidla maġġuri li tolqot in-natura ta’ jew il-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni jew il-kontroll ta’ operazzjonijiet jew programmi operattivi u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa.

2.      L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa rigward l-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Il-korrezzjonijiet li jsiru minn Stat Membru għandhom jikkonsistu f’kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha mill-programm operattiv. L-Istat Membru għandu jieħu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond.

[…]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1828/2006

15      Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat-8 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 u tar-Regolament Nru 1080/2006 (ĠU 2006, L 371, p. 1, u rettifika ĠU 2007, L 45, p. 3):

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 rigward li ġej:/

[…]

(d)      l-irregolaritajiet;

[…]”

16      L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ l-għażla u ta’ l-approvazzjoni ta’ l-operazzjonijiet taħt l-Artikolu 60(a) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura ruħha li l-benefiċjarji jkunu informati dwar il-kondizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-prodotti jew is-servizzi li għandhom jiġu fornuti taħt l-operazzjoni, il-pjan ta’ finanzjament, il-limitu ta’ żmien għall-eżekuzzjoni, u l-informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra li għandha tinżamm u tiġi kkomunikata.

Għandha tkun żgura li l-benefiċjarju jkollu l-kapaċità li jissodisfa dawn il-kondizzjonijiet qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ l-approvazzjoni.”

17      L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mit-Taqsima 4 ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Irregolaritajiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din it-taqsima, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘operatur ekonomiku’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew legali jew entità oħra li tieħu sehem fl-implimentazzjoni ta’ għajnuna mill-Fondi, ħlief għal Stat Membru li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika;

[…]

(c)      ‘frodi suspettat’ tfisser irregolarità li tagħti lok għall-bidu ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji fuq livell nazzjonali sabiex tiġi stabbilita l-preżenza ta’ mġiba intenzjonata, fi frodi partikolari, kif jissemma fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni mfassla a bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995 [ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49];

[…]”

18      Skont l-Artikolu 28(1) tal-istess regolament:

“Mingħajr preġudizzju għall-obbligi l-oħra taħt l-Artikolu 70 tar-Regolament [Nru 1083/2006], fi ħdan xahrejn wara t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ tliet xhur, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kwalunkwe irregolarità li kienet is-suġġett ta’ sejba amminstrattiva jew ġudizzjarja primarja.

F’dak ir-rapport, fil-każijiet kollha, l-Istati Membri għandhom jagħtu d-dettalji dwar dawn li ġejjin:

[…]

(b)      id-dispożizzjoni li nkisret;

[…]

(d)      il-prattiki użati biex titwettaq l-irregolarità;

(e)      fejn ikun xieraq, jekk il-prattika tagħtix lok gћal suspett ta’ frodi;

[…]”

 Id-dritt tal-Latvja

19      L-Artikolu 16.1 tal-Ministru kabineta noteikumi Nr. 200 “Noteikumi par darbības programmas “Uzņēmējdarbība un inovācijas” papildinājuma 2.1.2.4. aktivitātes “Augstas pievienotās vērtības investīcijas” projektu iesniegumu atlases pirmo kārtu” (digriet tal-Kunsill tal-Ministri Nru 200, dwar l-ewwel fażi ta’ selezzjoni tal-proposti ta’ proġetti li jikkonċernaw l-attività “Investimenti b’valur miżjud qawwi” tal-Anness 2.1.2.4 tal-programm operattiv “Spirtu ta’ Impriża u Innovazzjoni”), tal‑24 ta’ Frar 2009 (Latvijas Vēstnesis, 2009, Nru 41), jipprovdi li l-investimenti fit-tul huma eliġibbli “biss jekk jintużaw fil-post ta’ eżekuzzjoni tal-proġett indikat fil-proposta u fil-kuntest tal-attività ekonomika tal-benefiċjarju tal-finanzjament”.

20      Skont l-Artikolu 17.1 ta’ dan id-digriet huma eliġibbli b’mod partikolari “l-ispejjeż għax-xiri ta’ apparat (u installazzjonijiet) ġodda jikkontribwixxu direttament għall-proċess ta’ produzzjoni jew ta’ provvista ta’ servizzi fis-settur tal-eżekuzzjoni tal-proġett”.

