Language of document : ECLI:EU:C:2019:251

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Marzu 2019 (*)

“Appell – Sistema lingwistika – Kompetizzjonijiet ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi – Avviżi ta’ kompetizzjonijiet – Amministraturi (AD 5) – Amministraturi (AD 6) fil-qasam tal-protezzjoni tad-data – Konoxxenzi lingwistiċi – Limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet għall-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża – Lingwa ta’ komunikazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) – Regolament Nru 1 – Regolamenti tal-Persunal – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz – Stħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑621/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑25 ta’ Novembru 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Pignataro-Nolin u G. Gattinara, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

Ir-Repubblika tal-Litwanja,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, F. Biltgen, K. Jürimäe u M. C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, J. Malenovský, E. Levits u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Settembru 2016, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:495), li permezz tagħha din annullat l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/276/14, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi (ĠU 2014, C 74 A, p. 4), u l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/294/14, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (ĠU 2014, C 391 A, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 1/58

2        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1 tal‑15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/58”), jiddisponi:

“Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.”

3        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Id-dokumenti li Stat Membru jew persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.”

4        Skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament:

“L-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

 Ir-Regolamenti tal-Persunal

5        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll is-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 27 u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21), kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tat‑22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126).

6        It-Titolu I tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 10c tiegħu.

7        L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“1.      Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq […] ilsien […] hija pprojbita.

[…]

6.      Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. […]”

8        Skont l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“1.      Kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi min ġewwa fiha għandu jeserċita s-setgħat mogħtija minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal fuq l-awtorità tal-ħatra.

2.      Iżda, istituzzjoni waħda jew aktar tista’ tafda lil kull wieħed minnhom jew korp inter-istituzzjonali l-eserċizzju ta’ xi setgħat jew is-setgħat kollha mogħtija lill-Awtorità tal-ħatra, minbarra d-deċiżjonijiet dwar il-ħatriet, promozzjonijiet jew trasferimenti ta’ l-uffiċjali.”

9        It-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Karriera ta’ l-uffiċjali”.

10      Il-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu, intitolat “Reklutaġġ”, jinkludi l-Artikoli 27 sa 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, fosthom l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 ta’ dan tal-aħħar li jiddisponi:

“Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. L-ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.”

11      L-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:

[…]

(d)      huwa, suġġett għall-Artikolu 29(2) [dwar l-adozzjoni ta’ proċedura ta’ reklutaġġ, differenti mill-proċedura tal-kompetizzjoni, għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali għolja u, f’każijiet eċċezzjonali, għal impjiegi li jeħtieġu kwalifiki speċjali], għadda minn kompetizzjoni bbażata fuq jew kwalifiki jew eżamijiet, jew kemm kwalifiki kif ukoll eżamijiet, kif provdut fl-Anness III;

[…]

(f)      huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.”

12      L-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi l-possibbiltà ta’ ftuħ tal-proċedura tal-kompetizzjonijiet, abbażi ta’ kwalifiki, ta’ eżamijiet, jew ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet sabiex timtela pożizzjoni vakanti f’istituzzjoni, jiddisponi li “[l]-Anness III jippreżenta l-proċedura tal-kompetizzjoni”.

13      Fil-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Rapporti, avvanzament għal skala ogħla u promozzjoni”, l-Artikolu 45(2) ta’ dawn ir-regolamenti jiddisponi:

“L-uffiċjali għandhom ikunu meħtieġa juru, qabel l-ewwel promozzjoni tagħhom wara r-reklutaġġ, l-abiltà li jaħdmu b’terza lingwa minn fost dawk riferuti fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. […]”

14      L-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Kompetizzjonijiet”. L-Artikolu 1 tiegħu jipprevedi li:

“1.      L-avviż tal-kompetizzjonijiet jitħejja mill-awtorità tal-ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt.

Irid jispeċifika:

(a)      l-għamla tal-kompetizzjoni (kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, kompetizzjoni interna għall-istituzzjonijiet, kompetizzjoni miftuħa, fejn ikun il-każ, komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar);

(b)      it-tip ta’ kompetizzjoni (jekk mhux fuq bażi ta’ jew il-kwalifiki jew l-eżamijiet, jew ta’ kemm il-kwalifiki kif ukoll l-eżamijiet);

(ċ)      it-tip ta’ dmirijiet u l-kompiti involuti fil-posizzjoni li għandha timtela u l-grupp tal-funzjoni u l-grad offrut;

(d)      […] id-diplomi u evidenza oħra ta’ kwalifiki formali jew il-livell ta’ esperjenza meħtieġa għall-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

(e)      meta l-kompetizzjoni hija fuq bażi ta’ eżamijiet, x’tip ikunu u kif ikunu mmarkati;

(f)      fejn applikabbli, l-għarfien tal-lingwi meħtieġa minħabba n-natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

(g)      fejn ikun il-każ, il-limitu taż-żmien u xi estensjoni tal-limitu taż-żmien fil-każ tal-ħaddiema tal-Unjoni li taw mhux anqas minn sena servizz;

(h)      id-data ta’ l-għeluq ta’ l-applikazzjonijiet;

[…]”

15      Skont l-Artikolu 7 ta’ dan l-anness:

“1.      L-istituzzjoniet għandhom, wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, jafdaw lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal [iktar ’il quddiem l-‘EPSO’] bir-responsabbiltà biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li standards uniformi huma applikati fil-proċeduri ta’ l-għażla ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni […].

2.      Il-kompitu ta’ l-Uffiċċju jkun li

(a)      jorganizza, fuq talba ta’ l-istituzzjonijiet individwali, kompetizzjonijiet individwali;

[…]

(d)      jassumi responsabbiltà ġenerali għad-definizzjoni u l-organizzazzjoni ta’ l-istima ta’ l-abiltà lingwista, sabiex jiżgura li l-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jitħarsu b’mod armoniżżat u konsistenti.

3.      L-[EPSO] jista’, fuq it-talba ta’ istituzzjonijiet individwali, iwettaq kompiti oħra konnessi ma’ l-għażla ta’ l-uffiċjali.

[…]”

 Id-Deċiżjoni 2002/620/KE

16      L-EPSO twaqqaf permezz tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u ta’ l-Ombudsman Ewropew tal‑25 ta’ Lulju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46).

17      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni, l-EPSO għandu jeżerċita, b’mod partikolari, is-setgħa tal-għażla mogħtija mill-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjonijiet firmatarji ta’ din id-deċiżjoni.

18      L-aħħar sentenza tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/620 tipprevedi li kull rikors fl-oqsma imsemmija minn din id-deċiżjoni għandu jitressaq kontra l-Kummissjoni Ewropea.

 It-testi l-oħra applikabbli u l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi

 Ir-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa

19      Fl‑1 ta’ Marzu 2014, l-EPSO ppubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, C 60 A, p. 1) dokument intitolat “Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa”. Dan id-dokument fih, fost oħrajn, dispożizzjonijiet dwar il-konoxxenzi lingwistiċi mitluba lill-kandidati għall-kompetizzjonijiet. Fl-ewwel paġna tiegħu hemm indikat li “[d]awn ir-regoli ġenerali huma parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni, u flimkien mal-avviż, jiffurmaw il-qafas obbligatorju tal-proċedura tal-kompetizzjoni”.

20      Il-punt 1.1 tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa, li jiddefinixxi dawn il-kompetizzjonijiet, jesponi li “[l]-istituzzjonijiet Ewropej jagħżlu l-uffiċjali futuri tagħhom permezz ta’ kompetizzjonijiet ġenerali”. Mill-punt 1.3 ta’ dawn ir-regoli ġenerali, intitolat “Eliġġibiltà”, jirriżulta li, skont il-konoxxenzi lingwistiċi meħtieġa, bħala regola ġenerali, l-applikant huwa meħtieġ li jiddisponi minn “għarfien sħiħ ta’ lingwa uffiċjali waħda tal-[Unjoni] u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra[.] […] Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni, l-għażla tat-tieni lingwa normalment tkun limitata għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż.”

21      Il-punt 2 tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa huwa dwar l-istadji tal-kompetizzjoni. Fil-punt 2.1.4 ta’ dawn ir-regoli ġenerali, intitolat “Imla l-applikazzjoni onlajn tiegħek”, huwa speċifikat li “[i]l-partijiet kollha tal-formola ta’ applikazzjoni onlajn, inkluż it-‘talent screener’, iridu jimtlew bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni”.

22      Il-punt 3 tal-imsemmija regoli ġenerali jagħti “Informazzjoni ġenerali”. Il-punt 3.1.1 ta’ dawn ir-regoli ġenerali, intitolat “EPSO: komunikazzjoni mal-kandidati” jindika b’mod partikolari li “[i]r-riżultati u l-konvokazzjonijiet tiegħek kollha jiġu kkomunikati lilek biss permezz tal-kont EPSO tiegħek bl-Ingliż, bil-Franċiż, jew bil-Ġermaniż.”

