Language of document : ECLI:EU:C:2012:554

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawża C‑456/11

Gothaer Allgemeine Versicherung AG,

ERGO Versicherung AG,

Versicherungskammer Bayern-Versicherungsanstalt des öffentlichen Rechts,

Nürnberger Allgemeine Versicherungs AG,

Krones AG

vs

Samskip GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Bremen (il-Ġermanja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Kunċett ta’ ‘deċiżjoni’ – Deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti ta’ Stat Membru tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni – Deċiżjoni bbażata fuq il-konstatazzjoni tal-validità u tal-portata ta’ klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati Irlandiżi – Effett – Portata”






1.        Deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti ta’ Stat Membru tiddikjara ruħha, fil-parti dispożittiva, “mingħajr ġurisdizzjoni” wara li tkun, fil-motivi, irrikonoxxiet il-validità ta’ klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-Qorti ta’ Stat Membru terz, tobbliga lill-Qorti ta’ Stat Membru ieħor, li titressaq it-talba quddiemha, li tiddikjara lilha nnifisha wkoll li ma għandhiex ġurisdizzjoni?

2.        Din hija, essenzjalment, il-kwistjoni mressqa mil-Landgericht Bremen (il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minn Krones AG u l-assiguraturi tagħha kontra Samskip GmbH sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit waqt it-trasport ta’ merkanzija.

3.        B’din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex tinterpreta l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2), rispettivament iddedikati għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sentenza”, skont ir-Regolament Nru 44/2001, u tal-prinċipju tar-rikonoxximent awtomatiku ta’ kull “deċiżjoni” mogħtija fi Stat Membru.

I –    Il-kuntest ġuridiku

4.        Il-premessi 2, 6, 15 u 16 tar-Regolament Nru 44/2001 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[…]

(6)      Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.

[…]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.

(16)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.”

5.        L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.”

6.        L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.

2.      Xi parti interessata li tqajjem rikonoxximent ta’ sentenza bħala s-suġġet prinċipali fi kwestjoni tista’, bi qbil mal-proċeduri li hemm disposizzjoni dwarhom f’Sezzjonijiet 2 u 3 ta’ dan il-Kapitolu, japplika għal deċiżjoni li s-sentenza tiġi rikonoxxuta.

3.      Jekk ir-riżultat tal-proċedimenti f’qorti ta’ Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta’ kwistjoni inċidentali tar-rikonoxximent, dik il-qorti għandha jkollha ġurisdizzjoni fuq dak il-każ.”

7.        Skont l-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1)      jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

2)      meta jkun b’nuqqas ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk;

3)      jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

4)      jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, basta illi dik is-sentenza aktar kmieni twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat.”

8.        L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“1.      Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

2.      Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.      Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

II – Il-kawża prinċipali

9.        Krones AG, kumpannija Ġermaniża li għandha bħala assiguraturi tat-trasport lil Gothaer Allgemeine Versicherung AG, ERGO Versicherung AG, Versicherungskammer Bayern-Versicherungsanstalt des öffentlichen Rechts u Nürnberger Allgemeine Versicherungs AG (3), li kienet biegħet installazzjoni ta’ birrerija lil impriża Messikana, inkarigat lil Samskip GmbH, sussidjarja Ġermaniża ta’ Samskip Holding BV, impriża tat-trasport u ta’ loġistika fondata fl-Islanda u stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), sabiex torganizza u twettaq it-trasport ta’ din l-installazzjoni mill-Belġju lejn il-Messiku taħt polza ta’ karigu li kienet tinkludi klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati Islandiżi.

10.      Wara li sostnew li l-merkanzija kienet ġiet danneġġjata waqt it-trasport, id-destinatarju u Gothaer et, fit-30 ta’ Awwissu 2007, ressqu lil Samskip GmbH quddiem il-Qrati Belġjani.

11.      B’sentenza dikjarattiva tal-5 ta’ Ottubru 2009, il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerp (il-Belġju) iddikjarat ruħha, fil-parti dispożittiva ta’ din is-sentenza, “mingħajr ġurisdizzjoni” wara li qieset, fil-motivi tas-sentenza, li l-klawżola fil-polza ta’ karigu li kienet tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati Islandiżi kienet valida u li, għalkemm Gothaer et setgħu jaġixxu bħala aventi causa għad-drittijiet ta’ Krones AG, dawn il-kumpanniji kienu marbuta b’din il-klawżola.

12.      Peress li f’Settembru 2010, Krones AG u Gothaer et ressqu azzjoni għal kumpens ġdida quddiem il-qrati Ġermaniżi, il-Landgericht Bremen, li kellha dubji fir-rigward tal-effetti legali prodotti mis-sentenza mogħtija fil-Belġju, iddeċidiet, b’deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2011, li tissospendi l-proċeduri quddiemha.

III – Id-domandi preliminari

13.      Il-Landgericht Bremen ressqet id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta ‘sentenza’ fil-prinċipju jinkludi wkoll is-sentenzi li sempliċement jiddikjaraw li ma humiex sodisfatti r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tal-proċedura (magħrufa bħala sentenzi ta’ ammissibbiltà)?

2)      L-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta ‘sentenza’ fil-prinċipju jinkludi wkoll sentenza li ttemm l-istanza u li permezz tagħha tiġi miċħuda l-ġurisdizzjoni internazzjonali minħabba ftehim dwar il-ġurisdizzjoni?