21      Skont l-Artikolu 2.1 tal-Ministru kabineta noteikumi Nr. 740 “Kārtība, kādā ziņo par Eiropas Savienības struktūrfondu un Kohēzijas fonda ieviešanā konstatētajām neatbilstībām, pieņem lēmumu par piešķirtā finansējuma izlietojumu un atgūt neatbilstošos izdevumus” (digriet tal-Kunsill tal-Ministri Nru 740, li jistabbilixxi l-proċedura ta’ sinjalazzjoni ta’ irregolaritajiet innotati fl-implimentazzjoni tal-fondi strutturali u tal-fondi ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjonijiet marbuta mal-użu tal-finanzjament mogħti u l-proċedura ta’ rkupru ta’ ħlasijiet illegali), tal‑10 ta’ Awwissu 2010 (Latvijas Vēstnesis, 2010, Nru 128), jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens ta’ dan id-digriet, “kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tar-Repubblika tal-Latvja jew tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-[Regolament Nru 1083/2006]”.

22      L-Artikolu 1774 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“Id-dannu aċċidentali m’għandux jiġi kkumpensat. Għaldaqstant, jekk każ fortuwitu jipprevjeni persuna milli twettaq obbligu, din il-persuna għandha titqies li wettqet l-obbligu, sakemm hija ma tkunx aċċettat f’kuntratt ir-riskju ta’ każ fortuwitu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23      Fis‑7 ta’ April 2010, Emm ikkonkludiet mal-Aġenzija kuntratt li kien jipprevedi l-għoti lil Emm ta’ sussidju, ikkofinanzjat mill-FEŻR, għal proġett intiż li joħloq, fil-kuntest tal-kumpless tal-manifattura ta’ AS “Liepājas Metalurgs”, sit ta’ produzzjoni ta’ gassijiet industrijali użati, b’mod partikolari, fil-metallurġija (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”). Skont il-kuntratt, EMM kienet obbligata, b’mod partikolari, li tiżgura l-produzzjoni u l-provvista ta’ gassijiet industrijali lill-fabbrika operata minn Liepājas Metalurgs, li mingħajrhom din tal-aħħar ma setgħetx tiffunzjona.

24      L-implementazzjoni tal-proġett ammess għall-finanzjament (iktar ’il quddiem il-“proġett”) bdiet fl-istess jum u kellha tintemm fis‑6 ta’ Diċembru 2012.

25      Għal dan l-għan, EMM xtrat u nstallat l-unitajiet ta’ produzzjoni neċessarji, irreklutati u ħarrġet l-esperti, u l-faċilità tal-produzzjoni bdiet topera. B’hekk EMM investiet EUR 12 283 579.00 mill-fondi tagħha stess u EUR 2 212 511.14 li jikkorrispondu għall-kofinanzjament mill-FEŻR imħallas abbażi tal-kuntratt.

26      Fit-3 ta’ Jannar 2013, EMM issottomettiet rapport finali ta’ eżekuzzjoni dwar il-proġett lill-Aġenzija, li ssupplimentatu fis-7 ta’ Frar 2013, b’talba sabiex jiġi ttrasferit lilha skont il-kuntratt, il-bilanċ ta’ EUR 737 488.86 li kien dovut lilha bħala għajnuna mill-FEŻR.

27      Fid-dawl tal-problemi ta’ likwidità li ltaqgħet magħhom Liepājas Metalurgs mill-bidu tas-sena 2013 u tal-fatt li l-attività ta’ EMM kienet tiddependi direttament minn dik ta’ Liepājas Metalurgs, l-Aġenzija esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-possibbiltà li EMM tissodisfa l-impenji kuntrattwali tagħha li jikkonsistu fiż-żamma tal-produzzjoni f’livell minimu ta’ madwar 50.5 miljun metru kubi fis-sena ta’ gassijiet industrijali u li tiżgura żieda medja tad-dħul mill-bejgħ ta’ mill-inqas 20 % matul l-ewwel sentejn. L-Aġenzija għaldaqstant issospendiet il-pagament tal-għajnuna finanzjarja.

28      Fit‑12 ta’ Novembru 2013 inbdiet proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ Liepājas Metalurgs.

29      Permezz ta’ ittra ddatata t‑28 ta’ Lulju 2014 l-Aġenzija talbet li EMM tipprovdi dokumenti li jinkludu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proġett, u indikat li hija tista’ tittermina l-kuntratt.

30      Peress li l-attività ta’ Liepājas Metalurgs tkompliet minn AS “KVV Liepājas Metalurgs”, EMM setgħet tissokta l-attività tagħha stess, u hija informat lill-Aġenzija dwar dan.

