Language of document : ECLI:EU:C:2013:466

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Lulju 2013 (*)

“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikolu 206 — Tnissil ta’ dejn doganali — Serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali — Kunċett ta’ ‘telf għal kollox ta’ merkanzija bħala riżultat ta’ forza maġġuri’ — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 71 — Taxxa fuq il-valur miżjud — Fatt taxxabbli — Eżiġibbiltà tat-taxxa”

Fil-Kawża C‑273/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Directeur général des douanes et droits indirects,

Chef de l’agence de poursuites de la Direction nationale du renseignement et des enquêtes douanières

vs

Harry Winston SARL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President ta’ Awla, G. Arestis (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u J.L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Harry Winston SARL, minn X. Jauze, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, u D. Colas kif ukoll minn C. Candat, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn K. Paraskevopoulou u Z. Chatzipavlou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 206 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 629, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), u l-Artikolu 71 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża id‑Directeur général des douanes et droits indirects, kif ukoll il-Chef de l’agence de poursuites de la Direction nationale du renseignement et des enquêtes douanières (iktar ’il quddiem flimkien l-“awtoritajiet doganali”) u Harry Winston SARL (iktar ’il quddiem “Harry Winston”), dwar is-suġġet tal-ħlas ta’ dazji doganali u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), fuq merkanzija li tkun insterqet filwaqt li kienet miżmuma taħt il-proċedura ta’ magazzinaġġ doganali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 79/623/KEE

3        Id-disa’ premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 79/623/KEE, tal-25 ta’ Ġunju 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi fil-qasam tad-dejn doganali (ĠU L 179, p. 31), li ġieti mħassra bil-Kodiċi Doganali, hija hekk ifformulata:

“[…] barra l-ħlas tad-dejn doganali jew il-prekrizzjoni tiegħu skont id‑dispożizzjonijiet fis-seħħ, ir-raġunijiet ta[l]-estinzjoni [tad-dejn doganali] għandhom jiġu bbażati fuq il-konstatatzzjoni li l-merkanzija effettivament ma intużawx skont id-destinazzjoni ekonomika li tiġġustifika l‑applikazzjoni tad-drittijiet tal-importazzjoni jew tad-drittijiet tal‑esportazzjoni”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Kodiċi Doganali

4        L-Artikolu 202(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

(a)      l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni

jew

(b)      l-introduzzjoni kontra l-liġi f’parti oħra ta’ dak it-territorju ta’ dawk il-merkanziji li jkunu jinsabu f’żona ħielsa jew maħżen ħieles.

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177.”

5        L-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

–        tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

2.      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

3.      Id-debituri għandhom ikunu:

–        il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,

–        kull persuna li tkun ipparteċipat f’dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u

–        kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is‑sorveljanza doganali, u

–        fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l‑obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-magażinaġġ temporanja tal‑merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.”

6        Skont l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali:

“1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

a)      tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-magażinaġġ temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, jew

[…]

f’każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-magażinaġġ temporanja jew proċedura doganali konċernata.”

[…]”

7        L-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.      Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 202 u 204(1)(a), ebda dejn doganali fuq l-importazzjoni m’għandu jitqies li hu dovut fir-rigward ta’ merkanziji speċifiċi fejn il-persuna interessata tipprova li n-nuqqas ta’eżekuzzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu:

–        mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177, jew

–        miż-żamma tal-merkanziji konċernati f’magażinaġġ temporanja,

–        mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha tqiegħdu l-merkanziji,

li jirrizulta mid-distruzzjoni totali jew telf għal kollox ta’ l-imsemmija merkanziji bħala riżultat tan-natura reali tal-merkanziji jew ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri, jew bħala konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali.

Għall-iskop ta’ dan il-paragrafu, il-merkanziji għandhom ikunu mitlufa għal kollox meta jsiru mhux tajbin għall-użu minn xi persuna.”