3)      L-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-prinċipju tal-estensjoni tal-effetti (sentenza tal-4 ta’ Frar 1988, Hoffmann, C‑145/86, Ġabra p. 645), fis-sens li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet tal-qrati ta’ Stati Membri oħra dwar l-effettività ta’ ftehim dwar il-ġurisdizzjoni bejn il-partijiet meta, taħt il-liġi nazzjonali tal-ewwel qorti, id-dikjarazzjoni dwar l-effettività ta’ ftehim dwar il-ġurisdizzjoni hija res judicata, anki jekk is-sentenza f’dan ir-rigward hija parti ta’ riżoluzzjoni ta’ ammissibbiltà li tiċħad tali talba?”

IV – L-evalwazzjoni tiegħi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      Fuq l-ammissibbiltà u l-portata tad-domandi preliminari

14.      Sabiex tiġi ppreċiżata l-portata tad-domandi, għandu jiġi enfasizzat li l-kawża prinċipali tifforma parti mill-kuntest ta’ proċedura ta’ rikonoxximent inċidentali ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti tal-Appell ta’ Antwerp iddikjarat ruħha “mingħajr ġurisdizzjoni”. Għalkemm din id-deċiżjoni hija, skont il-Landgericht Bremen, ikkwalifikata bħala “Prozessurteil” (sentenza dwar l-ammissibbiltà) mid-dritt Ġermaniż, xorta jibqa’ l-fatt li l-ewwel domanda, li tirrigwarda d-deċiżjonijiet kollha “li jintemmu bil-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet proċedurali għall-ammissibbiltà […] ma humiex sodisfatti”, għandha portata wiesgħa ħafna.

15.      L-istess bħal Krones AG u Gothaer et, nikkunsidra li l-portata tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

16.      F’dan is-sens, nipproponi li l-ewwel żewġ domandi jiġu eżaminati flimkien billi ssir riformulazzjoni tagħhom. Fil-fatt, b’dawn iż-żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “sentenza”, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001, jinkludix fih sentenza li biha l-qorti ta’ Stat Membru tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni, minkejja li din id-deċiżjoni hija kkwalifikata bħala “sentenza fuq l-ammissibbiltà ” mil-liġi tal-Istat Membru li fih tressqet il-kawża.

17.      Fir-rigward tat-tielet domanda, għandha tiġi rrilevata n-natura ambigwa tal-espressjoni “dikjarazzjoni […] [li] hija res judicata”. Għalkemm din l-espressjoni tidher li tirreferi għall-eżawriment tar-rimedji, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dubji tal-Landgericht Bremen fir-realtà jiġu mill-fatt li l-konstatazzjoni kkontestata, dwal il-kompetenza tal-Qrati Islandiżi abbażi tal-klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni, tinsab fil-motivi tas-sentenza u mhux mill-parti dispożittiva tagħha.

18.      Konsegwentement, inqis li t-tielet domanda għandha tinftiehem fit-termini segwenti. Għandu jiġi stabbilit, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel żewġ domandi, jekk l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti li quddiemha huwa invokat ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-qorti ta’ Stat Membru ieħor irrinunzjat għall-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni hija marbuta mill-konstatazzjoni dwar il-validità u l-portata ta’ din il-klawżola, li tidher fil-motivi tad-deċiżjoni.

2.      Fuq l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tal-Konfederazzjoni Svizzera

19.      Il-Konfederazzjoni Svizzera hija parti għall-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 (4). Il-Konvenzjoni ta’ Lugano, imsejħa “parallela”, testendi għar-Renju tad-Danimarka, għar-Repubblika tal-Islanda, għar-Renju tan-Norveġja u għall-Konfederazzjoni Svizzera l-kważi totalità tar-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari dawk relattivi għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ sentenza li tista’ tiġi rrikonoxxuta kif ukoll dwar il-metodi ta’ rikonoxximent. B’hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 32 u 33 ta’ dan ir-regolament mill-Qorti tal-Ġustizzja ser tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-Artikoli korrispondenti li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Lugano.

20.      B’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 64(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano u tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-interpretazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni u dwar il-Kumitat Permanenti, il-Konfederazzjoni Svizzera għandha locus standi sabiex tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-proċedura rregolata mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, osservazzjonijiet fl-okkażjoni ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

B –    Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

21.      Bl-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “sentenza”, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001, jinkludix fih sentenza li permezz tagħha l-qorti ta’ Stat Membru tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, minkejja li din is-sentenza hija kkwalifikata bħala “sentenza dwar l-ammissibbiltà” mil-liġi tal-Istat Membru li fih tressqet l-azzjoni.

1.      L-osservazzjonijiet tal-partijiet

22.      Samskip GmbH, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Belġju, tal-Awstrija u tal-Isvizzera kif ukoll il-Kummissjoni, min-naħa waħda, u Krones AG u Gothaer et, min-naħa l-oħra, jagħtu interpretazzjoni diametrikament opposta tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001.

23.      Għall-ewwel grupp, il-kunċett ta’ sentenza jinkludi s-sentenzi li jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali abbażi ta’ klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni.

