Language of document : ECLI:EU:F:2014:6

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

14 ta’ Jannar 2014

Kawża F‑60/13

Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reġistrazzjoni tal-assenzi minħabba mard – Assenza irregolari – Tnaqqis magħmul mill-Awtorità tal-Ħatra mil-leave annwali – Tressiq ta’ talba permezz tal-posta elettronika – Għarfien mill-persuna kkonċernata bl-eżistenza ta’ deċiżjoni – Ommissjoni li wieħed jiftaħ il-posta elettronika u li jinvestiga, billi jagħfas fuq il-hyperlink, il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni – Ammissibbiltà – Termini – Determinazzjoni tad-data li minnha l-persuna kkonċernata setgħet issir taf bil-kontenut tad-deċiżjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Lebedef jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni, allegatament impliċita, ta’ ċaħda tat-talba tiegħu, imressqa fit‑13 ta’ April 2012, intiża sabiex il-Kummissjoni Ewropea tikkoreġi r-reġistrazzjonijiet ta’ xi wħud mill-assenzi tiegħu fil-programm elettroniku ta’ ġestjoni, intern għal din l-istituzzjoni, tal-leave tal-persunal tiegħu (iktar ’il quddiem “SysPer 2”), kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni espliċita tal‑24 ta’ Lulju 2012 dwar l-istess talba (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2012”), inkwantu hija tirtira ħamest ijiem mid-drittijiet għal leave annwali tar-rikorrent.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. G. Lebedef għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Notifika – Kunċett – Posta elettronika li tħabbar l-eżistenza u d-disponibbiltà ta’ deċiżjoni – Inklużjoni – Data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Data possibbli li fiha l-kontenut tad-deċiżjoni sar magħruf mill-uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ talba mhux ikkontestata fit-termini stabbiliti – Komunikazzjoni ulterjuri li tagħmel riferiment għad-deċiżjoni preċedenti – Bidu mill-ġdid tat-termini – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Sabiex deċiżjoni tiġi nnotifikata debitament fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma huwiex biss meħtieġ li din tiġi kkomunikata lid-destinatarju tagħha iżda wkoll li dan jitqiegħed f’pożizzjoni li jkollu għarfien effettiv tal-kontenut tagħha.

B’mod partikolari, f’sitwazzjoni fejn il-parti kkonċernata tinsab f’impjieg attiv fis-sens tal-Artikolu 35(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkunsidrat li, bħala prinċipju, meta l-amministrazzjoni taċċetta t-tressiq ta’ talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mezz elettroniku, f’dan il-każ mill-indirizz elettroniku professjonali mqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha mill-amministrazzjoni, huwa leġittimu, fid-dawl tal-għażla ta’ dan il-metodu ta’ komunikazzjoni magħmula mill-parti kkonċernata nnifisha, li din l-amministrazzjoni tista’, skont il-prinċipju tal-parallelliżmu tal-forom, tinnotifika r-risposta tagħha lill-parti kkonċernata wkoll permezz ta’ posta elettronika mibgħuta mill-indirizz elettroniku tal-Awtorità tal-Ħatra, destinatarja tat-talba tal-parti kkonċernata, lill-indirizz elettroniku professjonali tal-uffiċjal.

Istituzzjoni ma tistax tippreżumi li komunikazzjoni interna b’mezz elettroniku, f’dan il-każ posta elettronika li tħabbar l-eżistenza u d-disponibbiltà “on‑line” ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tasal għand id-destinatarju tagħha fil-mument li jkun fiżikament preżenti fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Min-naħa l-oħra, tali preżunzjoni tista’ tiġi aċċettata meta l-istituzzjoni kkonċernata ma tibbażax ruħha fuq sempliċi ħjiel, iżda fuq elementi, inklużi dawk ipprovduti mill-parti kkonċernata, li jindikaw li, bħala destinatarja, hija rċeviet posta elettronika fl-indirizz elettroniku professjonali tagħha u li, milli jidher, hija setgħet tiftaħha u b’hekk tiġi debitament mgħarrfa, permezz ta’ hyperlink, dwar id-deċiżjoni li l-eżistenza tagħha kienet għalhekk ikkomunikata permezz ta’ posta elettronika.

Il-fatt li l-amministrazzjoni ma talbitx lill-parti kkonċernata tikkonferma l-qari tal-posta elettronika huwa mingħajr effett fuq id-data li fiha jista’ jiġi kkunsidrat li l-parti kkonċernata kellha l-possibbiltà li ssir taf b’mod effettiv bid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, peress li l-parti kkonċernata wettqet selezzjoni fil-qari tal-messaġġi elettroniċi tagħha skont dawk li hija kienet tqis li kienu importanti u, għaldaqstant, li kienet tqis li kien opportun li ssir taf bihom.

(ara l-punti 39, 42 sa 44, 46 u 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Ġunju 1976, Jänsch vs Il‑Kummissjoni, 5/76, punt 10

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ April 2007, Lebedef‑Caponi vs Il‑Kummissjoni, F‑71/06, punti 29 sa 31 u 34; 7 ta’ Ottubru 2009, Pappas vs Il‑Kummissjoni, F‑101/08, punt 43; 16 ta’ Diċembru 2010, AG vs Il‑Parlament, F‑25/10, punti 38 u 39

2.      Posta elettronika tal-amministrazzjoni purament informattiva dwar l-eżistenza ta’ deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ talba tal-uffiċjal, li dwarha l-parti kkonċernata naqset milli tagħmel investigazzjoni, ma jistax ikollha bħala effett li tagħti lok, favur l-imsemmija parti kkonċernata, għal terminu ġdid għat-tressiq ta’ lment kontra din id-deċiżjoni.

It-tieni inċiż tal-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jirrigwarda t-termini għall-preżentata ta’ rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi invokat insostenn ta’ finzjoni legali li deċiżjoni espliċita tista’, wara l-intervent ta’ allegata deċiżjoni impliċita, tibda mill-ġdid terminu għat-tressiq ta’ lment fil-mument li fih il-persuna li tressaq l-ilment finalment tindenja ruħha jkollha għarfien dwar din ir-risposta espliċita tal-amministrazzjoni.

(ara l-punti 51 u 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni, 23/80, punt 18; 21 ta’ Novembru 1990, Infortec vs Il‑Kummissjoni, C‑12/90, punt 10

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Jannar 2007, Van Neyghem vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni, T‑288/04, punt 52

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Mejju 2011, Barthel et vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, F‑59/10, punt 27