 Linji Gwida Ġenerali dwar l-Użu tal-Lingwi

23      Il-Linji Gwida Ġenerali dwar l-Użu tal-Lingwi fil-Kompetizzjonijiet tal-EPSO, adottati fil‑15 ta’ Mejju 2013 mill-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Ġenerali dwar l-Użu tal-Lingwi”), huma applikati mill-EPSO waqt l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet ġenerali, hekk kif jirriżulta mill-punt 1.3 tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa. Dawn il-linji gwida, li jinsabu fl-Anness 2 ta’ dawn ir-regoli ġenerali, jipprevedu:

“Huwa kkonfermat li, bħala regola ġenerali, l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO jkun kif ġej:

[…]

–        Iċ-ċentri ta’ evalwazzjoni jsiru biss fit-tieni lingwa tal-kandidat, magħżula minn fost l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż.

–        […]

Bosta fatturi jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa.

L-ewwel nett, l-interessi tas-servizz jitolbu li r-rekluti l-ġodda jkunu jistgħu jkunu immedjatament operattivi u kapaċi jwettqu d-dmirijiet li għalihom ikunu ġew irreklutati fil-qasam jew ir-rwol kopert mill-kompetizzjoni.

L-Ingliż, il-Franċiż, u l-Ġermaniż huma l-lingwi l-aktar użati fl-istituzzjonijiet. Tradizzjonalment, dawn huma l-lingwi użati fil-laqgħat tal-membri tal-istituzzjonijiet. Huma wkoll il-lingwi l-aktar użati ta’ sikwit għall-komunikazzjoni kemm interna kif ukoll esterna. Dan huwa ppruvat mill-istatistika dwar il-lingwi sors tat-testi tradotti mis-servizzi tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet.

Fid-dawl tal-ħtiġijiet lingwistiċi reali tal-istituzzjonijiet għall-finijiet tal-komunikazzjoni interna u esterna, kriterju tal-għażla skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jkun l-għarfien sodisfaċenti ta’ waħda minn dawn it-tliet lingwi, li għandu jiġi ttestjat permezz ta’ simulazzjoni ta’ sitwazzjoni realistika tax-xogħol. […]

It-tieni nett, il-limitazzjoni tal-lingwi għall-istadji sussegwenti tal-kompetizzjonijiet hija ġġustifikata min-natura tat-testi involuti. […]

Korp sostanzjali ta’ riċerka xjentifika wera li ċ-ċentri ta’ evalwazzjoni, li jissimulaw sitwazzjonijiet reali tax-xogħol huma l-aħjar mezz kif wieħed jipprevedi l-prestazzjoni fil-ħajja reali. […] Sabiex jiġi żgurat li l-kandidati jkunu jistgħu jiġu evalwati b’mod ġust u jkunu jistgħu jikkomunikaw direttament mal-evalwaturi u l-kandidati l-oħra li jkunu qed jieħdu sehem fl-eżerċizzju, l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu titlob, b’mod partikolari, li ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni jsir f’lingwa komuni jew, f’ċerti ċirkostanzi, fil-lingwa waħda ewlenija tal-kompetizzjoni. […]

[…] Billi l-użu tradizzjonali msemmi hawn fuq għadu l-prattika interna kurrenti, [l]-għażla [tal-lingwa li għandha tintuża fl-eżamijiet] trid tkun bejn l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż. Iċ-ċentri ta’ evalwazzjoni ma jinvolvux l-evalwazzjoni tal-għarfien tal-lingwa min-naħa tal-kandidati; għarfien sodisfaċenti ta’ waħda mit-tlieta bħala t-tieni lingwa huwa biżżejjed biex ikunu jistgħu jsiru t-testijiet (dan jikkonforma mar-rekwiżiti minimi stabbiliti permezz tal-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal). Dan il-livell tal-għarfien tal-lingwa ma huwa bl-ebda mod sproporzjonat fid-dawl tal-ħtiġijiet reali tas-servizz kif deskritti aktar ’il fuq.

[…] L-obbligu fuq il-kandidati li jagħżlu t-tieni lingwa (l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż) li hija differenti mill-ewwel lingwa tagħhom (normalment il-lingwa materna jew ekwivalenti għaliha) jiżgura li dawn ikunu jistgħu jiġu kkomparati fuq bażi ugwali. […]

[…] Li jiġu limitati l-għażliet tat-tieni lingwa jirrifletti l-lingwi li n-nies fl-Ewropa jafu bħalissa. L-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż mhux biss huma l-lingwi ta’ bosta Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, iżda huma wkoll il-lingwi barranin l-aktar magħrufa. Huma l-lingwi l-aktar studjati bħala lingwi barranin u l-lingwi li n-nies jemmnu li huma l-aktar utli biex wieħed jitgħallimhom. Il-ħtiġijiet reali tas-servizz għalhekk jidhru li huma riflessjoni raġonevoli tal-ħiliet lingwistiċi li l-kandidati jistgħu jkunu mistennija li jkollhom, partikolarment billi l-għarfien tal-lingwa fis-sens strett tiegħu (żbalji tal-grammatika, l-ortografija jew il-vokabolarju) mhumiex evalwati fit-testijiet tal-kompetenza. Li wieħed jillimita l-għażla tat-tieni lingwa għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż għalhekk ma jippreżentax ostaklu sproporzjonat għal persuni li jixtiequ jagħmlu l-kompetizzjonijiet. Tabilħaqq, skont l-informazzjoni disponibbli, dan jikkorrispondi mill-qrib ma’ dak li n-nies huma mdorrijin bih u jistennew.

L-istatistika relevanti tappoġġa l-konklużjoni li l-limitazzjoni tal-għażliet tat-tieni lingwa għal ċerti stadji tal-kompetizzjoni hija proporzjonata u mhux diskriminatorja. Pereżempju, l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż kienu l-aktar għażliet frekwenti meta l-kandidati ngħataw il-possibilità li jagħżlu t-tieni lingwa tagħhom minn fost il-11-il lingwa uffiċjali fil-kompetizzjonijiet ewlenin tal-ġeneralisti tal-EU‑25 għall-amministraturi u l-assistenti fl‑2005. L-istatistika għall-kompetizzjonijiet wara r-riforma tal‑2010 ma turi l-ebda preġudizzju favur iċ-ċittadini tal-pajjiżi fejn l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġeramniż huma lingwi uffiċjali. U l-istatistika għas-sensiela ta’ kompetizzjonijiet AD 2010 turi li numri sostanzjali ta’ kandidati għadhom jagħżlu waħda mit-tlieta bħala t-tieni lingwa tagħhom.

Għall-istess raġunijiet, jidher raġonevoli li l-kandidati jintalbu jagħżlu waħda minn dawn it-tliet lingwi sabiex jikkomunikaw mal-EPSO u jimlew l-iskriner tat-talenti.

[…]”

 L-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi

24      Il-Qorti Ġenerali esponiet il-kontenut tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi fit-termini li ġejjin fil-punti 12 sa 24 tas-sentenza appellata:

“12      Fit‑13 ta’ Marzu 2014, l-EPSO ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi]. […]

13      Huwa indikat fil-parti introduttiva ta’ kull wieħed mill-avviżi [tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi] li r-[Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa] jagħmlu ‘parti integrali’ minnhom.

14      Skont il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjonijiet previsti mill-avviżi [tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi], dawn tal-aħħar jeżiġu għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, liema lingwa għandha tiġi indikata bħala ‘lingwa 1’ tal-kompetizzjoni, u għarfien sodisfaċenti ta’ tieni lingwa, indikata bħala ‘lingwa 2’ tal-kompetizzjoni, li għandha tintgħażel mill-kandidat minn fost il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, filwaqt li huwa speċifikat li din għandha tkun differenti mil-lingwa magħżula mill-kandidat bħala lingwa 1 (punt 2.3 tal-Parti III tal-avviżi [tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi]) [iktar ’il quddiem il-‘lingwa 2 tal-kompetizzjoni’].

15      Fil-punt 2.3 tal-Parti III tal-avviżi [tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi] ġew ipprovduti xi punti ta’ spjegazzjoni fir-rigward tal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 mit-tliet lingwi msemmija iktar ’il fuq biss. L-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/276/14, f’dan ir-rigward, jirrileva dan li ġej:

‘Skont is-sentenza [tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, Ġabra, EU:C:2012:752)], l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jixtiequ, fil-qafas tal-kompetizzjoni preżenti, jistqarru r-raġunijiet għal-limitu tal-għażla tat-tieni lingwa għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Għaldaqstant il-kandidati huma infurmati li l-għażliet tat-tieni lingwa aċċettati għal din il-kompetizzjoni ġew definiti b’konformità mal-interess tas-servizzi li jesiġi li dawk li jiġu rreklutati jkunu jistgħu jibdew jaħdmu mal-ewwel u jikkomunikaw b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet jista’ jiġi affettwat ħażin ħafna.