24.      Abbażi tal-kliem u tal-oriġini tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll tal-ekonomija ġenerali u tal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, Samskip GmbH tosserva li jkun imur kontra l-għan tal-ħolqien ta’ spazju ġudizzjarju Ewropew uniformi jekk mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 32 u 33 tar-regolament imsemmi jiġu esklużi b’mod ġenerali d-deċiżjonijiet li huma kkwalifikati bħala “sentenzi dwar l-ammissibbiltà” kemm jekk abbażi tal-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini, jew tal-liġi tal-Istat Membru li fih issir l-azzjoni. Skont Samskip GmbH, għalkemm jista’ jkun hemm dubji dwar il-punt jekk deċiżjonijiet proċedurali intermedjarji, bħal ordni dirett lejn parti sabiex tidher quddiem il-qorti personalment jew deċiżjoni li tordna miżura ta’ investigazzjoni jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “sentenzi”, skont l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001, din il-kwistjoni hija nieqsa mill-portata prattika peress li tali deċiżjonijiet ma jistgħux joħolqu effetti transkonfinali vinkolanti. Min-naħa l-oħra, deċiżjoni li tiddikjara talba inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li tressqet l-azzjoni quddiemha u li twaqqaf l-istanza tista’ toħloq effetti lil hinn mill-fruntieri u għalhekk għandha tiġi rrikonoxxuta. Fin-nuqqas, ir-rikorrent ikun jista’ jinjora din id-deċiżjoni u jerġa’ jressaq rikors quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor, liema ħaġa tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 44/2001, li huwa dak li jiġu evitati proċeduri doppji jew paralleli kif ukoll id-deċiżjonijiet potenzjalment kontradittorji.

25.      Il-Gvern Ġermaniż iqis, fl-istess sens, li mill-kliem, mill-għan u mill-finalità tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li s-sentenzi fuq l-ammissibbiltà relattivi għall-konstatazzjoni tal-ġurisdizzjoni jew tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali għandhom jitqiesu bħala deċiżjonijiet li jistgħu jiġu rrikonoxxuti, filwaqt li jippreċiża li l-effett ta’ dan ir-rikonoxximent ma jistax imur lil hinn minn din il-konstatazzjoni. Skont dan il-gvern, li jirreferi għar-Rapport dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, imfassal minn P. Jénard (5), il-prinċipju tal-estensjoni tal-effett, stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja għas-sentenzi fuq il-mertu (6), għandu jiġi traspost għal sentenza dwar l-ammissibbiltà li permezz tagħha l-qorti tal-oriġini tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni jew li ma għandhiex ġurisdizzjoni internazzjonalment. B’riferenza għall-premessi 2 u 15 kif ukoll għall-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 44/2001, dan iqis, barra minn hekk, li sistema bbażata fuq regoli li jistgħu jiġu interpretati minn kull Qorti tal-Unjoni Ewropea bl-istess ġurisdizzjoni (7) tapplika għall-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Qrati tal-Istati Membri, u li l-konstatazzjonijiet fir-rigward tal-ġurisdizzjoni magħmula mill-qrati ta’ Stat Membru għandhom jiġu aċċettati mill-qrati tal-Istati Membri l-oħra.

26.      Il-Gvern Belġjan iqis li n-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ sentenza fir-Regolament Nru 44/2001 jippermetti interpretazzjoni wiesgħa tiegħu, li hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (8).

27.      Filwaqt li jsostni li r-riflessjoni għandha tibda’ mill-ħtieġa ta’ interpretazzjoni favorevoli għall-integrazzjoni, il-Gvern Awstrijaku, li jirreferi għar-Rapport Jénard u għar-Rapport dwar il-konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 relattiva għall-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll għall-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Ġustizzja, imfassal minn P. Schlosser (9), jesponi li s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell ta’ Antwerp, li stabbilixxiet b’mod definittiv ir-relazzjonijiet legali tal-partijiet fil-kawża, għandha, anki jekk biss fl-interess tal-ikbar koerenza possibbli tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni, tkun koperta mill-kunċett ta’ “sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001, u għandha tibbenefika mis-sistema ta’ rikonoxximent stabbilita fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament.

28.      Il-Gvern Svizzeru jirrileva li la r-regolament imsemmi u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Lugano ma jagħmlu distinzjoni bejn is-sentenzi dwar l-ammissibbiltà u s-sentenzi fuq il-mertu. Dan iżid jgħid li l-kwistjoni jekk sentenza tistax tiġi rikonoxxuta jew eżegwita ma tistax tiddependi mill-kwalifika tas-sentenza fl-Istat tal-oriġini. Filwaqt li josserva li s-sentenzi “li jikkonkludu bil-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet proċedurali ta’ ammissibbiltà ma humiex sodisfatti” ma jikkostitwixxux kategorija omoġenja, il-Gvern Svizzeru jqis li għandu jiġi mfittex jekk is-sentenza li huwa mitlub ir-rikonoxximent tagħha tikkonċernax kundizzjoni ta’ ammissibbiltà magħmula uniformi mir-Regolament Nru 44/2001 u mill-Konvenzjoni ta’ Lugano u jekk, skont il-liġi tal-Istat ta’ oriġini, din id-deċiżjoni toħloqx effett vinkolanti li jmur lil hinn mill-proċedura ta’ oriġini, liema ħaġa tippresupponi li l-qorti tal-oriġini eżaminat din il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni, u mhux biss b’mod sommarju.