8        L-Artikolu 233 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw il-preskrizzjoni ta’ dazju doganali u nuqqas ta’ rkupru ta’ dak id-dejn fil-każ tal-falliment legalment stabbilit tad-debitur, dejn doganali għandu jingħalaq:

[…]

(ċ)       fejn, fir-rigward ta’ merkanziji dikjarati għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligazzjoni għall-ħlas ta’ dazji:

–        id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata;

–        il-merkanziji, qabel il-ħelsien tagħhom, jew jinqabdu u fl-istess ħin jew sussegwentement jiġu konfiskati, meqruda fuq l‑istruzzjonijiet ta’ l-awtoritajiet doganali, meqruda jew abbandunati skond l-Artikolu 182, meqruda jew mitlufa għal kollox b’riżultat tan-natura reali tagħhom jew ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri;

[…]”

 Id-Direttiva tal-VAT

9        L-Artikolu 2(1)(a) u (d) tad-Direttiva jipprevedi:

“1. It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

(a)      il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…];

(d)      l-importazzjoni ta’ oġġetti.”

10      L-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li:

“L-avveniment li jagħti lok għal ħlas għandu jseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija tkun impurtata.”

11      L-Artikolu 71 tad-Direttiva tal-VAT huwa fformulat hekk:

“1.      Meta, mad-dħul fil-Komunità, il-merkanzija titqiegħed taħt wieħed mill-arranġamenti jew sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikoli 156, 276 u 277, jew taħt arranġamenti ta’ importazzjoni temporanji b’eżenzjoni totali tad-dazju fuq l-importazzjoni, jew taħt arranġamenti ta’ trażitu esterni, l-avveniment li jagħti lok għal ħlas iseħħ u l-VAT għandha tiġi imposta biss meta l-merkanzija ma tibqax taħt dawk l‑arranġamenti jew sitwazzjonijiet.

Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun suġġetta għal dazju mid-dwana, jew levi agrikulturali jew għal xi spejjeż li jkollhom effett simili li jkunu stabbiliti b’politika komuni, l-fatt taxxabbli li għandu jsir ħlas fuqu iseħħ u t-taxxa ssir dovuta malli jseħħ l-fatt taxxabbli li għandu jsir ħlas fuqu għal dawk id-dazji Komunitarji u dawk id-dazji isiru dovuti.

2.      Fil-każijiet fejn l-oġġetti importati m’humiex soġġetti ta’ wieħed minn dawn id-dazji tal-Komunità, Stati Membri jistgħu japplikaw id‑disposizzjonijiet li hemm fis-seħħ li jirregolaw d-dazji tad-dwana fir‑rigward tal-fatt taxxabbli u d-data fejn it-taxxa trid tinġabar.”

12      L-Artikolu 156(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li: “[l]-Istati Membri jistgħu jeżentaw […] il-provvista ta’ merkanzija li hija maħsuba li titpoġġa skond arranġamenti tal-magażinaġġ doganali”.

 Id-dritt Franċiż

13      Il-Bulletin officiel des douanes Nru 6551, tad-29 ta’ Mejju 2002, fit‑Titolu III tal-Kapitolu 9 tiegħu jipprovdi li:

“A)      L-iżbilanċi ta’ merkanzija kkonstatati mid-dwana jew mill-utent

Artikoli 203 u 206 tal-[Kodiċi Doganali], Artikolu 520-2 tad‑[dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali]

12.      Meta merkanzija tinqered jew tintilef għal kollox (serq, ħruq, għargħar ...) l-operatur għandu jipproduċi l-provi li jistabbilixxu l-kwantità meqruda jew mitlufa.

[…]

14.      Id-dazji u t-taxxi huma dovuti fuq il-kwantità ta’ merkanzija mitlufa salv jekk l-operatur jipproduċi prova li huwa każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.

[…]

C)      Eżenzjoni ta’ dazji u taxxi

[…]

Każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri

Artikolu 203, 206 tal-[Kodiċi Doganali] u 862 tad-[dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali]

1.      Jekk id-depożitant jikkunsidra li sab ruħu vittma ta’ forza maġġuri, huwa għandu jindirizza talba bil-miktub ta’ eżenzjoni lill-uffiċċju ta’ sorveljanza tad-dazji u taxxi għall-merkanzija meqruda jew mitlufa, bid‑dokumenti ta’ sostenn u l-provi kollha annessi […].

4.      Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1983, Esercizio Magazzini Generali u Mellina Agosta (186/82 u 187/82, Ġabra p. 2951),] stabbiliet li t-tneħħija, minn terzi anki mingħajr ebda ħtija tad‑debitur, ta’ merkanzija suġġetta għal dazju doganali ma ttemx l-obbligu marbut magħha. Għalhekk, is-serq ma jikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri u ma jwassalx għat-tmiem tad-dejn doganali.”

