Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2007 - Strack vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-119/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Guido Strack (Kolonja, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Tettenborn, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

jannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2005, tad-19 ta' Diċembru 2006, tat-12 ta' Jannar 2007 u ta' l-20 ta' Lulju 2007 safejn huma jirrifjutaw l-implementazzjoni ta' proċedura ta' medjazzjoni indipendenti fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha bejn ir-rikorrent u l-konvenuta kif ukoll intervent minnufih tal-konvenuta u l-adozzjoni ta' miżuri ta' riżoluzzjoni ta' kunflitti;

jannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2007 u ta' l-20 ta' Lulju 2007 safejn huma jirrifjutaw il-ħlas ta' kumpens provviżorju b'mod konformi ma' l-Artikolu 19(4) tar-Regolament Komuni dwar l-Assigurazzjoni ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-riskji ta' inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas lir-rikorrent tad-danni u l-interessi f'ammont xieraq li mhuwiex, f'kull każ, inqas minn EUR 15 000 għal ħsara morali u ħsara lis-saħħa kkawżata mid-deċiżjonijiet imsemmijin fit-talbiet preċedenti; tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tħallas l-interessi ta' ħlas tardiv b'rata annwali li taqbeż b'żewġ punti r-rata ta' interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta' ffinanzjar mill-ġdid u dan, minn meta jitressaq ir-rikors u

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jibbaża l-ewwel u t-tieni kap tat-talba tiegħu fuq il-ksur tad-dmir ta' diliġenza impost fuq il-konvenuta fil-konfront tar-rikorrent, il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u fuq il-projbizzjoni ta' abbuż ta' poter u fuq il-fatt li d-deċiżjonijet tal-Kummissjoni huma vvizzjati bi żbalji ta' evalwazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni, fir-rigward ta' l-ewwel żewġ kapi tat-talba, li d-deċiżjonijiet imorru kontra t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 25(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Persunal") u li huma jiksru d-drittijiet fundamentali għall-integrità fiżika u għar-rispett tal-ħajja privata tar-rikorrent li huma stabbiliti permezz ta' l-Artikoli 3(1) u 7 (u, fir-rigward tat-tieni kap tat-talba, l-Artikoli 41 u 47) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll permezz ta' l-Artikolu 8 (u, fir-rigward tat-tieni kap tat-talba, l-Artikolu 13) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

Barra minn hekk, ir-rikorrent jgħid, in sostenn tat-tieni kap tat-talba, li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet proċedurali li jinsabu fir-Regolament Komuni dwar l-Assigurazzjoni ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-riskji ta' inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol, b'mod partikolari l-Artikoli 15 et seq ta' dan ta' l-aħħar.

Permezz tat-tielet kap tar-rikors, ir-rikorrent isostni li minħabba nuqqas fis-servizz li, fil-fehma tiegħu, ġie mwettaq mill-konvenuta, huwa intitolat għad-danni u l-interessi bħala kumpens għall-ħsara morali li huwa sostna taħt dan il-kap, bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 tat-Trattat KE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt.

Fir-raba' kap tat-talba tiegħu, ir-rikorrent jitlob li l-konvenuta tiġi kkundannata għall-ispejjeż minħabba li hija tat lok għal dan ir-rikors permezz ta' l-affermazzjonijiet allegatament mhux minnhom li hija fformulat fid-deċiżjoni ta' rifjut ta' l-ilment fir-rigward ta' l-allegat opinjoni tal-kumitat medikali.

____________