29.      Filwaqt li tibbaża ruħha, bħal Samskip GmbH, kemm fuq il-kliem tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll fuq l-ekonomija ġenerali ta’ dan ir-Regolament u fuq l-għan tiegħu, hekk kif dan jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 2 u 6 tiegħu, il-Kummissjoni tqis li għandu jiġi ammess li sentenza li hija limitata għad-dikjarazzjoni tal-inammissibbiltà ta’ azzjoni fin-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tidħol, bħal sentenza fil-mertu, fil-kamp tal-kunċett ta’ “sentenza”, skont l-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament. Fil-fehma tagħha, l-esklużjoni tar-rikonoxximent tas-sentenzi dwar l-ammissibbiltà tikser il-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll iċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jeskludi l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Istat Membru tal-oriġini u jistabbilixxi li l-kriterju tal-ordni pubbliku ma jistax jiġi applikat għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni, filwaqt li l-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li s-sentenza tal-Istat Membru tal-oriġini ma tista’ fl-ebda każ tkun is-suġġett ta’ reviżjoni fil-mertu. Din tosserva wkoll li, għalkemm, skont ir-Rapport Jénard, id-deċiżjonijiet li għadhom ma sarux res judicata jistgħu jiġu rrikonoxxuti, l-istess għandu japplika a fortiori għas-sentenzi li jiddeċiedu b’mod definittiv dwar il-kompetenza internazzjonali.

30.      Krones AG issostni l-pożizzjoni inversa billi tirreferi għall-kontenut ta’ dokument imfassal fuq talba tagħha minn R. Geimer (10), anness mal-osservazzjonijiet tagħha, li minnu kien jirriżulta li “skont duttrina iktar u iktar avvanzata”, l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 kien jikkonċerna biss is-sentenzi fil-mertu, u mhux dawk li jiċħdu azzjoni minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li tressqet l-azzjoni quddiemha.

31.      Madankollu, filwaqt li jesponu li s-sentenzi dwar l-ammissibbiltà ma humiex deċiżjonijiet li jistgħu jiġu rrikonoxxuti u li t-tieni domanda hija irrilevanti, u filwaqt li jirreferu għall-iżviluppi li jinsabu fid-dokument anness mal-osservazzjonijiet ta’ Krones AG, Gothaer et jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi fis-sens li l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sentenzi dwar l-ammissibbiltà u dawk li jiċħdu l-ġurisdizzjoni internazzjonali minħabba li jeżisti ftehim li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni jifformaw parti mill-kunċett ta’ sentenza.

2.      L-evalwazzjoni tiegħi

32.      L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sentenza”, skont ir-regolament imsemmi, bħala “xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti”.

33.      Hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa u applikazzjoni uniformi tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri kollha, il-kunċetti li jinsabu fir-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u awtonomu, billi prinċipalment issir riferenza għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament (11). Minn dan jirriżulta li l-kwalifika bħala “sentenza” ma tistax tkun dipendenti fuq id-denominazzjoni tal-att skont id-dritt tal-Istat Membru tal-oriġini jew skont dak tal-Istat Membru rikjest. B’hekk, il-kwalifika bħala “deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà” adottata mil-liġi Ġermaniża tista’ tiġi kkunsidrata bħala irrilevanti.

34.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001, li tgħid li għandha tiġi żgurata l-kontinwità fl-interpretazzjoni bejn il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (12) u dan ir-regolament, iddeċidiet b’mod ripetut li, sa fejn dan ir-Regolament jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna lil din il-Konvenzjoni tapplika wkoll għar-Regolament Nru 44/2001, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu u dawk tal-Konvenzjoni msemmija jistgħu jiġu kkwalifikat bħala ekwivalenti (13).

35.      Issa, dan huwa l-każ tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001, li jirriproduċi d-definizzjoni li kienet tinsab fl-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li minnha l-ġurisprudenza ħarġet tliet kriterji.

36.      L-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji huwa organiku. L-att inkwistjoni għandu jiġi adottat minn qorti, jiġifieri minn organu li aġixxa b’mod indipendenti meta mqabbel mal-organi l-oħra tal-Istat u b’mod imparzjali. Dan il-kriterju jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 u ġie mfakkar kemm-il darba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (14).

37.      It-tieni kriterju, indissoċjabbli minn dak preċedenti, huwa ta’ natura proċedurali. Dan jeħtieġ li l-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tas-sentenza tkun saret fl-osservanza tad-drittijiet tad-difiża. L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi l-kwalifika bħala “sentenza” tal-miżuri provviżorji u kawtelatorji, mogħtija mingħajr ma l-parti li dawn kienu diretti kontriha ma ġiet imsejħa sabiex tidher u intiżi sabiex jiġu eżegwiti mingħajr ma ġew innotifikati minn qabel (15). Madankollu, din qieset li, sabiex sentenza tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta, kien biżżejjed li din tkun is-suġġett ta’ investigazzjoni kontradittorja qabel il-mument meta jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru differenti mill-Istat tal-oriġini, b’tali mod li din ikkunsidrat li jifformaw parti mill-kunċett ta’ sentenza deċiżjoni provviżorja adottata b’mod mhux kontradittorju, iżda li tista’ tiġi kkontestata (16), ordni ta’ ħlas (17) jew sentenza mogħtija fil-kontumaċja, mingħajr eżami preliminari tal-fondatezza tat-talba (18).