Abbażi tal-prassi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni li ilha titħaddem fir-rigward tal-lingwi użati għall-komunikazzjoni interna u b’kunsiderazzjoni wkoll tal-bżonnijiet tas-servizzi dwar il-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal-fajls, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jibqgħu l-aktar lingwi użati. Barra minn hekk, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma l-lingwi sekondarji l-aktar użati fl-Unjoni Ewropea u dawk l-aktar studjati bħala lingwi sekondarji. Dan jikkonferma l-livell ta’ edukazzjoni u l-kompetenzi professjonali li attwalment wieħed jista’ jistenna mill-kandidati f’pożizzjonijiet fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-għarfien ta’ mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi. Konsegwentement, meta wieħed iqabbel l-interess tas-servizz u l-kapaċitajiet tal-kandidati, meta jitqies il-qasam partikolari ta’ din il-kompetizzjoni, ikun ġust li jiġu organizzati eżamijiet f’dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi żgurat li, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, il-kandidati kollha jkunu jafu tajjeb mill-inqas waħda minn dawn it-tliet lingwi uffiċjali fil-livell ta’ xogħol. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jevalwaw il-kapaċità tal-kandidati li jkunu jistgħu jaħdmu minnufih f’ambjent simili għal dak li jsibu fl-impjieg.

Għall-istess raġunijiet, huwa indikat li tiġi ristretta l-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-istituzzjoni, inkluża l-lingwa li biha jitfasslu l-applikazzjonijiet. Din l-eżiġenza tiżgura l-omoġeneità [fit-tqabbil tal-kandidati u fil-kontroll tal-applikazzjonijiet tagħhom].

Barra minn hekk, fl-interess ta’ trattament ugwali tal-kandidati kollha, inklużi dawk li l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda minn dawn it-tlieta, kulħadd huwa meħtieġ li jagħmel ċerti eżamijiet fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx it-tagħlim ulterjuri tat-tielet lingwa ta’ ħidma, b’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.’

16      L-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/294/14 essenzjalment jinkludi l-istess informazzjoni.

17      Il-Parti IV tal-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/276/14 jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ testijiet ta’ dħul imwettqa fuq kompjuter. Dawn huma eżamijiet ta’ raġunament verbali [test a)], ta’ raġunament numeriku [test b)], ta’ raġunament astratt [test c)] u ta’ valutazzjoni sitwazzjonali [test d)]. Fil-punt 3 ta’ din il-parti tal-avviż, huwa speċifikat li l-lingwa tat-testijiet a) sa c) hija l-lingwa 1 tal-kompetizzjoni, filwaqt li l-lingwa tat-test d) hija l-lingwa 2 tal-kompetizzjoni.

18      Barra minn hekk, il-Parti IV tal-Avviż tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/294/14 tipprovdi wkoll għall-organizzazzjoni ta’ testijiet ta’ dħul. Dawn huma eżamijiet ta’ raġunament verbali [test a)], ta’ raġunament numeriku [test b)] u ta’ raġunament astratt [test c)]. Fil-punt 3 ta’ din il-parti tal-avviż, huwa speċifikat li l-lingwa tat-testijiet a) sa c) hija l-lingwa 1 tal-kompetizzjoni.

19      Il-Parti V tal-Avviż tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/294/14 tiddefinixxi l-proċedura ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni u għas-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki. Din tispeċifika li l-verifika tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kif ukoll l-għażla abbażi tal-kwalifiki l-ewwel isiru skont id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-kandidati fl-applikazzjoni tagħhom. Ir-risposti tal-kandidati għall-mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi jiġu pproċessati sabiex jiġi ddeterminat jekk jagħmlux parti mil-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni, konformement ma’ dak li huwa previst fil-Parti III tal-Avviż EPSO/AD/294/14. Imbagħad, il-Bord tas-Selezzjoni jagħmel għażla abbażi tal-kwalifiki minn fost il-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni inkwistjoni, sabiex jidentifika liema huma l-kandidati li għandhom l-iktar kwalifiki rilevanti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-diplomi u esperjenza professjonali tagħhom, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u tal-kriterji għall-għażla deskritti fl-Avviż EPSO/AD/294/14. Din l-għażla ssir biss abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati pprovduti fil-parti ‘Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet’, skont klassifikazzjoni stabbilita fil-punt 1(b) tal-Parti V tal-Avviż EPSO/AD/294/14.

[…]

21      L-aħħar stadju tal-proċeduri ta’ għażla msemmi fl-avviżi [tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi] jikkonsisti f’‘ċentru ta’ evalwazzjoni’ (Parti V tal-Avviż EPSO/AD/276/14; Parti VI tal-Avviż EPSO/AD/294/14).

22      Fil-punt 3 tal-Parti V tal-Avviż EPSO/AD/276/14 huwa indikat li l-lingwa użata fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni hija l-lingwa 2 tal-kompetizzjoni.

23      Skont il-punt 2 tal-Parti VI tal-Avviż EPSO/AD/294/14, fil-kuntest tal-eżami taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, il-kandidati jkunu suġġetti għal tliet tipi ta’ eżerċizzji intiżi li jevalwaw:

–      il-ħiliet marbuta mar-raġunament, permezz ta’ test ta’ raġunament verbali [test a)], ta’ test ta’ raġunament numeriku [test b)] u ta’ test ta’ raġunament astratt [test c)];

–      il-kompetenzi speċifiċi tagħhom, permezz ta’ intervista strutturata dwar il-kompetenzi fil-qasam [test d)];

–      il-kompetenzi ġenerali tagħhom, permezz ta’ studju ta’ każ [test e)], ta’ eżerċizzju fi grupp [test f)] u ta’ intervista strutturata [test g)].

24      Barra minn hekk, fil-punt 3 tal-istess parti tal-Avviż EPSO/AD/294/14 hemm indikat li l-lingwi użati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni ser ikunu l-lingwa 1 tal-kompetizzjoni għat-testijiet a) sa c) u l-lingwa 2 tal-kompetizzjoni għat-testijiet d) sa g).”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, wieħed fit‑23 ta’ Mejju 2014 u l-ieħor fil‑15 ta’ Jannar 2015, ir-Repubblika Taljana ressqet rikors intiż għall-annullament ta’ kull wieħed mill-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi. Dawn il-kawżi kienu rreġistrati rispettivament bin-numri T‑353/14 u T‑17/15. Ir-Repubblika tal-Litwanja intervjeniet insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana f’din l-aħħar kawża.

26      Il-Kawżi T‑353/14 u T‑17/15 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

27      Ir-Repubblika Taljana kkontestat il-legalità ta’ żewġ aspetti tas-sistema lingwistika stabbilita mill-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi, jiġifieri dik li tillimita għall-Ingliż, għall-Franċiż u għall-Ġermaniż l-għażla, minn naħa, tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, tal-lingwi ta’ komunikazzjoni li jistgħu jintużaw fil-korrispondenza bejn il-kandidati u l-EPSO.

28      Wara li ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, eżaminat, b’mod konġunt, it-tielet u s-seba’ motiv ta’ kull rikors, dwar l-ewwel aspett tas-sistema lingwistika kkontestata, jiġifieri l-legalità tal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, u bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 6(3) TUE, tal-Artikolu 18 TFUE, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1/58, tal-Artikolu 1d(1) u (6), tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27, u tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Artikolu 1(1)(f), (2) u (3) tal-Anness III tagħhom, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll fuq “żnaturament tal-fatti”. Hija laqgħat dawn il-motivi u annullat l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi peress li kienu jipprevedu tali rekwiżiti lingwistiċi.

29      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat is-sitt motiv ta’ kull wieħed mir-rikorsi, li dwar it-tieni aspett tas-sistema lingwistika kkontestata, jiġifieri dak tal-legalità tal-limitazzjoni, għal dawn it-tliet lingwi, tal-għażla tal-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO u bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 TFUE, tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/58 kif ukoll tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll dan il-motiv u, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors, annullat l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi peress li huma imponew tali limitazzjoni.

30      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, minkejja l-annullament tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi, ma kienx hemm lok li r-riżultati tal-kompetizzjonijiet kkonċernati minn dawn l-avviżi jitqiegħdu fid-dubju.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad, sa fejn il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, ir-rikorsi fl-ewwel istanza bħala infondati;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż ta’ din il-kawża u għal dawk tal-proċedura fl-ewwel istanza; u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Litwanja tbati l-ispejjeż tagħha stess.

