Language of document : ECLI:EU:F:2012:180

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

11 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑122/10

Giorgio Cocchi u Nicola Falcione

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjoni — Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba għal skema ta’ pensjoni nazzjonali — Irtirar ta’ proposta ta’ trasferiment — Att li ma pprovdiex drittijiet suġġettivi jew vantaġġi oħra simili”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Cocchi u N. Falcione jitolbu, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni Ewropea rtirat il-proposti tagħha magħmula wara t-talba tagħhom għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fi ħdan l-iskema ta’ pensjoni nazzjonali, u min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallashom id-danni.

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni huma annullati. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati terz mill-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. Dawn tal-aħħar għandhom ibatu ż-żewġ terzi tal-ispejjeż tagħhom.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Pensjonijiet — Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni — Trasferiment għall-iskema tal-Unjoni — Obbligi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet ikkonċernati — Portata — Obbligu tal-istituzzjoni li tħallas lill-uffiċjal il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet miksuba fi ħdan l-iskema nazzjonali — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Proposta ta’ trasferiment għall-iskema tal-Unjoni ta’ drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni — Inklużjoni — Irtirar tal-proposta qabel ma l-uffiċjal jaċċettaha — Assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 90; Anness VIII, Artikolu 11(2))

3.      Uffiċjali — Atti tal-amministrazzjoni — Irtirar — Atti illegali — Kundizzjonijiet — Osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Impossibbiltà li jiġu invokati aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ att manifestament illegali — Eċċezzjoni — Aġir tal-istituzzjoni li jagħti x’jifhem li l-att huwa legali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

4.      Proċedura ġudizzjarja — Eżami tal-mertu qabel l-eżami tal-ammissibbiltà — Ammissibbiltà

1.      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Persunal jirriżulta li meta uffiċjal jissottometti talba għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu skont l-imsemmija dispożizzjonijiet u din it-talba tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu, l-organu li jamministra l-iskema tal-irtirar li fi ħdanha l-uffiċjal ikun preċedentement kiseb drittijiet għall-pensjoni, u mbagħad l-istituzzjoni li lilha jkun issottometta t-talba tiegħu għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu, huma obbligati, l-ewwel wieħed, li jikkalkola l-ammont tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet li l-uffiċjal ikun kiseb, u t-tieni waħda, li tagħmillu proposta li tindikalu r-riżultat, fi snin ta’ servizz, ta’ pensjoni addizzjonali li eventwali trasferiment ser jiġġenera.

Madankollu, la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda test jew prinċipju ieħor ma jawtorizza lill-istituzzjonijiet jirċievu, minn skemi ta’ pensjoni nazzjonali, il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li uffiċjal ikun kiseb wara d-dħul tiegħu fis-servizz ta’ istituzzjonijiet u jħallsu dan il-kapital, li ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għar-rikonoxximent ta’ snin ta’ servizz fl-iskema ta’ pensjonijiet previst mir-Regolamenti tal-Persunal, lil dan l-uffiċjal.

(ara l-punti 36 u 69)

2.      Il-proposta, li permezz tagħha istituzzjoni tindika lil uffiċjal ir-riżultat, fi snin ta’ servizz, ta’ pensjoni addizzjonali li eventwali trasferiment ser jiġġenera, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lil dan tal-aħħar.

Min-naħa l-oħra, sakemm l-uffiċjal ma jkunx ta l-kunsens tiegħu fuq il-proposta magħmula lilu mill-istituzzjoni, tali proposta la tagħtih dritt suġġettiv u lanqas xi vantaġġ simili. F’tali ipoteżi, l-istituzzjoni tista’ tirtira din il-proposta mingħajr kundizzjoni ta’ żmien, peress li tali rtirar ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal. Fil-fatt, il-possibbiltà mogħtija lil uffiċjal mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li jittrasferixxi l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li huwa kiseb qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni, għandha l-għan li tagħtih lok għal dritt li jekk jiġix eżerċitat jiddependi biss mill-għażla tiegħu stess.

Madankollu, mid-data li fiha l-uffiċjal jesprimi l-kunsens tiegħu rigward il-proposta, jiġu rikonoxxuti lilu drittijiet suġġettivi mill-istituzzjoni, b’tali mod li l-irtirar ta’ din il-proposta għandu neċessarjament jitqies bħala li jikkawżalu preġudizzju.

(ara l-punti 37 u 41 sa 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 20 ta’ Ottubru 1981, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju, 137/80, punt 13

3.      Meta atti li jkunu taw drittijiet suġġettivi jew vantaġġi simili jkunu illegali, l-istituzzjoni li tkun adottathom, fil-prinċipju, għandha d-dritt tirtirahom f’terminu raġonevoli, b’effett retroattiv. Madankollu, dan id-dritt tal-aħħar jista’ jiġi ristrett min-neċessità li jiġu osservati l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tal-atti li setgħu jafdaw fil-legalità tagħhom. F’dan il-każ, tali atti ma jistgħux jiġu rtirati b’effett retroattiv anki jekk f’terminu raġonevoli. Madankollu, uffiċjal ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-irtirar ta’ att adottat mingħajr ebda bażi legali.

Madankollu, l-irtirar ta’ proposta illegali ta’ ffissar, fi snin ta’ servizz, tal-pensjoni wara talba għal transferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni, ikkalkolati b’mod approssimattiv mill-istituzzjoni li tkun naqset milli tindika n-natura mhux definittiva tagħhom, iseħħ bi ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi meta d-destinatarju tal-att ma jkunx ġurista li jkun familjari mar-regoli statutorji rigward dan il-qasam u meta l-illegalità mwettqa ma tkunx manifesta, b’tali mod li l-persuna kkonċernata setgħet tafda fl-apparenza tal-legalità tal-att.

(ara l-punti 53, 56 sa 59, 67 u 74)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Settembru 2006, Kontouli vs Il‑Kunsill, T‑416/04, punt 161

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, T‑491/08 P, punt 44

4.      Il-qorti tal-Unjoni tista’ tevalwa jekk, fl-interess tal-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, rikors għandux fi kwalunkwe każ jiġi miċħud fuq il-mertu, mingħajr ma jkun hemm bżonn tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

(ara l-punt 66)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, punti 51 u 52