38.      It-tielet kriterju huwa materjali. Is-sentenza hija kkaratterizzata mill-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali min-naħa tal-organu ġudizzjarju li jadottaha. Dan il-kriterju jimplika li ssir distinzjoni skont jekk l-awtorità għandhiex rwol deċiżjonali jew jekk hijiex limitata sabiex tiżgura funzjoni iktar passiva, li tikkonsisti, pereżempju, f’li tisma’ r-rieda tal-partijiet fl-istanza. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “sabiex ikun jista’ tiġi kkwalifikat bħala ‘sentenza’ […], l-att irid jinħareġ minn korp ġudizzjarju […] li jiddeċiedi huwa stess, fuq il-punti kontenzjużi bejn il-partijiet [(19)]” (20). Minn dan, hija kkonkludiet li tranżazzjoni legali, li għandha karattru essenzjalment kuntrattwali, fis-sens li l-kontenut tagħha jiddependi qabel kollox mir-rieda tal-partijiet, ma tikkostitwixxix sentenza (21).

39.      Il-ġurisprudenza ma stabbilixxietx kriterji oħrajn, b’tali mod li l-kunċett ta’ sentenza jista’ jinkludi fih kemm is-sentenzi extra-ġudizzjarji kif ukoll is-sentenza kontenzjużi, is-sentenzi provviżorji (22) jew kawtelatorji, bħal dawk li huma definittivi, jew inkella d-deċiżjonijiet li saru irrevokabbli, bħal dawk li kontra tagħhom għadu jista’ jitressaq appell.

40.      Peress li dawn it-tliet kriterji jiġu sodisfatti f’każ ta’ sentenza, bħal dik mogħtija mill-Qorti tal-Appell ta’ Antwerp, li tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali, inqis li dan it-tip ta’ sentenza tidħol fid-definizzjoni ta’ “sentenza”, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001.

41.      Din is-soluzzjoni hija sostnuta mill-kliem, mill-għanijiet u mill-ekonomija ġenerali ta’ dan ir-regolament.

42.      Fl-ewwel lok, it-termini tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ sentenza huma suġġetti għal interpretazzjoni estensiva jew, pjuttost, mhux restrittiva, peress li dan jirrigwarda “kull” sentenza, indipendentement mid-denominazzjoni tagħha jew mill-kundizzjonijiet tat-tfassil tagħha, u “għandu portata ġenerali” (23).

43.      Dan l-approċċ huwa kkonfermat mir-Rapporti Jénard u Schlosser, li l-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba għamlet riferenza għalihom.

44.      Għalhekk, fir-Rapport Jénard hemm indikat li d-definizzjoni tinkludi fiha “kull sentenza tkun xi tkun id-denominazzjoni li tingħatalha” (24) mogħtija f’materji ċivili u kummerċjali, u li jistgħu jiġu rrikonoxxuti s-sentenzi provviżorji u s-sentenzi mogħtija f’materji ta’ ġurisdizzjoni extra-ġudizzjarja, kemm jekk ikunu res judicata jew le.

45.      Bl-istess mod, skont ir-Rapport Schlosser, dan il-kliem ikopri s-sentenzi kollha, anki interlokutorji “li jirrigwardaw il-konstatazzjoni jew ir-regolament tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet” (25). Dan ir-Rapport, li jikkonstata li deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru bħala sentenza dwar l-ammissibbiltà tista’ tkun sentenza fil-mertu fi Stat ieħor, jindika li konstatazzjoni dehret evidenti għall-grupp ta’ esperti, jiġifieri li “[i]s-sentenzi li jiddikjaraw azzjoni inammissibbli għandhom jiġu rrikonoxxuti” (26), u jippreċiża li, “[m]eta Qorti Ġermaniża tkun iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni, Qorti Ingliża ma tistax tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha stess għar-raġuni li l-Qorti Ġermaniża fil-fatt kellha ġurisdizzjoni” (27).

46.      Fit-tieni lok, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001. Mill-premessi 2, 6, 16 u 17 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jiżgura l-moviment liberu tas-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri f’materji Ċivili u Kummerċjali billi jiġu ssimplifikati l-formalitajiet fid-dawl tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni mħaffa u sempliċi tagħhom (28). Barra minn hekk, mill-premessi 11, 12 u 15 tar-regolament imsemmi jirriżulta li dan huwa intiż ukoll sabiex jiżgura l-prevedibbiltà tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u, għalhekk, iċ-ċertezza legali għall-individwi, li jiżgura l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u li jnaqqas ir-riskji ta’ proċeduri fl-istess ħin (29).

47.      Dawn l-għanijiet, li huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, fejn kull wieħed huwa marbut li jirrikonoxxi l-ekwivalenza tal-ġustizzja deċiża mill-oħrajn, ikunu serjament kompromessi jekk is-sentenzi dwar il-ġurisdizzjoni jkunu esklużi mill-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi stabbilit mir-Regolament Nru 44/2001.

48.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jkun imur direttament kontra l-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jekk jiġi ammess li, meta qorti ta’ Stat Membru tkun ivverifikat il-ġurisdizzjoni tagħha, il-parti li tkun trid tikkontesta s-sentenza mogħtija tkun tista’ tressaq azzjoni quddiem il-qrati ta’ Stati Membri oħra, meta din ikun imissha tuża r-rimedji stabbiliti mil-liġi tal-ewwel Stat Membru.