31      Fil‑31 ta’ Marzu 2016, l-Aġenzija bagħtet ittra lil EMM li fiha, filwaqt li semmiet is-sitwazzjoni ta’ Liepājas Metalurgs, iddikjarat ix-xoljiment unilaterali tal-kuntratt, minħabba li, matul l-implementazzjoni tal-proġett, EMM kienet wettqet irregolaritajiet serji, b’mod partikolari billi ddevjat sostanzjalment mill-impenji li hija kienet ħadet minħabba l-fatt li ma żammitx l-attività regolari ta’ produzzjoni li kienet impenjat ruħha għaliha.

32      EMM ippreżentat rikors kontra l-Aġenzija quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Rēzeknes tiesa (il-Qorti ta’ Rēzekne, il-Latvja), intiż sabiex ix-xoljiment tal-kuntratt jiġi ddikjarat li ma jistax jiġi invokat kontriha. EMM issostni li, bid-dikjarazzjoni ta’ terminazzjoni unilaterali tal-kuntratt, l-Aġenzija kisret il-prinċipju ta’ bona fide, minħabba li EMM ma kisritx l-obbligi kuntrattwali tagħha u huwa paċifiku li hija użat l-għajnuna finanzjarja mogħtija lilha sabiex twettaq l-attivitajiet previsti fil-proġett.

33      L-Aġenzija ssostni li l-problemi finanzjarji ta’ Liepājas Metalurgs u l-interruzzjoni tal-attività tagħha ma għandhomx jitqiesu bħala każ fortuwitu fis-sens tal-Artikolu 1774 tal-Kodiċi Ċivili.

34      Fil-fehma tagħha, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 u tal-Artikolu 2.1 tad-Digriet tal-Kunsill tal-Ministri Nru 740 tal-10 ta’ Awwissu 2010, b’tali mod li hija kienet fondata li tipproċedi għall-irkupru tal-finanzjament diġà mogħti, konformement mal-proċeduri previsti minn dan id-digriet.

35      Għaldaqstant, l-Aġenzija ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, kontrotalba kontra EMM, intiża sabiex tikseb l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja kollha diġà mħallsa, jiġifieri, EUR 2 212 511.14, kif ukoll il-ħlas tal-interessi moratorji miżjuda matul il-perijodu ta’ bejn it‑18 ta’ April 2016 u l‑14 ta’ Frar 2017, li jammontaw għal EUR 670 390.53.

36      Minn naħa tagħha, EMM issostni li r-Regolament Nru 1083/2006, li skontu jikkostitwixxi irregolarità “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi [tal-Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku”, ma jistax jiġi applikat f’din il-kawża. Hija ssostni li s-sitwazzjoni li poġġietha fl-inkapaċità li tuża l-faċilità ta’ produzzjoni fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha ma seħħitx b’riżultat ta’ att jew ommissjoni attribwibbli lilha, iżda hija l-konsegwenza tal-interruzzjoni tal-attività ta’ Liepājas Metalurgs.

37      Il-qorti tar-rinviju tqis li jeżisti dubju dwar il-portata eżatta tal-kunċett ta’ “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi r-Rēzeknes tiesa (il-Qorti ta’ Rēzekne) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li fiha l-benefiċjarju tal-finanzjament ma jkunx fil-pożizzjoni li jilħaq il-livell ta’ volum ta’ dħul mill-bejgħ previst matul il-perijodu rilevanti, minħabba li matul dan il-perijodu seħħ il-waqfien tal-attività kummerċjali jew l-insolvenza tal-uniku soċju tiegħu, għandha tiġi kkunsidrata bħala att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku (benefiċjarju tal-finanzjament) li għandu, jew jista’ jkollu bħala konsegwenza li jiġi ppreġudikat il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

39      Mingħajr ma jeċċepixxu formalment l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li ċerti elementi tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, ma humiex preċiżi. B’mod partikolari, ma jirriżultax b’mod ċar biżżejjed mid-deċiżjoni tar-rinviju jekk EMM effettivament eżerċitatx l-attività prevista fil-kuntest tal-proġett, u lanqas liema kundizzjonijiet kellhom jiġu ssodisfatti sabiex dan ta’ l-aħħar jiġi kkunsidrat bħala mitmum.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, li hija issa riflessa wkoll fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u regolatorju tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn hekk tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Blue Air – Airline Management Solutions, C‑584/18, EU:C:2020:324, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Min-naħa l-oħra, minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ ċerti konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx neċessarjament għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, tqis li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Audace et, C‑114/15, EU:C:2016:813, punt 38).