32      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Marzu 2017, ir-Renju ta’ Spanja ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana.

 Fuq l-appell

34      Il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

35      L-ewwel aggravju jirrigwarda l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiemha. It-tieni aggravju jirrigwarda żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-interpretazzjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li kien impost fuq il-Kummissjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat, minn naħa, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija għandha fir-rigward tal-limitazzjoni, għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża, tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet. Fl-aħħar nett, ir-raba’ aggravju jirrigwarda l-iżbalji ta’ liġi mwettqa fl-evalwazzjoni tal-limitazzjoni tal-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati tal-kompetizzjonijiet u l-EPSO f’waħda minn dawn it-tliet lingwi.

 Fuq l-ewwel aggravju, dwar l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

 L-argumenti tal-partijiet

36      L-ewwel aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet.

37      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma qisitx, fil-punti 47 sa 52 tas-sentenza appellata, li r-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa u l-Linji Gwida Ġenerali dwar l-Użu tal-Lingwi huma ta’ natura legalment vinkolanti. Permezz tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet, fil-punti 53 sa 57 tas-sentenza appellata, li l-EPSO ma kellux is-setgħa li jistabbilixxi regoli vinkolanti ġenerali u astratti li jirregolaw is-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet li jorganizza, wettqet żball ta’ liġi. Hija wkoll immotivat b’mod kontradittorju l-evalwazzjoni tagħha fuq dan il-punt. Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-istess aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi qieset, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li r-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa u l-Linji Gwida Ġenerali dwar l-Użu tal-Lingwi kellhom jitqiesu bħala komunikazzjonijiet li “jistabbilixxu” kriterji għal limitazzjoni tal-għażla ta’ lingwa bħala lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet, interpretat b’mod żbaljat ir-riferiment għall-punt 91 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), għall-komunikazzjonijiet li “jistipulaw” tali kriterji.

38      Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata, fil-punti 65 sa 71 tas-sentenza appellata, tan-natura ġuridika tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi, b’mod partikolari peress li din qieset li dawn ma kinux jikkostitwixxu atti konfermattivi tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa. Hija insuffiċjentement immotivat ukoll l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

39      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Osservazzjonijiet preliminari

40      Sa fejn il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorsi tar-Repubblika Taljana kienu ammissibbli, dan l-aggravju jirrigwarda l-punti 43 sa 71 tas-sentenza appellata u, b’mod partikolari, jikkritika l-konklużjoni, fil-punt 71 tas-sentenza, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

41      F’dan ir-rigward, minkejja li l-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 43 sa 58 tas-sentenza appellata, in-natura u l-portata ġuridika tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa, huwa abbażi ta’ eżami tan-natura ġuridika tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi, li jinsabu fil-punti 60 sa 69 tas-sentenza appellata, li hija ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. Fil-fatt, kien fi tmiem dan l-eżami, li hekk kif jirriżulta mill-punt 59 tas-sentenza appellata twettaq “sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà [tar-rikors inkwistjoni]”, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, li “[dawn] l-avviżi […] jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali vinkolanti fir-rigward tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni u jikkostitwixxu, għalhekk, atti li jistgħu jiġu kkontestati”.

42      Peress li l-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali tislet mill-eżami tagħha tan-natura ġuridika tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi kienu deċiżivi għaċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-punt 71 tas-sentenza appellata, għandu jiġi eżaminat qabel kollox, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, dwar in-natura ġuridika ta’ dawn l-avviżi.

–       Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tan-natura ġuridika tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi

43      Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn din ma evalwatx, fil-punti 65 sa 71 tas-sentenza appellata, jekk l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi kellhomx portata purament konfermattiva fir-rigward tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kellha tagħmel paragun tal-kontenut ta’ dawn l-avviżi u ta’ dawn ir-regoli ġenerali u, fi kwalunkwe każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn ir-regoli ġenerali huma parti integrali ta’ dawn l-avviżi. Evalwazzjoni tal-kontenut ta’ dawn l-istrumenti u tar-relazzjoni bejniethom indikat li l-imsemmija regoli ġenerali kienu jikkostitwixxu s-sistema vinkolanti tal-kompetizzjonijiet. Sa fejn ir-rikorsi għal annullament tar-Repubblika Taljana kienu tressqu biss kontra l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara li huma kienu inammissibbli.

44      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE huwa miftuħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, indipendentement mill-forma, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 36; tat‑13 ta’ Frar 2014, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 54; tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑599/15 P, EU:C:2017:801, punt 47, kif ukoll tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 31; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; id-digriet tal‑4 ta’ Ottubru 1991, Bosman vs Il‑Kummissjoni, C‑117/91, EU:C:1991:382, punt 13, u s-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Greencore, C‑123/03 P, EU:C:2004:783, punt 44).

45      L-atti konfermattivi u l-atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni, peress li ma jipproduċux tali effetti ġuridiċi, ma jaqgħux taħt l-istħarriġ ġudizzjarju previst f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għall-finijiet li tingħata risposta għall-argument tal-Kummissjoni li l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi kienu biss atti konfermattivi jew atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni meta mqabbla mar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 65 u 66 tas-sentenza appellata, li “[l]-kliem tal-avviż ta’ kompetizzjoni jikkostitwixxi kemm il-qafas ta’ legalità kif ukoll il-qafas għall-evalwazzjoni mill-Bord tal-Għażla” u li “[r]-rwol essenzjali ta’ avviż ta’ kompetizzjoni huwa li jinforma lill-persuni interessati b’mod kemm jista’ jkun eżatt bin-natura tar-rekwiti meħtieġa sabiex wieħed jokkupa l-post previst minnu sabiex ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw jekk għandhomx japplikaw għalih”, “[b’]kull avviż ta’ kompetizzjoni [jkun] adottat bl-għan li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-proċedura tal-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni speċifika waħda jew iktar, li huwa jistabbilixxi, b’dan il-mod, il-qafas normattiv tagħha skont l-għan stabbilit mill-Awtorità tal-Ħatra.”

47      Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li “avviż ta’ kompetizzjoni, bħall-avviżi [tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi], li, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Unjoni inkwistjoni, jistabbilixxi l-qafas normattiv ta’ kompetizzjoni speċifika, inkluża s-sistema lingwistika tiegħu, u għalhekk jinkludi effetti legali awtonomi, ma jistax, bħala prinċipju, jitqies li huwa att konfermattiv jew att ta’ sempliċi eżekuzzjoni ta’ atti preċedenti”.

48      Sabiex tiġi evalwata din il-parti tal-ewwel aggravju, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dawn l-avviżi kinux jikkostitwixxu, kif qieset il-Qorti Ġenerali, il-qafas legali vinkolanti tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni. Fil-fatt, peress li l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi jipproduċu, fihom infushom, effetti legali vinkolanti, huma la jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti konfermattivi u lanqas bħala atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni tal-imsemmija regoli ġenerali u, għaldaqstant, huwa b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx paragun tal-kontenut rispettiv tagħhom.

49      Konformement mal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura ta’ kompetizzjoni hija stabbilita mill-Anness III ta’ dawn ir-regolamenti. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(1) ta’ dan l-anness jirriżulta li l-avviż ta’ kompetizzjoni huwa stabbilit mill-Awtorità tal-Ħatra u għandu jispeċifika, b’mod partikolari, in-natura u l-modalitajiet ta’ kompetizzjoni, in-natura tal-funzjonijiet u l-kompiti relatati mal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew, id-diplomi jew il-livell ta’ esperjenza meħtieġa għal dawn tal-aħħar, id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet, kif ukoll kundizzjonijiet oħra possibbli, bħalma huma l-konoxxenzi lingwistiċi meħtieġa minħabba n-natura speċifika tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew. Barra minn hekk, dan l-Anness III jinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-reklamar ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, il-formoli ta’ applikazzjoni, il-kompożizzjoni u x-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla, kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jiddelegaw lill-EPSO kompiti relatati mal-proċeduri tal-għażla.

50      Minn dan isegwi li l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni għandha tkun irregolata permezz ta’ avviż li l-elementi essenzjali tiegħu għandhom jiġu previsti konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, avviż ta’ kompetizzjoni jistabbilixxi, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 66 tas-sentenza appellata, “il-qafas normattiv” ta’ kompetizzjoni speċifika skont l-għan stabbilit mill-Awtorità tal-Ħatra, fejn dan il-qafas jirregola “l-proċedura tal-kompetizzjoni inkwistjoni, mill-mument tal-publikazzjoni tal-avviż inkwistjoni sal-publikazzjoni tal-lista ta’ riżerva li tinkludi l-ismijiet tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni inkwistjoni”.