49.      Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ekonomija ġenerali tar-Regolament Nru 44/2001 u, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tiegħu relattivi għall-motivi ta’ ċaħda ta’ rikonoxximent tas-sentenzi barranin u minn dawk intiżi sabiex jirregolaw is-sitwazzjonijiet ta’ lis alibi pendens sabiex jiġu evitati s-sentenzi konfliġġenti.

50.      L-elenkar limitat tal-motivi ta’ ċaħda tar-rikonoxximent tas-sentenzi barranin juri r-rieda li jiġi ffavorit ir-rikonoxximent tagħhom, anki meta l-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini tkun iddeċidiet biss dwar il-ġurisdizzjoni tagħha.

51.      Minħabba l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-istabbiliment ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni komuni, li l-qrati kollha tal-Istati Membri huma marbuta li josservaw, ir-Regolament Nru 44/2001 jeskludi, bħala prinċipju, l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat tal-oriġini, kemm jekk dan isir direttament, permezz tal-istħarriġ tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt jew tal-kriterji ta’ kompetenza li fuqhom tkun ibbażat ruħha din il-qorti (30), jew indirettament, permezz tal-ordni pubbliku (31), filwaqt li jeskludi, bl-istess mod, kull reviżjoni fil-mertu tad-deċiżjoni barranija. Skont ir-Rapport Jénard, “[i]n-nuqqas ta’ reviżjoni fil-mertu jimplika fiduċja sħiħa fil-qorti tal-Istat tal-oriġini; din il-fiduċja fir-rigward tal-fondatezza tas-sentenza għandha normalment tkun estiża għall-applikazzjoni li għamlet il-qorti tar-regoli tal-ġurisdizzjoni” (32).

52.      Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet relattivi għas-soluzzjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ lis alibi pendens huma kkaratterizzati mill-obbligu tal-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fit-tieni lok, li tiddeżisti ruħha favur il-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fl-ewwel lok, meta l-ġurisdizzjoni tagħha tkun stabbilita (33). Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (34), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fit-tieni lok u li l-ġurisdizzjoni tagħha ġiet invokata abbażi ta’ klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, għandha madankollu tissospendi l-proċeduri quddiemha sa kemm il-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fl-ewwel lok tkun iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni.

53.      Fil-fehma tiegħi, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-Regolament Nru 44/2001 jinkludi mas-sentenzi li jistgħu jiġu rrikonoxxuti, lil dawk li permezz tagħhom il-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fl-ewwel lok tkun iddeċidiet dwar il-ġurisdizzjoni tagħha, kemm jekk din tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni kif ukoll jekk din tkun, b’mod kuntrarju, iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni.

54.      Is-soluzzjoni hija neċessarja meta l-qorti tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni.

55.      Jekk il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini, fl-istess sentenza, tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni u tkun iddeċidiet fuq il-mertu tat-talba, il-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fit-tieni lok u li terġa’ tażamina l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni u tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni twettaq ksur doppju tal-prinċipju tan-nuqqas ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini u tal-projbizzjoni ta’ kull reviżjoni fil-mertu tas-sentenza barranija. F’każ li l-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni, iżda tiddeċiedi li tissospendi l-proċeduri fuq il-mertu sabiex, pereżempju, il-partijiet li ressqu talba esklużivament dwar il-ġurisdizzjoni jkunu jistgħu jinvokaw l-osservazzjonijiet tagħhom, jekk il-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fit-tieni lok titħalla terġa’ teżamina l-ġurisdizzjoni, dan ikun imur direttament kontra r-regola tar-rinunzja stabbilita fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

56.      Fil-fehma tiegħi, għandha tiġi adottata l-istess soluzzjoni meta l-qorti tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha. Żewġ raġunijiet essenzjali jidderiġu f’dan is-sens.

57.      L-ewwel waħda hija legali. Is-sentenza ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, li ttemm l-istanza, għandha, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sentenza”, fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001, l-istess karatteristiċi bħal sentenza li permezz tagħha l-qorti tirrikonoxxi li għandha ġurisdizzjoni. Bħal din, hija tingħata minn organu ġudizzjarju li, għalkemm ma għandux is-setgħa li jiddeċiedi l-kawża li għaliha jiddikjara li ma għandux ġurisdizzjoni, madankollu, jeżerċita livell ta’ setgħa ġurisdizzjonali minimu meta jiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tiegħu stess.

58.      It-tieni raġuni hija ta’ natura prattika. Din hija relatata mal-fatt li r-rikonoxximent tas-sentenza ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jippermetti li jiġi pprevenut ir-riskju ta’ kunflitt negattiv ta’ ġurisdizzjoni, li r-Regolament Nru 44/2001 ukoll ried jevita. Issa, kunflitt ta’ dan it-tip jista’ jinħoloq jekk il-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fit-tieni lok tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza mogħtija preċedentement u tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni minħabba li kienet kompetenti l-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fl-ewwel lok.

