Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fis-26 ta’ Ġunju 2020 – Proċeduri kriminali kontra ZX

(Kawża C-282/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

ZX

Domandi preliminari

L-Artikolu 248(3) tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) tar-Repubblika tal-Bulgarija, li jipprovdi li, wara li jintemm l-ewwel seduta f’kawża kriminali (smigħ preliminari), ma huwa previst ebda stadju proċedurali sabiex jiġu indirizzati l-ambigwità u l-inkompletezza tal-kontenut tal-att tal-akkuża, bi ksur tad-dritt tal-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali li tifhem l-akkużi miġjuba kontriha, huwa konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2013/13 1 u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: tkun konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar l-emenda tal-akkuża li tippermetti lill-prosekutur jirrimedja, matul is-seduta, din l-ambigwità u din l-inkompletezza tal-kontenut tal-att tal-akkuża b’tali mod li d-dritt tal-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali li tifhem l-akkużi miġjuba kontriha jkun protett b’mod effettiv u reali; jew ikun konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li titħalla mhux applikata l-projbizzjoni nazzjonali li l-proċedura ġudizzjarja titwaqqaf u li l-każ jintbagħat lura quddiem il-prosekutur sabiex dan ifassal att tal-akkuża ġdida?

____________

1     Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).