Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Klagenfurt (l-Awstrija) fid-19 ta’ Frar 2020 – GSMB Invest GmbH & Co. KG vs Auto Krainer Gesellschaft m.b.H.

(Kawża C-128/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Klagenfurt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: GSMB Invest GmbH & Co. KG

Konvenuta: Auto Krainer Gesellschaft m.b.H.

Domandi preliminari

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li tagħmir ta’ vettura fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 715/2007 huwa pprojbit meta l-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost, jiġifieri komponent li jista’ jaffettwa l-emissjonijiet, ikun iddiżinjat b’mod li r-rata tar-riċiklaġġ tal-gass tal-egżost, jiġifieri l-proporzjon tal-gass tal-egżost li jiġi rriċiklat, tkun irregolata b’mod li dan il-valv jiżgura mod ta’ funzjonament li jippermetti livell baxx ta’ tniġġis biss bejn 15 u 33 grad Celcius u biss f’altitudni ta’ inqas minn 1 000 metru, filwaqt li f’temperatura li ma taqax f’din il-firxa ta’ temperaturi, b’marġni ta’ 10 gradi Celcius, u f’altitudni ta’ iktar minn 1 000 metru, b’marġni ta’ 250 metru, din ir-rata tonqos b’mod lineari għal 0, b’tali mod li l-emissjonijiet ta’ NOx jiżdiedu tant li jaqbżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007?

L-espressjoni “għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti” li tinsab fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 għandha tiġi interpretata fis-sens li strateġija dwar il-gassijiet tal-egżost li tkun prinċipalment intiża li tipproteġi komponenti bħalma huma l-valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost, l-apparat li jkessaħ il-gass tal-egżost li jkun irriċirkolat u l-filtru tal-partikoli tad-diżil, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għal deroga?

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li strateġija dwar il-gassijiet tal-egżost li tiggarantixxi l-effettività funzjonali sħiħa ta’ tagħmir għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biss f’firxa ta’ temperaturi bejn 15 u 33 grad Celcius u f’altitudni ta’ inqas minn 1 000 m (l-hekk imsejħa “tieqa ta’ temperatura”) u li għalhekk ma tiffunzjonax kompletament fl-Ewropa, u b’mod partikolari fl-Awstrija, matul il-parti l-kbira tas-sena, ma tissodisfax il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) dwar l-użu normali tal-vettura u għalhekk tikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni li ma huwiex aċċettabbli?

____________

1 ĠU 2007, L 171, p. 1.