43      Issa, f’dan il-każ, għalkemm ċertament kien utli li l-qorti tar-rinviju tidentifika b’mod iktar preċiż id-dispożizzjoni legali jew kuntrattwali eżatta li fiha l-obbligu msemmi fid-domanda tagħha u relatat mal-ksur minn EMM ta’ ċertu dħul mill-bejgħ matul perijodu rilevanti jsib is-sors tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li fir-rigward tan-natura u tal-portata tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba, dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni ma jipprekludix komprensjoni suffiċjenti tal-kuntest ta’ din id-domanda. Fil-fatt, mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod partikolari li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, tistax tiġi attribwita lil EMM. Issa, minkejja n-nuqqas ta’ preċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-imsemmija qorti tar-rinviju, dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv, jippermettu li tiġi evalwata l-portata ta’ din id-domanda u li din il-qorti tingħata risposta li tista’ tirriżulta utli għaliha, kif jikkonfermaw, barra minn hekk, l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern Latvjan u Estonjan kif ukoll mill-Kummissjoni.

44      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

45      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kkunsidrata bħala “irregolarità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sitwazzjoni li fiha l-benefiċjarju ta’ sussidju taħt il-FEŻR ma jilħaqx, għall-perijodu rilevanti, il-livell ta’ dħul mill-bejgħ previst fil-kuntest tal-proġett ammess għall-finanzjament minħabba l-insolvenza jew l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sieħeb kummerċjali uniku tiegħu.

46      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1083/2006 jistabbilixxi, b’mod partikolari, ir-regoli ta’ ġestjoni, ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll tal-operazzjonijiet sostnuti finanzjarjament mill-Fondi, abbażi ta’ responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamário u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 39).

47      Barra minn hekk, il-premessa 65 tar-Regolament Nru 1083/2006 tippreċiża li, skont il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, l-implementazzjoni u l-kontroll tal-għajnuna mill-Fondi previsti minn dan ir-regolament jaqgħu fl-ewwel lok taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri.

48      Meta jassumu tali kontroll, l-Istati Membri huma l-ewwel garanti tal-użu effikaċi u regolari tal-fondi tal-Unjoni u b’hekk jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tajba tal-baġit ġenerali tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, Baltlanta, C‑410/13, EU:C:2014:2134, punt 44).

49      Għal dan il-għan, skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jassumu r-responsabbiltà għall-ġestjoni kif ukoll għall-kontroll tal-programmi operattivi u għandhom jiskopru l-irregolaritajiet.

50      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “irregolarità”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 bħala kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni billi tiġi addebitata nefqa mhux iġġustifikata lill-baġit ġenerali.

51      L-eżistenza ta’ tali irregolarità tippreżumi, għaldaqstant, il-koeżistenza ta’ tliet elementi, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, fit-tieni lok, il-fatt li dan il-ksur joriġina minn att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, u, fit-tielet lok, l-eżistenza ta’ dannu, attwali jew potenzjali, ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni.

52      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, għandu qabelxejn jiġi speċifikat li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 huwa intiż mhux biss għall-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni bħala tali, iżda wkoll għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma applikabbli għall-operazzjonijiet sostnuti mill-Fondi Strutturali u jikkontribwixxu, b’dan il-mod, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni dwar il-ġestjoni tal-proġetti ffinanzjati minn dawn il-fondi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punti 37 u 43).

53      Minn naħa, fil-fatt, l-Artikolu 56(4) tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprovdi li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fir-regolamenti speċifiċi għal kull Fond, ir-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 60(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-awtorità ta’ ġestjoni kompetenti għandha tiżgura li l-operazzjonijiet magħżula għal finanzjament ikunu konformi, matul il-perijodu kollu tal-eżekuzzjoni tagħhom, kemm mar-regoli tal-Unjoni kif ukoll mar-regoli nazzjonali applikabbli (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2017, Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere, C‑408/16, EU:C:2017:940, punt 55).

