Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2013 – ZZ et vs BEI

(Kawża F-41/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: ZZ et (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet li jinsabu fir-rendikonti tar-remunerazzjoni għax-xahar ta’ Frar 2013, li jistabbilixxu l-aġġustament annwali tas-salarji limitat għal 1.8 % għas-sena 2013, tan-noti ta’ informazzjoni li l-konvenut indirizza lir-rikorrenti fil-5 ta’ Frar 2013 u fil-15 ta’ Frar 2013 u l-annullament tar-rendikonti tar-remunerazzjoni posterjuri. Min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-istituzzjoni għall-ħlas tad-danni materjali u morali allegatament sostnuti.

Talbiet tar-rikorrenti

jannulla d-deċiżjoni li tinsab fir-rendikonti tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Frar 2013, deċiżjoni li tistabbilixxi l-aġġustament annwali tas-salarji limitat għal 1.8 % għas-sena 2013 u, għaldaqstant, jannulla d-deċiżjonijiet simili li jinsabu fir-rendikonti tar-remunerazzjoni posterjuri u, sa fejn huwa meħtieġ, jannulla żewġ noti ta’ informazzjoni li l-konvenut indirizza lir-rikorrenti fil-5 ta’ Frar 2013 u fil-15 ta’ Frar 2013;

jikkundanna lill-konvenut għall-ħlas lil kull rikorrent, bħala kumpens għad-danni materjali (i) tal-bilanċ tas-salarju li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tal-aġġustament annwali għas-sena 2013, jiġifieri żieda ta’ 1.8 %, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013; (ii) tal-bilanċ tas-salarju li jikkorrispondi għall-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-aġġustament annwali ta’ 1.8 % għas-sena 2013 fuq l-ammont tas-salarji li ser jitħallsu minn Jannar 2014; (iii) interessi moratorji fuq il-bilanċi tas-salarji dovuti sal-ħlas komplet tas-somom dovuti, ir-rata ta’ interessi moratorji li għandha tiġi applikata għandha tiġi kkalkolata abbażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda bi tliet punti u (iv) tad-danni minħabba t-telf tas-setgħa ta’ xiri, liema danni materjali flimkien huma stmati, b’mod provviżorju, għal kull rikorrent, għal EUR 30 000;

jikkundanna lill-konvenut iħallas lil kull rikorrent EUR 1 000 bħala kumpens għad-danni morali;

jikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.