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Wara serqa aggravata bl-armi u b’sekwestru li seħħet fis-6 ta’ Ottubru 2007 u li fiha nsterqu xi ġojjelli miżmuma taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali, permezz ta’ avviż ta’ stima tas-16 ta’ Novembru 2007, l‑awtoritajiet doganali, talbu lil Harry Winston il-ħlas tad-dazju doganali u tal-VAT applikabbli għall-imsemmija merkanzija. Harry Winston, wara talba amministrattiva mingħajr eżitu, beda proċeduri kontra l‑awtoritajiet doganali għall-għan tal-annullament ta’ dan l-avviż.

15      Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2009, it-tribunal d’instance du 10e arrondissement de Paris annullat l-avviż ta’ stima f’dak li jirrigwarda l‑VAT u, fir-rigward tad-dazji doganali, issospendiet il‑proċeduri sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 206 tal-Kodiċi Doganali.

16      L-awtoritajiet doganali appellew minn din is-sentenza.

17      Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2010, il-cour d’appell, minn naħa, ikkonfermat is-sentenza tat-tribunal d’instance du 10e arrondissement de Paris, li annullat l-avviż ta’ stima li jirrigwarda l‑VAT u, min-naħa l-oħra, irriformat is-sentenza dwar id-dejn doganali.

18      F’dak li jirrigwarda d-dazji doganali, il-cour d’appel irrilevat li, abbażi tal-Bulletin officiel des douanes Nru 6551 tad-29 ta’ Mejju 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ekwiparaw is-serq tal-merkanzija mal-qerda tagħha jew għat-telf għal kollox tagħha fis-sens tal-Artikolu 206 tal-Kodiċi Doganali, u li din l-istess duttrina teżenta lill-operatur mill-oneru li jipprova li t-telf għal kollox, f’dan il-każ is-serq, kien riżultat ta’ każ ta’ forza maġġuri.

19      Għalhekk, il-cour d’appel ikkunsidrat li Harry Winston seta’ jikkunsidra, abbażi tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, li ma kellux iħallas id-dazji doganali f’dan il-każ, suġġet għall-oneru li jipprova li tali serq irriżulta minn każ ta’ forza maġġuri. F’dan ir-rigward, il-cour d’appel irrilevat li s-serq aggravat bl-armi inkwistjoni, li kien, minħabba l-brutalità u l-karatteristiċi kriminoloġiċi tiegħu, imprevedibbli u inevitabbli, jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-forza maġġuri u li jirriżulta fit-telf għal kollox tal-merkanzija.

20      Fir-rigward tal-VAT, il-cour d’appel ikkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Lulju 2005, British American Tobacco u Newman Shipping (C-435/03, Ġabra p. I‑7077), qatgħet u ddeċidiet li s-serq tal-merkanzija ma jikkostitwixxix “provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-VAT, u ma jistax, bħala tali, jiġi suġġett għall-VAT.

21      L-awtoritajiet doganali appellaw fil-qorti ta’ kassazzjoni. Huma kkritikaw lill-cour d’appel, minn naħa, li ma eżaminatx, kif ġiet mistiedna, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kinitx korretta, fis-sentenza tagħha Esercizio Magazzini Generali u Mellina Agosta, iċċitata iktar ’il fuq, meta qatgħet u ddeċidiet li s-serq ta’ merkanzija suġġetta għad-dazji doganali l-obbligu marbut magħha u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-VAT, li ddeċidiet abbażi tas‑sentenza, British American Tobacco u Newman Shipping, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li, f’din il-kawża, il-fatt taxxabbli tat-taxxa ma huwiex “provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, iżda “importazzjoni’ imsemmija fl‑Artikolu 2(1)(d) ta’ din id-direttiva.