51      Għaldaqstant, peress li l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi jistabbilixxu tali qafas normattiv, huma jipproduċu effetti legali vinkolanti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

52      Din l-evalwazzjoni ta’ natura ġuridika ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, f’dan il-każ, hija kkorroborata mill-formulazzjoni tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa, adottati mill-EPSO, kif ukoll minn dik tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi nnifishom.

53      F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-indikazzjonijiet li jidhru fuq l-ewwel paġna tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa jirriżulta li dawn “huma parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni, u flimkien mal-avviż, jiffurmaw il-qafas obbligatorju tal-proċedura tal-kompetizzjoni”. Fir-rigward tal-konoxxenzi lingwistiċi meħtieġa mill-kandidati skont dawn ir-regoli ġenerali, huwa ppreċiżat, b’mod partikolari fil-punti 1.3 u 2.1.4 tagħhom, li l-għażla kemm tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-atti tal-kandidatura huwa, “sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni”, limitat għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża. Min-naħa l-oħra, il-parti introduttorja tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi tippreċiża, b’riferiment għal dawn ir-regoli ġenerali, li “[d]awn id-dispożizzjonijiet, li jagħmlu parti integrali mill-avviż ta’ kompetizzjonijiet, jgħinuk tifhem ir-regoli dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni.”

54      Peress li r-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa, skont il-formulazzjoni tagħhom, jikkostitwixxu biss il-qafas vinkolanti tal-proċedura ta’ kompetizzjoni flimkien “mal-avviż”, dawn ma jirregolawx waħedhom il-proċedura tal-kompetizzjonijiet imsemmija mill-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi. Għalhekk, għalkemm l-imsemmija regoli ġenerali jagħmlu “parti integrali mill-avviż ta’ kompetizzjonijiet”, u huma, ċertament, jistgħu għal dan il-għan jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-analiżi ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, dawn ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu l-qafas legali tal-kompetizzjonijiet, bħal dawk koperti mill-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi.

55      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu atti konfermattivi jew atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa, iżda atti li jinkludu “effetti legali vinkolanti fir-rigward tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni”.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li l-Qorti Ġenerali setgħet tislet din il-konklużjoni biss fid-dawl tal-eżami tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi nfushom, ma jistax jitqies li hija kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma wettqitx, waqt l-analiżi tan-natura ġuridika ta’ dawn l-avviżi, paragun tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar ma’ dak tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa.

57      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, dawn saru mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet ta’ kompletezza, fil-każ fejn l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi għandhom jiġu kklassifikati bħala atti konfermattivi jew atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa. Issa, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux, anki jekk jitqiesu li huma vvizzjati bi żbalji, iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata. L-argumenti kontra dan huma għalhekk ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il‑Kummissjoni, C‑510/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:696, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda.

–       Fuq l-ewwel sat-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tan-natura ġuridika tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa

59      L-ewwel sat-tielet parti tal-ewwel aggravju li jirrigwardaw il-punti 45 sa 59 tas-sentenza appellata, jikkonċernaw in-natura ġuridika tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa. Madankollu, mill-kliem stess tal-punt 59 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija punti biss b’mod preliminari sabiex, sussegwentement, tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi quddiemha.

60      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi pproduċew effetti legali vinkolanti u, għalhekk, jistgħu jiġu kkontestati irrispettivament mill-valur ġuridiku li jingħata lir-Regoli Generali applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa, l-eżami tan-natura ġuridika ta’ dawn l-aħħar regoli ma kinitx indispensabbli għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.

61      Minn dan isegwi li l-argumenti żviluppati fl-ewwel sat-tielet parti tal-ewwel aggravju huma diretti kontra motivi superfluwi tas-sentenza appellata u ma jistgħux, bħala tali, iwasslu għall-annullament tiegħu. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il‑Kummissjoni, C‑510/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:696, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal

–       L-argumenti tal-partijiet

63      Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal u s-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), wara li kkonstatat li minn din is-sentenza jirriżulta li “l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati għal kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra, tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal “jipprojbixxi” d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, filwaqt li din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġu ġġustifikati differenzi fit-trattament, b’mod partikolari minħabba kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess tas-servizz.

64      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta dan l-argument.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, abbażi, b’mod partikolari, tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), li “l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati għal kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra, tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tesponi li, “b’tali stipulazzjoni, ċerti kandidati potenzjali (li għandhom għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas waħda mit-tliet lingwi magħżula) huma ffavoriti, inkwantu jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni u jkunu, b’hekk, irreklutati bħala uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Unjoni, filwaqt li l-oħrajn, li ma jkollhomx tali għarfien, huma esklużi.” Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-argument, imressaq mill-Kummissjoni, dwar l-assenza f’dan il-każ ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità kellha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, peress li l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, iżda wkoll id-diskriminazzjoni minħabba l-lingwa.

66      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li, kif esponiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 82 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), skont l-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[f]l-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq […] ilsien […] hija pprojbita” u, min-naħa l-oħra, li l-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu jipprevedi possibbiltà ta’ deroga, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-projbizzjoni stabbilita fl-ewwel paragrafu tiegħu.

67      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali manifestament ma kellhiex l-intenzjoni li teskludi, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-possibbiltà li tiġġustifika, f’ċerti kundizzjonijiet, limitazzjonijiet fuq l-użu tal-lingwi uffiċjali abbażi tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, qabel ma kkonstatat, fil-punt 91, li “limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati għal kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra, tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa”, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, li “l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jawtorizza limiti” għall-użu tal-lingwi uffiċjali, b’mod partikolari fl-interess tas-servizz.

68      Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi mhux biss kwalunkwe diskriminazzjoni ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll diskriminazzjoni minħabba l-lingwa.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni fl-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivazzjoni tal-avviżi tal-kompetizzjoni kontenzjużi

–       L-argumenti tal-partijiet

70      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi ma kinux ġew immotivati biżżejjed meta hija naqset milli teżamina, fil-punti 98 sa 104 tas-sentenza appellata, jekk ir-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa kinux jinkludu motivazzjoni suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-limitazzjoni, għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża, tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni. Hija kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi naqset milli teżamina jekk dawn ir-regoli ġenerali jikkostitwixxux atti oħra, bħal komunikazzjonijiet li jistipulaw il-kriterji għal limitazzjoni tal-għażla ta’ lingwa bħala t-tieni lingwa għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet, fis-sens tal-punt 91 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752).

71      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72      Fil-punt 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-qafas normattiv tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni ġie stabbilit mill-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi, u mhux mir-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa u mil-Linji Gwida Ġenerali dwar l-Użu tal-Lingwi annessi magħhom, għalkemm l-avviżi msemmija jirreferu għal dawn it-testi tal-aħħar. F’dan il-punt, hija qieset ukoll li dawn l-opinjonijiet kienu stabbilixxew regoli awtonomi għal dawn il-kompetizzjonijiet, inkluż fir-rigward tas-sistema lingwistika applikabbli għalihom. Fuq din il-bażi hija ddeċidiet ukoll, fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, li tiġi eżaminata l-motivazzjoni invokata mill-EPSO, fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi sabiex jiġġustifika l-limitazzjoni, għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża, fl-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni.

73      Huwa minnu li, hekk kif ġie deċiż fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi jipproduċu effetti legali vinkolanti u jikkostitwixxu, għalhekk, il-qafas normattiv tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni. Madankollu, peress li r-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa “huma parti integrali” ta’ dawn l-avviżi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-fondatezza tal-motivi invokati mill-EPSO sabiex jiġġustifika r-rekwiżiti lingwistiċi inkwistjoni mhux biss fid-dawl tal-motivi inklużi fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi nfushom, iżda wkoll fir-rigward ta’ dawk li jinsabu f’dawn ir-regoli ġenerali.

74      Issa, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Qorti Ġenerali llimitat l-analiżi tagħha għall-kontenut tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi ma huwiex fondat, peress li din tal-aħħar wettqet ukoll l-eżami tagħha, hekk kif jirriżulta mill-punti 115 sa 117 tas-sentenza appellata, fuq il-motivazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward li tinsab fir-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa, kif ukoll fil-Linji Gwida Ġenerali dwar l-Użu tal-Lingwi, bħala “parti integrali” tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi.

