Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fis-26 ta’ Ġunju 2020 – Ferimet S.L. vs Administración General del Estado

(Kawża C-281/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Ferimet S.L

Konvenuta: Administración General del Estado

Domandi preliminari

L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , flimkien, skont il-każ, ma’ dispożizzjonijiet oħra tagħha, u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali li jirriżulta minn din id-direttiva, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa minn kummerċant li joħroġ, taħt is-sistema ta’ reverse charge, it-titolu ġustifikattiv (il-fattura) ta’ tranżazzjoni ta’ akkwist ta’ oġġetti li jwettaq billi jinkorpora f’dan it-titolu fornitur fittizju, meta jiġi stabbilit li l-kummerċant inkwistjoni jkun wettaq effettivament l-akkwist u li jkun uża l-materjal akkwistat għall-attività tiegħu jew għall-iskambji kummerċjali tiegħu?

Fil-każ li prattika bħal dik deskritta (u li l-persuna kkonċernata titqies li taf biha) tista’ tiġi kklassifikata bħala abbużiva jew frawdolenti għall-finijiet tar-rifjut tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, ir-rifjut ta’ dan it-tnaqqis jirrikjedi li tiġi stabbilita debitament l-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali inkompatibbli mal-għanijiet tas-sistema tal-VAT?

Fl-aħħar nett, fil-każ li tali prova tkun neċessarja, il-vantaġġ fiskali li jippermetti li jiġi rrifjutat it-tnaqqis, li għandu, skont il-każ, jiġi vverifikat każ b’każ, għandu jirrigwarda esklużivament il-persuna taxxabbli nnifisha (jiġifieri l-akkwirent tal-oġġetti) jew jista’ jirrigwarda eventwalment parteċipanti oħra fit-tranżazzjoni kkunsidrata?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifka fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.