22      Il-Cour de cassation tenfasizza li żewġ fatti ġodda, li ġraw wara s‑sentenza Esercizio Magazzini Generali u Mellina Agosta, iċċitata iktar ’il fuq, jimpedixxu li jiġi konkluż b’ċertezza li din is-sentenza għadha parti mid-dritt pożittiv. L-ewwel nett, il-Kodiċi Doganali, adottat fl-1992, ma assimilax ir-rekwiżit tad-disa’ premessa tad-Direttiva 79/623, imsemmi fis-sentenza Esercizio Magazzini Generali u Mellina Agosta, iċċitata iktar ’il fuq, li tissuġġetta t-tmiem tal-imsemmi dejn doganali għal kundizzjoni, ikkonstatata jew preżunta, li l-merkanzija ma reġgħetx daħlet fiċ-ċirku ekonomiku wara s-serq. It‑tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fis-sentenza tagħha British American Tobacco u Newman Shipping, iċċitata iktar ’il fuq, li s-serq ta’ merkanzija ma jikkostitwixxix “provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT u ma jistax għaldaqstant, bħala tali, jiġi suġġett għall-VAT.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 206 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li s-serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt is-sistema [il-proċedura] tal-magażinaġġ doganali, li seħħ fiċ-ċirkostanzi tal-kawża inkwistjoni, jikkostitwixxi telf għal kollox tal-merkanzija u każ ta’ forza maġġuri, bil-konsegwenza li f’tali fatt eventwalità ebda dejn doganali fuq l-importazzjoni ma huwa meqjus li tnissel?

2)      Is-serq ta’ merkanzija miżmuma taħt is-sistema ta’ magażinaġġ doganali huwa tali li jinvolvi l-fatt li jiġġenera [fatt taxxabbli] u l-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva [tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal‑Artikolu 206 tal-Kodiċi Doganali, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. Fil‑fatt, id-domandi magħmula għandhom jingħataw risposta fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat KE u tad-dritt idderivat li jista’ jkollu rilevanza għall-problema mressqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, van Putten et, C‑578/10 sa C‑580/10, punti 23 u 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      Huwa paċifiku li l-Artikolu 206 tal-Kodiċi Doganali, f’sitwazzjonijiet fejn, peress li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 202 u 204(1)(a) ta’ dan il-kodiċi, fil-prinċipju kellu jnissel dejn doganali, jeskludi, b’deroga għal dawn l-artikoli, it-tnissil ta’ tali dejn fl-ipoteżi meta l-persuna kkonċernata tipproduċi l-prova li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha huwa riżultat tal-qerda jew tat-telf għal kollox tal-merkanzija għal raġuni li tiddependi min-natura stess tagħha jew b’konsegwenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri jew ukoll wara l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet doganali. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 206 tal-Kodiċi Doganali japplika biss fis‑sitwazzjonijiet fejn dejn doganali jkun jista’ jitnissel b’applikazzjoni tal-Artikoli 202 u 204(1)(a) ta’ dan il-kodiċi.

26      L-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali jirrigwarda t-tnissil ta’ dejn doganali fis-sitwazzjonijiet ta’ dħul irregolari ta’ merkanzija fit‑territorju doganali tal-Unjoni, li ma jikkorispondix mal-fatti fil-kawża prinċipali.

27      Fir-rigward tal-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, dan lanqas ma japplika f’din il-kawża, peress li għandu jiġi rrilevat li fir-rigward tat-tnissil ta’ dejn doganali għall-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jimplika għal merkanzija suġġetta għal dazji tal-importazzjoni, l-użu tal-proċedura doganali li taħtha tqiegħdu, fil‑każijiet li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikolu 203 ta’ dan il‑kodiċi. Fil-fatt, l‑Artikolu 203 u 204 tal-Kodiċi Doganali għandhom kamp ta’ applikazzjoni distinti, l-ewwel wieħed jirrigwarda t-tipi ta’ aġir li għandhom bħala riżultat it-tneħħija tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali u t-tieni li għandu bħala għan nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi u tal-kundizzjonijiet marbuta mal-proċeduri doganali differenti.

28      Bil-għan li jiġi ddeterminat liema wieħed minn dawn iż-żewġ artikoli huwa dak li abbażi tiegħu jiġi mnissel dejn doganali għall-importazzjoni, għandu, qabel kollox, jiġi eżaminat jekk il-fatti inkwistjoni jikkostitwixxux tneħħija mis-sorveljanza doganali, fis-sens tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali. Huwa biss meta r-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali jistgħu jiġu applikati (ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Hamann International, C‑337/01, Ġabra p. I‑1791, punt 30).