75      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali “kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, billi naqset milli teżamina jekk ir-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa humiex komunikazzjonijiet jew atti oħra, fis-sens tal-punt 91 tas-sentenza [tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752)]”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali fakkret, b’mod partikolari fil-punti 58 u 69 tas-sentenza appellata, li “r-Regoli Ġenerali […] għandhom jiġu interpretati bħala li jikkostitwixxu […] komunikazzjonijiet, fis-sens tal-punt 91 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752)”. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

76      Konsegwentement, jeħtieġ li tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni aggravju u li jiġi miċħud bħala infondat it-tieni aggravju fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet aggravju, dwar il-limitazzjoni għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal

–       L-argumenti tal-partijiet

77      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, billi qieset, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa ma kinitx tiffaċilita r-reklutaġġ ta’ uffiċjali li jkollhom l-ogħla livelli ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, abbażi tal-fatt li dawn il-kwalitajiet huma, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, manifestament indipendenti mill-konoxxenzi lingwistiċi ta’ kandidat. Il-Kummissjoni tqis li l-konoxxenzi lingwistiċi jaqgħu taħt il-livell ta’ kwalità meħtieġ fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

78      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

79      Fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet l-argument tal-Kummissjoni li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiddeterminaw il-bżonnijiet lingwistiċi tad-dipartimenti tagħhom, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jinkiser biss fil-każ ta’ għażliet arbitrarji jew manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għanijiet “li jkun jista’ jkollhom kandidati li jistgħu jaħdmu immedjatament” u li “jirreklutaw uffiċjali li jkollhom l-ogħla livelli ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal”. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, li huwa biss l-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet li seta’ jiġġustifika, possibbilment, differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa, filwaqt li t-tieni wieħed ma kienx adegwat, peress li l-kompetenzi msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal kienu indipendenti mill-konoxxenzi lingwistiċi ta’ kandidat.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi l-għan li r-reklutaġġ għandu jiżgura li l-uffiċjali jkollhom “l-ogħla livelli ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 28 ta’ dawn tal-aħħar jelenka l-kundizzjonijiet għall-ħatra tagħhom, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, dawk li jkun ċittadin ta’ Stat Membru, li jgawdi mid-drittijiet kollha tiegħu bħala ċittadin, li jkun wettaq kull obbligu militari impost fuqu, li joffri garanziji morali, li jkun għadda minn kompetizzjoni, li jissodisfa il-kapaċitajiet fiżiċi meħtieġa, kif ukoll li jkollu l-konoxxenzi lingwistiċi meħtieġa.

81      Issa, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 94 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), li l-għan ta’ reklutaġġ ta’ uffiċjali li jkollhom “l-ogħla livelli ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, jista’ jiġi protett aħjar “meta l-kandidati jkunu awtorizzati jagħmlu l-eżamijiet ta’ selezzjoni fil-lingwa materna tagħhom jew fit-tieni lingwa li huma jqisu ruħhom tajbin fiha”, hija rrikonoxxiet li l-konoxxenzi lingwistiċi huma, bħala prinċipju, indipendenti mill-kompetenzi msemmija f’dan l-artikolu.

82      Għalhekk, minkejja li l-konoxxenzi lingwistiċi ta’ kandidat jistgħu, jew għandhom, jiġu evalwati waqt proċedura ta’ kompetizzjoni, sabiex l-istituzzjonijiet jiżguraw li dan il-kandidat ikollu l-konoxxenzi meħtieġa fl-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, din l-evalwazzjoni għandha għan indipendenti minn dak li jiġi ddeterminat “l-ogħla livelli ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. Minn dan isegwi li l-konoxxenzi lingwistiċi meħtieġa fl-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux jiġu assimilati mal-“kompetenzi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 ta’ dawn ir-regolamenti.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li “l-ogħla livelli ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità” huma “indipendenti mill-għarfien lingwistiku” ta’ kandidat. Minn dan isegwi wkoll li huwa mingħajr ma tikser l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni li hija ma eżaminatx il-limitazzjoni għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża biss fir-rigward tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet, inklużi fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi, fid-dawl tal-għan li jiġu rreklutati uffiċjali li jkollhom l-ogħla livelli ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

84      Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq definizzjoni żbaljata tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli u interpretazzjoni żbaljata tal-Linji Gwida Ġenerali dwar l-Użu tal-Lingwi

–       L-argumenti tal-partijiet

85      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta pproċediet, fil-punti 107 sa 117 tas-sentenza appellata, għall-istħarriġ tal-legalità tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi billi kisret is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jiddisponi minnha l-EPSO sabiex jistabbilixxi l-kriterji ta’ kapaċità lingwistika meħtieġa mill-kandidati. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet, fil-punt 90 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), l-adozzjoni ta’ kriterji “ċari, oġġettivi u prevedibbli” li jiġġustifikaw oġġettivament il-limitazzjoni għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża tal-għażla għal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali eżiġiet, b’mod żbaljat, li l-EPSO jipprovdi motivazzjoni ddettaljata, b’“indikazzjonijiet konkreti” dwar ir-raġunijiet tal-limitazzjoni ta’ din l-għażla. F’kull każ, il-motivazzjoni ddettaljata li tinsab fil-Linji Gwida Ġenerali dwar l-Użu tal-Lingwi u fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi tinkludi tali kriterji.

86      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87      Fil-punti 107 sa 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, minkejja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni “fir-rigward tal-ħolqien ta’ impjieg ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, fir-rigward tal-għażla tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal sabiex jimla l-impjieg maħluq u fir-rigward tan-natura tar-relazzjoni li torbothom ma’ membru tal-persunal”, dawn l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti, inkluż l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija ppreċiżat ukoll li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, jekk ikun il-każ, li eventwali rekwiżiti relatati mal-konoxxenzi lingwistiċi speċifiċi tal-kandidati għal kompetizzjoni jkunu oġġettivament iġġustifikati u proporzjonati għall-bżonnijiet reali tas-servizz.

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom u, b’mod partikolari, fid-determinazzjoni tal-kriterji ta’ kapaċità mitluba għall-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 1975, Deboeck vs Il‑Kummissjoni, 90/74, EU:C:1975:128, punt 29; tad‑9 ta’ Frar 1984, Fabius vs Il‑Kummissjoni, 39/83, EU:C:1984:52, punt 7, u tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punt 76). Għalhekk, l-istituzzjonijiet, bħall-EPSO, fejn dan tal-aħħar jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mill-imsemmija istituzzjonijiet, għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw, skont il-bżonnijiet tagħhom, il-kapaċitajiet li huma meħtieġa mill-kandidati li jkunu qegħdin jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jorganizzaw id-dipartimenti tagħhom b’mod xieraq u raġonevoli.

89      Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw, fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, l-osservanza tal-Artikolu 1d ta’ dawn ir-regolamenti, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa. Filwaqt li l-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu jipprevedi ċertament li limitazzjonijiet għal din il-projbizzjoni għandhom jkunu possibbli, dan huwa bil-kundizzjoni li dawn ikunu “[ġġustifikati] fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli”, u li jkunu “immirat[i] lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal”.

90      Għalhekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, bl-istess mod bħall-EPSO fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, hija obbligatorjament irregolata mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li d-differenzi fit-trattament ibbażati fuq il-lingwa li jirriżultaw minn limitazzjoni tas-sistema lingwistika ta’ kompetizzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali ma jistgħux jiġu aċċettati ħlief jekk tali limitazzjoni tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punt 88). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li s-setgħa diskrezzjonali tal-EPSO ma tistax teżentah mill-obbligu li josserva, b’mod partikolari, l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

91      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali hija msejħa teżerċita fuq differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa, bħal dik li tirriżulta mil-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, li tali limitazzjoni tista’, bħala prinċipju, tkun iġġustifikata skont l-interess tas-servizz, bil-kundizzjoni li dan l-interess ikun oġġettivament iġġustifikat u li l-livell ta’ konoxxenza lingwistika meħtieġa jirriżulta proporzjonali għall-bżonnijiet reali tas-servizz. Barra minn hekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li r-regoli li jillimitaw l-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq kriterji “ċari, oġġettivi u prevedibbli” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punti 88 u 90).

92      Sa fejn il-legalità ta’ limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni tiddependi għalhekk, konformement mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, min-natura ġġustifikata u proporzjonata tagħha, u li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din in-natura għandha tiġi enfasizzata minn kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata, li l-qrati tal-Unjoni huma intitolati jivverifikaw jekk il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni hijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz.

93      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 113 tas-sentenza appellata, irrikjediet b’mod żbaljat “indikazzjonijiet konkreti” sabiex tikkompleta l-motivazzjoni tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi fir-rigward tal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet, hemm lok li jiġi ppreċiżat li hija l-istituzzjoni li wettqet differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa li għandha tistabbilixxi li din hija tabilħaqq adatta sabiex tindirizza l-bżonnijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser jkunu mitluba jwettqu. Barra minn hekk, kwalunkwe kundizzjoni relatata mal-konoxxenzi lingwistiċi speċifiċi għandha tkun proporzjonata għal dan l-interess u għandha tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet ta’ din il-kundizzjoni u l-qrati tal-Unjoni jistħarrġu l-legalità tagħha (ara s-sentenza mogħtija llum, Spanja vs Il‑Parlament, C‑377/16, punt 69).

