Language of document : ECLI:EU:F:2008:113

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)

11 ta’ Settembru 2008

Kawża F-127/07

Juana Maria Coto Moreno

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Evalwazzjoni tal-eżamijiet bil-miktub u orali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. M. Coto Moreno titlob, essenzjalment, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/28/05, tat-12 ta’ Frar 2007, li tirrifjuta li tinkludi isimha fil-lista ta’ riżerva, li jiġi deċiż li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu isimha fl-imsemmija lista ta’ riżerva u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ danni b’kumpens għad-danni professjonali, finanzjarji u morali li hija tallega li ġarrbet.

Deċiżjoni: Ir-rikors ta’ J. M. Coto Moreno huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 5)

2.      Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 6)

1.      L-evalwazzjonijiet li jagħmel Bord tal-Ġħażla meta jevalwa l-konoxxenzi u l-kompetenzi tal-kandidati ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti Komunitarja. Dan ma japplikax għall-konkordanza tal-marka mal-evalwazzjonijiet litterali tal-Bord tal-Għażla. Fil-fatt, din il-konkordanza, li tiggarantixxi t-trattament ugwali tal-kandidati, hija waħda mir-regoli li jirregolaw ix-xogħol tal-Bord tal-Għażla u li l-qorti għandha tivverifika jekk ikunux ġew osservati. Barra minn hekk, il-konkordanza tal-marka u tal-evalwazzjoni litterali tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ, min-naħa tal-qorti Komunitarja, li jkun indipendenti minn dak tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-kandidati magħmula mill-Bord tal-Għażla, li l-qorti Komunitarja tirrifjuta li teżerċita, bil-kundizzjoni li l-istħarriġ tal-konkordanza jkun limitat għall-verifika tan-nuqqas ta’ inkoerenza manifesta. Huwa għalhekk li l-qorti Komunitarja għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-evalwazzjoni litterali magħmula fuq in-nota ta’ evalwazzjoni ta’ karta ta’ eżami, il-Bord tal-Għażla wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ta l-marka fir-rigward ta’ din il-karta.

Il-fatt li kandidat kiseb il-marka minima li jippermettilu jagħmel l-eżami orali, meta r-risposti bil-miktub tiegħu ġew ikkunsidrati globalment li kienu iktar milli suffiċjenti, ma jurix li hemm diskordanza bejn il-marka u l-evalwazzjoni litterali. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-paragun bejn il-marka mogħtija għall-karta tal-eżami tal-persuna kkonċernata u l-evalwazzjonijiet litterali magħmula mill-Bord tal-Għażla fir-rigward ta’ din il-karta.

(ara l-punti 33, 34 u 38)

2.       L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla għandu, minn naħa, ikun irrekonċiljat mal-osservanza tas-sigriet tax-xogħol magħmul minn dan tal-aħħar. Ir-rispett ta’ din l-osservanza tas-sigriet tipprekludi kemm l-iżvelar tal-attitudni adottata mill-membri individwali tal-bordijiet tal-għażla kif ukoll l-iżvelar ta’ kull element relattiv għal evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva li jirrigwardaw il-kandidati. Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma għandux itaqqal, b’mod intollerabbli, il-ħidma tal-Bordijiet tal-Għażla u x-xogħol tal-amministrazzjoni tal-persunal. Huwa għalhekk li, f’kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, il-komunikazzjoni tal-marki tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla meħuda mill-Bord tal-Għażla fir-rigward ta’ kull kandidat.

(ara l-punti 55 sa 57)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Frar 1980, Bonu vs Il‑Kunsill, 89/79, Ġabra p. 553, punt 6; 4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, Ġabra p. I‑3423, punti 24 u 31; 28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, C‑17/07 P, Ġabra p. I‑36, punt 58