59.      Dawn huma r-raġunijiet għalfejn nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi li l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li tifforma parti mill-kunċett ta’ “sentenza”, skont dan ir-regolament, is-sentenza li permezz tagħha l-qorti ta’ Stat Membru tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, kemm jekk din tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni jew li ma għandhiex ġurisdizzjoni, u huwa irrilevanti li din is-sentenza tiġi kkwalifikata bħala “sentenza dwar l-ammissibbiltà” mil-liġi tal-Istat Membru li fih tressqet l-azzjoni.

C –    Fuq it-tielet domanda

60.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti li quddiemha ġie invokat ir-rikonoxximent ta’ sentenza li permezz tagħha qorti ta’ Stat Membru ieħor irrinunzjat għall-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni hija marbuta mill-konstatazzjoni dwar il-validità ta’ din il-klawżola, li tinsab fil-motivi tas-sentenza.

61.      B’hekk, din trid tkun taf x’inhi l-portata tal-effetti maħluqa mis-sentenza dwar in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u tistaqsi, b’mod partikolari, jekk hijiex marbuta mill-motivazzjoni dwar l-eżistenza u l-validità tal-klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati Islandiżi, liema ħaġa tkun ta’ ostaklu għad-dikjarazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha stess.

62.      Il-pożizzjonijiet sostnuti matul din il-proċedura jistgħu jiġu miġbura fi tliet teżijiet.

63.      Għall-ewwel waħda minnhom, sostnuta minn Krones AG, Gothaer et kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż, l-effett tar-rikonoxximent tad-deċiżjoni huwa esklużivament negattiv, fis-sens li jestendi biss għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fl-ewwel lok. Krones AG issostni li l-osservanza tal-effett negattiv tas-sentenza ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni għandu jinftiehem bħala effett vinkolanti awtonomu, li jintemm fil-konstatazzjoni li l-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fl-ewwel lok ma għandhiex ġurisdizzjoni. Kull kunsiderazzjoni oħra ma torbotx lill-qrati tal-Istati Membri l-oħra, peress li la r-Regolament Nru 44/2001 u lanqas il-Konvenzjoni ta’ Lugano ma jawtorizzaw lill-qorti li quddiemha tressqet l-azzjoni li tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri l-oħra jew tal-Istati kontraenti. Skont Krones AG, ma tista’ tiġi ammessa ebda limitazzjoni għall-evalwazzjoni ħielsa mill-qorti Ġermaniża tal-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk, ir-raġunijiet għal rifjut tar-rikonoxximent imsemmija fl-Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-regolament ma japplikawx għas-sentenzi li jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni. Gothaer et jikkonkludu bl-istess mod minħabba li r-regolament imsemmi ma jinkludix fih mekkaniżmu ta’ rinviju vinkolanti minn qorti għal oħra u li mill-ekonomija tal-Kapitolu III tiegħu jirriżulta li kull Stat Membru għandu dejjem jiddeċiedi huwa stess jekk il-qrati tiegħu għandhomx ġurisdizzjoni. Fir-rigward tal-Gvern Ġermaniż, dan josserva li hija kull qorti li tittressaq azzjoni quddiemha li għandha tevalwa, skont id-dritt applikabbli fit-territorju tagħha, il-validità tal-klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lil qorti ta’ Stat terz. Barra minn hekk, fil-fehma ta’ dan, il-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini tiffissa l-limitu tal-portata tal-effett tar-rikonoxximent u sentenza provenjenti minn Stat Membru ma tistax toħloq fl-Istat Membru rikjest effetti iktar wesgħin minn dawk ikkonferiti lil sentenza paragunabbli mogħtija f’dan l-Istat.

64.      B’mod oppost għal din l-interpretazzjoni, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni jsostnu li l-Istati Membri huma marbuta li jirrikonoxxu mhux biss id-dispożittiv tad-deċiżjoni, iżda anki l-motivazzjoni tad-deċiżjoni relattiva għall-validità tal-klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni. Skont il-Gvern Belġjan, ir-res judicata ta’ sentenza testendi għal dak li, minħabba l-kontestazzjoni esposta quddiem il-qorti u suġġetta għall-kontradizzjoni tal-partijiet, jikkostitwixxi, anki jekk b’mod impliċitu, il-bażi neċessarja tas-sentenza. Il-Kummissjoni tqis li t-teorija tal-estensjoni tal-effett għandha tapplika mingħajr ma ssir distinzjoni skont jekk is-sentenza dwar il-validità tal-klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni twassalx għall-konferma tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li tressqet l-azzjoni quddiemha jew għall-esklużjoni tagħha. Fil-fehma tagħha, is-soluzzjoni ma tistax tiddependi mill-punt jekk, skont id-dritt nazzjonali tal-qorti li quddiemha tressqet l-azzjoni fl-ewwel lok, il-konstatazzjoni dwar il-validità tal-klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni saritx “definittiva” jew le.

65.      Finalment, skont teżi intermedjarja, sostnuta minn Samskip GmbH kif ukoll mill-Gvernijiet tal-Awstrija u tal-Isvizzera, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi s-sentenzi ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor dwar il-validità ta’ konvenzjoni li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni, iżda biss meta, skont id-dritt nazzjonali tal-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fl-ewwel lok, il-konstatazzjoni dwar il-validità tal-konvenzjoni “issir res judicata” jew “ikollha effett vinkolanti”. B’riferenza kemm għar-Rapport Jénard kif ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju tal-estensjoni tal-effett (35), il-Gvernijiet tal-Awstrija u tal-Isvizzera jqisu li l-prinċipju tar-rikonoxximent għandu jkollu l-konsegwenza li “jattribwixxi lis-sentenzi l-awtorità u l-effettività li jgawdu minnhom fl-Istati fejn ikunu ingħataw” (36).