94      Għalhekk, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tistħarreġ jekk ir-regoli li jirregolaw il-kompetizzjonijiet inkwistjoni humiex konformi mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, hija kellha l-obbligu twettaq eżami in concreto ta’ dawn ir-regoli u taċ-ċirkustanzi partikolari inkwistjoni. Fil-fatt, tali eżami biss jista’ jippermetti li jiġu stabbiliti l-konoxxenzi lingwistiċi li jistgħu oġġettivament jiġu mitluba, fl-interess tas-servizz, mill-istituzzjonijiet fil-każ ta’ funzjonijiet speċifiċi u, għaldaqstant, jekk il-limitazzjoni fl-għażla tal-lingwi li jistgħu jintużaw sabiex jieħdu sehem f’dawn il-kompetizzjonijiet hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali pproċediet ġustament, b’mod partikolari fil-punt 113 tas-sentenza appellata, għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi, ir-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa jew il-provi prodotti mill-Kummissjoni kinux “indikazzjonijiet konkreti” li jippermettu li jiġi stabbilit, oġġettivament, l-eżistenza ta’ interess tas-servizz li jiġġustifika, f’dan il-każ, il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet.

96      Fit-tielet lok, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-motivazzjoni ddettaljata li tinsab fil-Linji Gwida Ġenerali dwar l-Użu tal-Lingwi u fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi kellha “evidentement”, fi kwalunkwe każ, kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli li jiġġustifikaw il-limitazzjoni għall-Ingliż, għall-Franċiż u għall-Ġermaniż tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li tali argument ma huwiex sostnut, b’tali mod li dan ma jistax jintlaqa’.

97      Min-naħa l-oħra, sa fejn, b’tali argument, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tikkontesta l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 110 sa 117 tas-sentenza appellata, tal-kontenut tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa, inkluż tal-Linji Gwida Ġenerali dwar l-Użu tal-Lingwi, u tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi kif ukoll tas-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiemha mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikolu 256 TFUE kif ukoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-appell għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali hija, għalhekk, unikament kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO, C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punt 50). Issa, il-Kummissjoni ma invokatx tali żnaturament.

98      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha

–       L-argumenti tal-partijiet

99      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-amministrazzjoni fil-punti 120 sa 144 tas-sentenza appellata u, b’mod partikolari, fil-punti 129 sa 131, 139, 140, 142 u 146 tagħha. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kellha tillimita ruħha li tistabbilixxi n-natura arbitrarja jew manifestament inadegwata tal-evalwazzjonijiet tal-EPSO dwar il-limitazzjoni għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni, peress li d-definizzjoni tal-politika tal-persunal u l-kriterji ta’ kapaċità tal-kandidati għal kompetizzjoni tinkludi evalwazzjonijiet kumplessi li jistgħu jkunu biss is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju limitat fit-tiftix għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni eventwali.

100    Ir-Repubblika Taljana tikkontesta dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

101    Fil-punti 118 sa 146 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali suċċessivament ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu, fl-ewwel lok, li t-tliet lingwi li għalihom l-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni kienet limitata fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxu lingwi prinċipali tad-deliberazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fit-tieni lok, li kważi t-traduzzjonijiet kollha tal-Kummissjoni għandhom isiru f’dawn it-tliet lingwi, fit-tielet lok, li dawn il-lingwi huma l-lingwi l-iktar mitkellma mill-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni u, fir-raba’ lok, li dawn il-lingwi huma l-lingwi l-iktar studjati u mitkellma, bħala lingwi barranin, fl-Istati Membri tal-Unjoni.

102    Sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali indebitament issostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-EPSO, għandu jitfakkar, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza, li, meta l-EPSO jiddetermina r-rekwiżiti lingwistiċi ta’ kompetizzjoni, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu hija, bħal dik tal-istituzzjonijiet li jafdawlu l-kompiti tagħhom, irregolata mir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħidu li kull differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa għandha tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata fid-dawl tal-bżonnijiet reali tas-servizz.

103    Ċertament, mill-prinċipji mfakkra fil-punt 88 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-EPSO fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika tal-persunal u tal-kriterji ta’ kapaċità li għandhom ikunu rikjesti, fl-interess tas-servizz, min-naħa tal-kandidati għal kompetizzjoni. Madankollu, kif ġie espost fil-punti 91 sa 94 ta’ din is-sentenza, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt fuq l-għażliet mwettqa mill-EPSO f’dan il-qasam sabiex jiġi żgurat li kull differenza fit-trattament bbażata fuq il-lingwa bejn il-kandidati ta’ kompetizzjoni jkunu, konformement mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, oġġettivament iġġustifikati u proporzjonati fid-dawl tal-bżonnijiet reali tas-servizz u li dawn l-għażliet huma bbażati fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli.

104    Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każ ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tikkontrolla jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39; tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 54, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 59).

105    Sabiex jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali ssostitwixxietx l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-EPSO fis-sentenza appellata u li għalhekk qabżet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, hemm lok li jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, il-punti 120 sa 126, 132 sa 138 u 141 sa 144 tas-sentenza appellata, li jirrigwardaw ir-raġunijiet imsemmija prinċipalment mill-Qorti Ġenerali.

106    Għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 120 sa 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, ċaħdet l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma l-lingwi prinċipali tad-deliberazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li din kienet “vaga u ġenerali”. F’dan ir-rigward, hija ddikjarat, b’mod partikolari, li din id-dikjarazzjoni ma kinitx ikkorroborata permezz tas-sistema lingwistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u lanqas minn dik tal-Parlament Ewropew. Hija żiedet, essenzjalment, li, anki jekk jitqies li din l-affermazzjoni hija eżatta, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, li uffiċjal irreklutat ġdid u li ma jkunx jaf tajjeb l-ebda lingwa ta’ deliberazzjoni ma jkunx kapaċi jaħdem minnufih. Sussegwentement, fil-punti 123 sa 126 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rilevanza tal-istatistika mressqa mill-Kummissjoni dwar id-dokumenti tradotti mid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni ta’ din l-istituzzjoni billi qieset, b’mod partikolari, li dawn ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li dawn it-tliet lingwi huma l-lingwi l-iktar użati fl-istituzzjonijiet kollha. Barra minn dan, fil-punti 132 sa 136 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni nisslet minn tabella mfassla minnha li turi l-lingwi li huma indikati l-iktar bħala lingwi prinċipali mill-uffiċjali u mill-membri tal-persunal tagħha. Hija qieset, minn naħa, li din it-tabella kienet issemmi biss il-persunal tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-informazzjoni dwar il-lingwa prinċipali tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal ta’ din l-istituzzjoni ma kinitx tippermetti, f’kull każ, li tiġi stabbilita l-proporzjoni tal-lingwi mitkellma minnhom, peress li dawn tal-aħħar għandhom ikunu jafu b’mod sodisfaċenti ta’ mill-inqas lingwa oħra, kif jeżiġi l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fl-aħħar nett, fil-punti 141 sa 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet statistika mressqa mill-Kummissjoni, li tgħid li l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma l-lingwi barranin l-iktar studjati u mitkellma fl-Unjoni Ewropea, minħabba li ma jistax jiġi preżunt li dawn l-istatistiċi jirriflettu l-konoxxenzi lingwistiċi tal-uffiċjali tal-Unjoni u li, fi kwalunkwe każ, dan il-fatt seta’ biss ikollu rilevanza jekk il-Kummissjoni weriet li l-limitazzjoni inkwistjoni kienet tirrifletti l-interess tas-servizz, li ma kienx il-każ.

107    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali kkritikat ċ-ċirkustanza li l-punti ta’ fatt ppreżentati mill-Kummissjoni insostenn tal-argumenti tagħha ma jsostnux il-konklużjonijiet li joħorġu minnhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali sempliċement evalwat ir-rilevanza u l-koerenza tal-ġustifikazzjonijiet u tal-provi prodotti minn din l-istituzzjoni. Ma tistax, għaldaqstant, tiġi kkritikata li ssostitwixxiet, f’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-EPSO.

108    Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha għal stħarriġ tal-iżball manifest tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-EPSO, hemm lok li jingħad ukoll li, fir-rigward tal-punti 89, 90 u 102 ta’ din is-sentenza, xejn ma jiġġustifika tali limitazzjoni fir-rigward tal-istħarriġ tal-fondatezza tal-motivi mressqa mill-EPSO sabiex tiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni.