54      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li s-sistema ta’ sussidji żviluppata permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija bbażata b’mod partikolari fuq it-twettiq mill-benefiċjarju ta’ serje ta’ obbligi li jagħtuh dritt għall-ġbir tal-għajnuna finanzjarja prevista. Għalhekk, fil-kuntest tal-proċeduri previsti mis-sistemi nazzjonali ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jiżguraw li l-benefiċjarju kkonċernat jintrabat li jwettaq dawn l-obbligi. Għal dan il-għan, huwa permissibbli li dawn l-awtoritajiet jitolbu li tali impenn jittieħed minn dan il-benefiċċjarju għall-implementazzjoni tal-proġett tiegħu, qabel ma dan tal-aħħar jiġi integrat fl-għajnuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Baltlanta, C‑410/13, EU:C:2014:2134, punti 56 sa 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, mill-Artikolu 60(b) tar-Regolament Nru 1083/2006 jirriżulta li l-awtorità ta’ ġestjoni tivverifika l-provvista tal-prodotti u tas-servizzi kofinanzjati.

55      Fil-kawża prinċipali, kif imsemmi mill-kliem stess tad-domanda preliminari, il-benefiċjarju tas-sussidju taħt il-FEŻR ma laħaqx, għall-perijodu ta’ riferiment, il-livell ta’ dħul mill-bejgħ madankollu previst fil-kuntest tal-proġett ammess għall-kofinanzjament.

56      Għalhekk jidher li, kuntrarjament għal dak li jippreżupponi l-Artikolu 60(b) tar-Regolament Nru 1083/2006, il-prodotti jew is-servizzi kofinanzjati ma ġewx kompletament ipprovduti u li, konsegwentement, il-benefiċjarju ma wettaqx l-obbligu li jagħtih id-dritt li jirċievi l-għajnuna finanzjarja prevista skont id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali applikabbli.

57      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-fatt li tali ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali applikabbli għandu joriġina minn “att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku”, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 ma tispeċifikax jekk jikkostitwixxix tali att jew tali ommissjoni, u b’mod definittiv, jikkostitwixxix “irregolarità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-element suġġettiv li jirrigwarda l-intenzjoni jew in-negliġenza imputabbli lill-operatur ekonomiku kkonċernat.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhiex tiġi kkunsidrata biss il-formulazzjoni tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tkun tifforma parti minnha (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Grand hamster), C‑477/19, EU:C:2020:517, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fir-rigward tal-kuntest li jinsab fih l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, jeħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tixbah ħafna lil dik tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95. F’dan il-kuntest, peress li qieset li dawn iż-żewġ regolamenti jiffurmaw parti mill-istess dispożittiv, intiż li jiggarantixxi l-ġestjoni tajba tal-fondi tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji ta’ din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, jitlob interpretazzjoni uniformi (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 34).

60      Issa, l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 2988/95 jagħmlu distinzjoni bejn, minn naħa, il-kunċett ġenerali ta’ “irregolarità” u, min-naħa l-oħra, dak ta’ “irregolarità intenzjonata jew ikkawżata minn negliġenza”, jiġifieri irregolarità kkaratterizzata, li tista’ twassal għal penali amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Bl-istess mod, l-Artikolu 28(1)(e) tar-Regolament Nru 1828/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 27(ċ) ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1083/2006 u konsegwentement jikkostitwixxi ħaġa waħda miegħu, jinsisti fuq in-natura “intenzjonali” tal-aġir li wassal għall-irregolarità li kienet tikkonsisti f’suspett ta’ frodi, fejn dan il-kunċett jikkostitwixxi għalhekk eżempju ieħor ta’ irregolarità kkaratterizzata, bħal dak imsemmi fil-punt preċedenti.

62      Fid-dawl, minn naħa, tal-imsemmija distinzjoni magħmula fuq livell leġiżlattiv u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “irregolarità”, li tinsab fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, ma tinkludi ebda speċifikazzjoni dwar in-natura intenzjonali jew negliġenti tal-aġir tal-benefiċjarju kkonċernat, tali natura ma tistax titqies li hija element indispensabbli sabiex irregolarità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tkun tista’ tiġi kkonstatata.

63      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 1083/2006, imsemmi fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti fil-garanzija tal-użu regolari u effikaċi tal-Fondi sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fil-fatt, fid-dawl ta’ tali għan, il-kunċett ta’ “irregolarità” msemmi fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’.