29      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-kunċett ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali, li jinsab fl-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kull att jew ommissjoni li jkollhom bħala riżultat li jimpedixxu, anki għal żmien qasir, li l-awtoritajiet doganali kompetenti jkollhom aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li jwettqu l-kontrolli previsti mil-leġiżlazzjoni doganali (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Liberexim, C‑371/99, Ġabra p. I‑6227, punt 55 u l‑ġurisprudenza ċċitata; tad-29 ta’ April 2004, British American Tobacco, C‑222/01, Ġabra p. I‑4682, punt 47 u l‑ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2005, Honeywell Aerospace, C‑300/03, Ġabra p. I‑689, punt 19).

30      Dan huwa l-każ meta, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, merkanzija, imqiegħda taħt proċedura sospensiva, ikunu nsterqu (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, C‑140/04, Ġabra p. I‑8245, punt 31).

31      Barra minn hekk, it-tnissil ta’ dejn doganali f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa ġġustifikat bil-fatt li l-merkanzija li tkun tinsab fiżikament fil-maħżen doganali tal-Unjoni għandha tkun suġġetta għal dazji doganali jekk hija ma tibbenefikax mill-proċedura sospensiva tal-magazzinaġġ doganali. Għaldaqstant, serq imwettaq f’maħżen doganali għandu l-konsegwenza taċ-ċaqliq ta’ din il-merkanzija barra l-maħżen doganali mingħajr ma jiġi rrilaxxati. Il-preżunzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis‑sentenza tagħha Esercizio Magazzini Generali u Mellina Agosta, iċċitata iktar ’il fuq, li skontha, fil-każ ta’ serq, il-merkanzija tgħaddi fiċ-ċirku ekonomiku tal-Unjoni, hija għalhekk dejjem rilevanti minkejja l-fatt li l-Kodiċi Doganali ma għadux jinkludi l-formulazzjoni tad-disa’ premessa tad-Direttiva 79/623 stabbilita mill-imsemmija sentenza.

32      Fi kwalunkwe każ, kif ġie rrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, l‑Artikolu 206 tal-Kodiċi Doganali ma jippermettix li jiġi eskluż It-tnissil ta’ dejn doganali fil-każ ta’ telf għal kollox tal-merkanzija b’konsegwenza ta’ forza maġġuri fl-ipoteżi tat-tneħħija ta’ merkanzija mis‑sorveljanza doganali msemmija fl-Artikolu 203(1) tal-imsemmi kodiċi.

33      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li s-serq ta’ merkanzija, li sar f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali inkwistjoni, inissel dejn doganali għall-importazzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 203(1) tal‑Kodiċi Doganali u li, konsegwentement għal dak li ngħad fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, is-serq ta’ merkanzija miżmuma, bħal fil-kawża prinċipali, taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali, ma jaqax taħt l‑Artikolu 204(1)(a) tal-istess kodiċi.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Artikoli 202 u 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali ma japplikawx fil-kawża prinċipali, ma hem lok li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 206 li ma japplikax f’sitwazzjonijiet fejn id‑dejn doganali jista’ jitnissel skont dawn id-dispożizzjonijiet.

35      Fir-rigward tal-argument invokat mill-Gvern Franċiż li jistieden lill‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 233(ċ) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi enfasizzat li, matul is-seduta, Harry Winston u l-Kummissjoni Ewropea kienu indikaw, ġustament, li din id‑dispożizzjoni tapplika biss għal merkanzija ddikjarata għal proċedura doganali li tinvolvi l-obbligu ta’ ħlas ta’ dazji u li, sa fejn il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali tkun sistema sospensiva, hija ma tissodisfax din il‑kundizzjoni. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-ipoteżi tat‑tmiem tad-dejn doganali, kif ipprovdut mill-Artikolu 233(ċ) tal‑Kodiċi Doganali f’din il-kawża.

36      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali jikkostitwixxi tneħħija tal-imsemmija merkanzija fis‑sens ta’ din id-dispożizzjoni li jnissel dejn doganali għall-importazzjoni u li l-Artikolu 206 ta’ dan il-kodiċi japplika biss fis‑sitwazzjonijiet fejn id-dejn doganali jista’ jitnissel skont l‑Artikolu 202 u 204(1)(a) tal‑imsemmi kodiċi.

 Fuq it-tieni domanda

37      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 71 tad-Direttiva  tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li s-serq tal-merkanzija miżmuma taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali jimplika l-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà tal-VAT.

38      Mid-domanda preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l‑fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà ta’ din it-taxxa jseħħu biss, fil-kawża prinċipali, fil-mument meta l-oġġetti joħorġu mill-proċedura tal‑magazzinaġġ doganali, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad‑Direttiva tal-VAT.