109    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-punti 127 sa 131, kif ukoll 139 u 140 tas-sentenza appellata, meta qieset li, f’kull każ, il-limitazzjoni għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni ma tistax tkun iġġustifikata minħabba li d-data pprovduta mill-Kummissjoni turi b’mod partikolari d-differenza kunsiderevoli bejn l-użu tal-lingwa Ingliża meta mqabbla mal-lingwa Franċiża u, b’mod partikolari, dik Ġermaniża, dawn l-argumenti huma diretti kontra l-punti tas-sentenza appellata li jirrigwardaw motivi superfluwi.

110    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fl-evalwazzjoni mwettqa fuq dawn il-punti, tali fatt ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 57 u 61 ta’ din is-sentenza, għall-annullament tas-sentenza appellata. Konsegwentement, l-argumenti msemmija fil-punt 109 ta’ din is-sentenza huma ineffettivi.

111    Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment ineffettiva.

112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

 Fuq ir-raba’ aggravju, dwar il-limitazzjoni għal-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża tal-għażla tal-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO

 L-argumenti tal-partijiet

113    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fil-punti 183 sa 185 tas-sentenza appellata, fuq interpretazzjoni wiesgħa tal-punti 68 u 69 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), sabiex tikkonstata li r-Regolament Nru 1/58 kien kompletament applikabbli għall-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-EPSO. Skont il-Kummissjoni, dawn il-punti ta’ din l-aħħar sentenza jirrigwardaw l-obbligu li jiġu ppubblikati l-avviżi ta’ kompetizzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kandidati għal kompetizzjoni ma humiex “totalment esklużi” mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/58, hija qieset madankollu li dawn jibqgħu suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi li l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal kien jippermetti, fejn xieraq, li l-lingwi ta’ komunikazzjoni li jistgħu jintużaw fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jistgħu jiġu limitati.

114    Ir-Repubblika Taljana tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

115    Wara li fakkret, fil-punt 183 tas-sentenza appellata, li fil-passat kienet iddeċidiet li r-Regolament Nru 1/58 ma kienx applikabbli għar-relazzjonijiet bejn, minn naħa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom, li magħhom kellhom jiġu assimilati il-kandidati għal tali pożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kompliet bir-raġunament tagħha bil-mod kif ġej:

“184      Madankollu, wara s-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux iktar jibqgħu jitqiesu validi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet regolamentari speċjali applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fir-regoli tal-proċedura tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, l-ebda test ma jwassal għall-konklużjoni li r-relazzjonijiet bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom huma totalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1[/58]. A fortiori l-istess huwa l-każ, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-kandidati għal kompetizzjoni esterna li, bħala prinċipju, la huma uffiċjali u lanqas membri tal-persunal (sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punti 68 u 69).

185      F’dan r-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni […] marbut mal-assenza ta’ rilevanza ta’ din il-parti tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), fir-rigward tal-legalità tal-limitazzjoni tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO. Fil-fatt, f’din il-parti tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1[/58] għall-kandidati għal kompetizzjoni u kkonkludiet li dan kien applikabbli għalihom. Din il-konklużjoni hija rilevanti wkoll għall-kwistjoni mqajma mis-sitt motiv invokat mir-Repubblika Taljana [dwar il-legalità tal-limitazzjoni tal-lingwi li jistgħu jintużaw fil-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-EPSO].”

116    Peress li r-Regolament Nru 1/58 kien jirregola il-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-EPSO, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, li l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi kienu jiksru l-imsemmi regolament peress li dawn kienu jipprevedu li l-kandidati kienu marbuta jikkomunikaw mal-EPSO f’lingwa, magħżula minnhom, minn fost il-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża.

117    Hemm lok li jitfakkar, sa fejn dan l-aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), li r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza kien maqsum f’żewġ partijiet. Għalhekk, minn naħa, il-punti 62 sa 78 tal-imsemmija sentenza jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-motivi tar-Repubblika Taljana rigward l-assenza ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-punti 79 sa 98 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-motivi bbażati fuq il-fatt li dawn l-avviżi ta’ kompetizzjoni jimponu l-għażla tal-lingwa Ingliża, Franċiża jew Ġermaniża bħala l-lingwa 2 tal-kompetizzjoni, il-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO kif ukoll il-lingwa li għandha tintuża għall-eżamijiet tal-kompetizzjoni.

118    Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet regolamentari speċjali applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal fir-regoli tal-proċedura tal-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi, l-ebda test ma kien jippermetti li jiġi konkluż li r-relazzjonijiet bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom huma totalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/58. Minn dan hija ddeduċiet li din il-konklużjoni kellha tapplika, a fortiori, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-kandidati għal kompetizzjoni esterna.

119    Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 62 sa 78 ta’ din is-sentenza, din il-kjarifika dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/58 f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-kandidati għall-kompetizzjoni, ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, mhux fir-rigward tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati, iżda dwar il-lingwi ta’ pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punt 71 ta’ dik is-sentenza, li l-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi f’dik il-kawża kellhom jiġu ppubblikati b’mod sħiħ f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/58.

120    Min-naħa l-oħra, fil-parti tal-motivazzjoni tagħha ddedikata għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni għall-Ingliż, għall-Franċiż u għall-Ġermaniż u, b’mod partikolari, tal-kundizzjoni li tgħid li dawn it-tliet lingwi kienu l-uniċi lingwi ta’ komunikazzjoni aċċettati mill-avviżi tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 88 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), li, matul il-proċeduri ta’ selezzjoni tal-persunal tal-Unjoni, differenzi fit-trattament għal dak li jirrigwarda s-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet jistgħu jkunu awtorizzati, skont l-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk huma ġġustifikati b’mod oġġettiv u raġonevoli minn għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Minn dan il-punt jirriżulta li, matul il-proċeduri ta’ selezzjoni tal-persunal tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu imposti obbligi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

121    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha dwar il-kwistjoni tal-lingwi imposti għall-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-EPSO biss fil-punti 79 sa 98 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), il-Qorti Ġenerali ma setgħetx validament tiddeduċi mill-punti 68 u 69 tal-imsemmija sentenza, fil-punti 184 u 185 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-lingwi li setgħu jintużaw f’dawn il-komunikazzjonijiet kienu ddeterminati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/58.

122    Konsegwentement, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 184 sa 188 tas-sentenza appellata, sabiex tiddikjara, b’analoġija, li r-Regolament Nru 1/58 kien jirregola, b’mod simili għal dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-pubblikazzjoni ta’ avviżi ta’ kompetizzjoni, kull limitazzjoni tal-lingwi uffiċjali imposti għall-komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati tal-kompetizzjonijiet, huwa żbaljat.

123    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 204 sa 211 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, żiedet li, fi kwalunkwe każ, il-motivi mressqa sabiex jiġġustifikaw l-għażla tal-lingwi ta’ komunikazzjoni ma setgħux jiġġustifikaw, skont l-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi ta’ komunikazzjoni mal-EPSO.

124    F’dan ir-rigward, għalkemm ma huwiex eskluż li l-interess tas-servizz jista’ jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali l-iktar magħrufa fl-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C‑361/01 P, EU:C:2003:434, punt 94), u dan anki fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ta’ natura ġenerali, bħal dik imsemmija fl-“Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali – EPSO/AD/276/14 – Amministraturi (AD 5)”, tali limitazzjoni għandha madankollu, fid-dawl tar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 92 u 93 ta’ din is-sentenza, obbligatorjament tistrieħ fuq elementi oġġettivament verifikabbli, kemm mill-kandidati għall-kompetizzjoni kif ukoll mill-qrati tal-Unjoni, li jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw il-konoxxenzi lingwistiċi meħtieġa, li għandhom ikunu proporzjonati għall-bżonnijiet reali tas-servizz.

125    Madankollu, peress li l-avviżi tal-kompetizzjonijiet ma jipprevedux tali elementi li jippermettu li jiġu kkonstatati r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO għal waħda mit-tliet lingwi magħżula bħala l-lingwa 2 tal-kompetizzjonijiet, dawn l-avviżi ġew adottati bi ksur tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha, fi kwalunkwe każ, tilqa’ r-rikors tar-Repubblika Taljana inkwantu dan kien jirrigwarda din il-limitazzjoni.

126    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżball ta’ liġi, espost fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, li bih hija vvizzjata s-sentenza appellata ma huwiex ta’ natura li jinvalida din tal-aħħar.

127    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud ir-raba’ aggravju kif ukoll, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell.

 Fuq l-ispejjeż

128    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

129    Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Taljana.

130    L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprevedi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk esposti mir-Repubblika Taljana.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.