Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Hamburg (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Diċembru 2019 – GDVI Verbraucherhilfe GmbH vs Swiss International Air Lines AG

(Kawża C-918/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: GDVI Verbraucherhilfe GmbH

Konvenuta: Swiss International Air Lines AG

Domandi preliminari

Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Komunità Ewropea dwar it-Trasport bl-Ajru tal-21 ta’ Ġunju 1999 1 , kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 2/2010 tal-Kumitat tat-trasport bl-ajru bejn il-Komunità/l-Isvizzera tas-26 ta’ Novembru 2010 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 3 , huwa wkoll applikabbli, skont l-Artikolu 3(1)(b) tiegħu, għal passiġġieri li jivvjaġġaw fuq titjira minn pajjiż terz b’inżul f’ajruport fl-Isvizzera sabiex jimbarkaw fuq titjira lejn Stat Membru?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: l-applikabbiltà għal qrati ta’ Stat Membru tkopri wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li passiġġieri ta’ titjiriet tardivi jistgħu jitqiesu bħala passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C-402/07 u C-432/07 4 )?

Id-dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 japplika wkoll fil-każ ta’ passiġġier li jitlef titjira ta’ korrispondenza minħabba dewmien tal-wasla relattivament żgħir u jasal fid-destinazzjoni finali b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar, fejn iż-żewġ titjiriet ikunu ġew operati minn trasportaturi tal-ajru differenti u r-reżervazzjoni tkun ġiet ikkonfermata minn operatur tal-vjaġġi li jkun ikkombina t-titjiriet għall-klijenti tiegħu?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 94.

2     ĠU 2010, L 347, p. 54.

3     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.

4     EU:C:2009:716.