39      Madankollu, kif jirriżulta barra minn hekk mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn diversi Stati Membri u mill‑Kummissjoni, hemm lok, f’din il-kawża, li japplika t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 71 tad-Direttiva tal-VAT, li skontu l-fatt taxxabbli jseħħ u t‑taxxa ssir eżiġibbli fil-mument meta seħħew il-fatt taxxabbli u l‑eżiġibbiltà tad-dazji doganali.

40      L-Artikolu 70 tad-Direttiva tal-VAT jistabbilixxi l-prinċipju li l-fatt taxxabbli jseħħ u t-taxxa ssir dovuta malli l-merkanzija tkun impurtata. Għalhekk, l-Artikolu 71(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi b’mod partikolari, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li meta l-oġġetti jaqgħu, wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni, taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali, il-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà tat-taxxa jseħħu biss fil-mument meta l-oġġetti joħorġu minn din il-proċedura. Madankollu, it-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu jirrigwarda sitwazzjoni partikolari li fiha, għall-oġġetti importati suġġetti għal dazji doganali, għal imposti agrikoli jew għal taxxi li għandhom effett ekwivalenti fil-kuntest ta’ politika komuni, il-fatt taxxabbli jseħħ u t-taxxa ssir dovuta fil-mument meta jseħħu l-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà ta’ dawn id-dazji

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-VAT mal-importazzjoni u d-dazji doganali juru karatteristiċi essenzjali simili inkwantu huma jitnisslu minħabba l‑importazzjoni fil-Komunità u l-importazzjoni sussegwenti tal-merkanzija fiċ‑ċirkwit ekonomiku tal-Istati Membri. Dan ix-xebh, barra minn minn hekk, huwa kkonfermat mill-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva tal-VAT jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jorbtu l-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà tal-VAT mal-importazzjoni ma’ dawn id-dazji doganali (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 1990, Witzemann, C‑343/89, Ġabra p. I‑4477, punt 18, kif ukoll tad-29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik, C‑230/08, Ġabra p. I‑3799, punti 90 u 91).

42      F’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn, skont l‑Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, dejn doganali jitnissel fil-mument tat-tneħħija tal-merkanzija, miżmuma taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali, għas-sorveljanza doganali, jiġifieri fil-mument tas-serq tal‑imsemmija merkanzija, għandu jiġi sostnut li l‑VAT saret dovuta fl‑istess mument skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva tal-VAT.

43      Is-sentenza British American Tobacco u Newman Shipping, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tikkontesta din ir-risposta. Fil-fatt, filwaqt li, fil‑kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-fatt taxxabbli eżaminat kien il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas, fil-kawża prinċipali inkwistjoni, il-fatt taxxabbli li qegħdin jibbażaw ruħhom fuqu l‑awtoritajiet doganali huwa l-importazzjoni tal-merkanzija. Għalhekk, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza British American Tobacco u Newman Shipping, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li s-serq ta’ merkanzija ma jistax jiġi kkunsidrat bħala provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas u ma jistax għaldaqstant jiġi suġġett għall‑VAT, ma tistax tiġi trasposta għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

44      Fil-fatt, fil-kawża prinċipali inkwistjoni, il-valur taxxabbli seta’ ġie identifikat peress li l-importazzjoni tal-merkanzija li tikkostitwixxi l-fatt taxxabbli tal-VAT. Is-serq tal-merkanzija nissel dejn doganali mal-importazzjoni u l-eżiġibbiltà tad-dazji doganali awtomatikament timplika l-eżiġibbiltà tat-taxxa.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad‑Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretata fis-sens li s-serq tal‑merkanzija miżmuma taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali jġib fis-seħħ il-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà tal-VAT.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 203(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li serq ta’ merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ doganali jikkostitwixxi tneħħija tal-imsemmija merkanzija fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni li jnissel dejn doganali għall-importazzjoni u li l-Artikolu 206 tal-imsemmi regolament japplika biss fis-sitwazzjonijiet fejn dejn doganali jista’ jitnissel skont l-Artikolu 202 u 204(1)(a) tal-istess regolament.

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-serq tal merkanzija miżmuma taħt il‑proċedura tal-magazzinaġġ doganali jġib fis-seħħ il-fatt taxxabbli u l-eżiġibbiltà tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.