Language of document : ECLI:EU:C:2016:703

Kawża C‑592/14

European Federation for Cosmetic Ingredients

vs

Secretary of State for Business, Innovation and Skills

u

Attorney General

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti kożmetiċi – Regolament (KE) Nru 1223/2009 – Artikolu 18(1)(b) – Prodotti kożmetiċi li jkun fihom ingredjenti jew għaqdiet ta’ ingredjenti li, ‘sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ dan ir-Regolament’ kienu s-suġġett ta’ testijiet fuq l-annimali – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-Unjoni Ewropea – Portata”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Settembru 2016

1.        Proċedura ġudizzjarja – Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali – Talba intiża sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar il-punti ta’ liġi mqajma mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Rekwiżiti għall-ftuħ mill-ġdid

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

2.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti kożmetiċi – Regolament Nru 1223/2009 – Projbizzjoni ta’ tqeid fis-suq ta’ prodotti li jinkludu ingredjenti li kienu s-suġġett ta’ ttestjar fuq l-annimali – Portata – Twettiq tal-ittestjar fuq l-annimali f’pajjiżi terzi sabiex prodotti jiġu kkummerċjalizzati hemmhekk – Inklużjoni – Kundizzjoni – Użu tad-data li tirriżulta mill-imsemmi ttestjar fil-kuntest ta’ applikazzjoni intiża sabiex tiġi pprovata s-sigurtà tal-prodotti kkonċernati għall-finijiet tat-tqegħid tagħhom fis-suq tal-Unjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1223/2009, Artikolu 18(1)(b))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 22-24)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 31)

3.        L-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 1223/2009, dwar il-prodotti kożmetiċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni Ewropea ta’ prodotti kożmetiċi li ċerti ingredjenti tagħhom kienu s-suġġett ta’ ttestjar fuq l-annimali barra mill-Unjoni Ewropea, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti kożmetiċi f’pajjiżi terzi, jekk id-data li tirriżulta minn dan l-ittestjar tintuża sabiex tiġi pprovata s-sigurtà tal-imsemmija prodotti għall-finijiet tat-tqegħid tagħhom fis-suq tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, il-fatt li, fir-rapport dwar is-sigurtà ta’ prodott kożmetiku, jiġu indikati r-riżultati ta’ ttestjar fuq l-annimali fir-rigward ta’ ingredjent għal użu kożmetiku sabiex tintwera s-sigurtà ta’ dan l-ingredjent għas-saħħa tal-bniedem, għandu jitqies bħala suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li dan l-ittestjar sar biex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tar-Regolament Nru 1223/2009 sabiex jinkiseb l-aċċess għas-suq tal-Unjoni. Ma huwiex rilevanti l-fatt li l-ittestjar fuq l-annimali kien meħtieġ għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti kożmetiċi f’pajjiżi terzi. Fil-fatt, l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 1223/2009 ma jistabbilixxi ebda distinzjoni skont il-post fejn twettaq l-ittestjar fuq l-annimali inkwistjoni. L-introduzzjoni, permezz tal-interpretazzjoni, ta’ tali distinzjoni tkun tmur kontra l-għan marbut mal-protezzjoni tal-annimali mfittex b’mod ġenerali mir-Regolament Nru 1223/2009 u b’mod partikolari mill-Artikolu 18 tiegħu.

(ara l-punti 39-41, 45 u d-dispożittiv)