64      F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat, diversi drabi, li l-obbligu tal-ħlas lura ta’ vantaġġ irċevut indebitament permezz ta’ irregolarità ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda huwa sempliċiment konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ksib tal-vantaġġ naxxenti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma ġewx osservati, fatt li jirrendi indebitu l-vantaġġ rċevut (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, anki jekk operatur ekonomiku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun kiser l-obbligu li jagħtih id-dritt għall-kontribuzzjoni mill-Fondi minħabba l-insolvenza jew l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sieħeb kummerċjali uniku tiegħu, dan il-fatt ma jipprekludix, fih innifsu, li tali ksur ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, sa fejn il-prova ta’ kwalunkwe intenzjoni jew negliġenza min-naħa tal-benefiċjarju ma hijiex neċessarja għall-finijiet ta’ din l-irregolarità.

66      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ preġudizzju kkawżat lill-baġit tal-Unjoni Ewropea minħabba tali ommissjoni, jirriżulta mill-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, li ksur tad-dritt tal-Unjoni, jew tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-operazzjonijiet assistiti mill-Fond, jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk dan ikun jippreġudika jew ikollu bħala effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea billi tiġi ddebitata nefqa indebita lil dan il-baġit.

67      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma hijiex meħtieġa l-prova tal-eżistenza ta’ effett finanzjarju preċiż. Fil-fatt huwa suffiċjenti li ma tkunx eskluża l-possibbiltà ta’ effett fuq il-baġit tal-fond ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2017, Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere, C‑408/16, EU:C:2017:940, punti 60 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan il-każ, il-fatt li l-benefiċjarju naqas milli jipprovdi l-volum minimu ta’ attività impost fuqu u li għaliha tirreferi d-domanda preliminari timplika li l-kofinanzjament mogħti mill-Unjoni bħala korrispettiv għall-provvista ta’ tali volum minimu neċessarjament tħallas, tal-inqas parzjalment, b’mod indebitu. Għaldaqstant, tali ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali applikabbli, li joriġina minn ommissjoni imputabbli lill-benefiċjarju, jista’ jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni.

69      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 tista’ tiġi attribwita lil EMM. Issa, fl-ipoteżi fejn tiġi kkonstatata irregolarità, din twassal, bħala regola ġenerali, għall-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

70      Fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, jidher li ġiet invokata l-eżistenza ta’ każ fortuwitu li r-rikonoxximent tiegħu, skont id-dritt nazzjonali, jista’ jkollu l-konsegwenza li jostakola l-ħlas lura tas-somom imħallsa indebitament lill-benefiċjarju taħt il-FEŻR.

71      Mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, skont l-Artikolu 70(1)(b) tar-Regolament Nru 1083/2006, huma l-Istati Membri li għandhom jirkupraw is-somom imħallsa indebitament, jekk ikun il-każ flimkien mal-interessi moratorji, u li, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru kkonċernat huwa responsabbli għar-rimbors, għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, tal-ammonti mħallsa indebitament lil benefiċjarju, fl-ipoteżi fejn dawn ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati, meta jkun stabbilit li din l-impossibbiltà hija l-konsegwenza ta’ nuqqas jew ta’ negliġenza ta’ dan l-Istat Membru.

72      Barra minn hekk, meta irregolarità taffettwa b’mod sinjifikattiv in-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ operazzjoni, l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, li jwettqu korrezzjoni finanzjarja. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tagħha, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, din tikkonsisti fl-annullament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha fil-programm operattiv u, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ din il-korrezzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-irregolarità, kif ukoll it-telf finanzjarju li jirriżulta minnha għall-Fond ikkonċernat.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi kkunsidrata bħala “irregolarità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sitwazzjoni li fiha l-benefiċjarju ta’ sussidju taħt il-FEŻR jonqos milli jilħaq, għall-perijodu rilevanti, il-livell ta’ dħul mill-bejgħ previst fil-kuntest tal-operazzjoni aċċettata għall-finanzjament minħabba l-insolvenza jew l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sieħeb kummerċjali tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 539/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Ġunju 2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi kkunsidrata bħala “irregolarità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sitwazzjoni li fiha l-benefiċjarju ta’ sussidju taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jonqos milli jilħaq, għall-perijodu rilevanti, il-livell ta’ dħul mill-bejgħ previst fil-kuntest tal-operazzjoni aċċettata għall-finanzjament minħabba l-insolvenza jew l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sieħeb kummerċjali tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: il-Latvjan.