Language of document : ECLI:EU:F:2014:91

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

14 ta’ Mejju 2014

Kawża F‑11/13

Nicola Delcroix

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS)

“Servizz pubbliku — Uffiċjal — EEAS — Kap ta’ delegazzjoni f’pajjiż terz — Trasferiment lejn is-sede tal-EEAS — Tmiem antiċipat tal-funzjonijiet bħala kap ta’ delegazzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu N. Delcroix essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li jiġi ttrasferit għas-sede tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS) (Brussell) u li b’hekk tintemm b’mod antiċipat l-assenjazzjoni tiegħu bħala kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika ta’ Ġibuti. Permezz tal-istess rikors, N. Delcroix jitlob li l-EEAS jiġi kkundannat iħallsu d-differenza bejn is-salarju preċedenti tiegħu u dak li huwa qiegħed jirċievi minn kemm ilu li rritorna fis-sede.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni, innotifikata permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2012, li N. Delcroix jiġi ttrasferit lejn is-sede tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u li b’hekk tintemm b’mod antiċipat l-assenjazzjoni tiegħu bħala kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika ta’ Ġibuti hija annullata. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn N. Delcroix.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni f’pożizzjoni ta’ kap ta’ delegazzjoni tal-Unjoni — Assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal fis-sede fl-interess tas-servizz — Awtorità kompetenti

(Artikolu 221 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427, Artikolu 5)

2.      Uffiċjali — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a))

1.      Mill-Artikolu 221 TFUE u mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2010/427 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jirriżulta li d-delegazzjonijiet għandhom jiżguraw ir-rappreżentazzjoni diplomatika tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, tat-18 ta’ April 1961, u jinsabu taħt l-Awtorità tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, b’mod li d-deċiżjoni li kap ta’ delegazzjoni jissejjaħ lura lejn is-sede ma tistax, bħala tali, taqa’ fuq id-Direttur Eżekuttiv tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u d-Direttur tar-Riżorsi Umani.

(ara l-punt 25)

2.      Id-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxu prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li minnu jirriżulta li l-parti kkonċernata għandu jkollha l-possibbiltà, qabel it-tfassil tad-deċiżjoni li taffettwah b’mod negattiv, li tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom ġiet adottata din id-deċiżjoni. Sabiex ksur tad-dritt għal smigħ ikun jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huwa wkoll neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti. Li wieħed iqis, f’tali ċirkustanzi, li l-awtorità kompetenti adottat deċiżjoni identika, anki wara li semgħet lill-parti kkonċernata, ma jkun jammonta għal xejn ħlief għal tneħħija tas-sustanza tad-dritt fundamentali għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li l-essenza stess ta’ dan id-dritt timplika li l-parti kkonċernata kellha l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni.

(ara l-punti 35, 42 u 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, punt 27; 5 ta’ Ottubru 2000; Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-288/96, punt 99; 9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs De Bry, C-344/05 P, punt 37

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T-236/02, punt 115

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament, F‑129/12, punt 38