66.      Jiena naderixxi mat-tieni waħda mit-tliet teżijiet proposti. Fil-fehma tiegħi, is-sentenza li permezz tagħha l-qorti ta’ Stat Membru tkun iddeċidiet dwar il-ġurisdizzjoni tagħha wara li tkun eżaminat il-validità u l-portata ta’ klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni ma hijiex, fis-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001, sentenza bħall-oħrajn u għandha, fid-dawl tan-natura partikolari tagħha, toħloq effett extra territorjali speċifiku, uniformi u awtonomu.

67.      Jiena nqis li s-sentenza ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni hija vinkolanti fuq il-qorti tal-Istat Membru rikjest, peress li din ma tistax, mingħajr ma tirrendi sentenza irrikonċiljabbli ma’ dik preċedenti, tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni għar-raġuni li l-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini għandha ġurisdizzjoni. Mingħajr dan l-effett minimu, ir-rikonoxximent tas-sentenza ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ikun imċaħħad minn kull portata. Barra minn hekk, Krones AG tammetti dan l-effett, filwaqt li tqis, mhux mingħajr ċerta kontradizzjoni, li s-sentenza li tiċħad rikors minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li tressqet l-azzjoni quddiemha ma hijiex “sentenza”, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001.

68.      Barra minn hekk, jiena nqis li l-effett vinkolanti marbut mas-sentenza ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni għandu neċessarjament jiġi estiż għall-konstatazzjoni relattiva għall-validità u għall-portata tal-klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, indipendentement mir-res judicata attribwita jew le lil din il-konstatazzjoni mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini jew minn dak tal-Istat Membru rikjest.

69.      Qabel kollox, jiena nibbaża l-pożizzjoni tiegħi fuq l-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, sussegwentement, fuq l-ekonomija ġenerali tad-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ dan ir-regolament dwar il-ġurisdizzjoni u, finalment, fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

1.      L-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001

70.      Kif diġà indikajt fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż sabiex jiffavorixxi l-fiduċja reċiproka tal-qrati fi ħdan l-Unjoni, sabiex jiffaċilita r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni mħaffa tas-sentenzi tal-qrati, sabiex jiżgura l-prevedibbiltà tal-qrati kompetenti u, għalhekk, iċ-ċertezza legali għall-individwi, sabiex jiżgura l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u sabiex inaqqas ir-riskji ta’ proċeduri konfliġġenti.

71.      Fil-fehma tiegħi, dawn l-għanijiet jipprekludu li lill-qorti li quddiemha huwa invokat ir-rikonoxximent ta’ sentenza barranija tiġi rrikonoxxuta s-setgħa li terġa’ tevalwa l-portata u l-validità ta’ klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni li abbażi tagħha l-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni.

72.      Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri li jiġġustifika, b’mod partikolari, il-karattru awtomatiku tar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet barranin, il-limitazzjoni tal-motivi ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent, l-esklużjoni tal-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini jew in-nuqqas ta’ reviżjoni fil-mertu jimplika, fil-fatt, li kull qorti ta’ Stat Membru għandha tikkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri l-oħra bħala ekwivalenti għal tagħha. Minn dan jirriżulta li, meta, fost dawn il-qrati ta’ livell ugwali, waħda minnhom kellha, sabiex teżamina l-ġurisdizzjoni tagħha stess, tiddeċiedi preliminarjament fir-rigward tal-validità u tal-portata ta’ klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor li quddiemha huwa invokat ir-rikonoxximent ta’ din is-sentenza ma għandhiex tagħmel apprezzament ġdid.

73.      Livell għoli ta’ fiduċja reċiproka huwa neċessarju iktar u iktar meta l-qrati tal-Istati Membri jintalbu sabiex japplikaw regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni diretta.

74.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 u dawk dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qrati, imsemmija fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament, ma jikkostitwixxux gruppi distinti u awtonomi, iżda huma marbuta b’mod strett (37).

75.      Dan ġie enfasizzat kemm-il darba mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta ddeċidiet, f’sitwazzjonijiet ta’ lis alibi pendens, li, meta l-ġurisdizzjoni tkun iddeterminata direttament mir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li huma komuni għaż-żewġ qrati, dawn ir-regoli jistgħu jiġu interpretati u applikati bl-istess awtorità minn kull waħda minnhom, u l-qorti tal-Istat tal-oriġini tkun tinsab f’sitwazzjoni aħjar sabiex tiddeċiedi mill-qorti tal-Istat rikjest (38). Fil-fehma tiegħi, l-ugwaljanza tal-qrati tal-Unjoni fir-rigward tar-regoli tal-ġurisdizzjoni teżiġi l-uniformità tal-effetti marbuta mas-sentenzi mogħtija minnhom b’applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

76.      Għalkemm, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-prorogazzjoni tal-ġurisdizzjoni bi ftehim, ma japplikax, peress li l-klawżola inkwistjoni tattribwixxi ġurisdizzjoni lil qorti ta’ Stat li ma huwiex Membru tal-Unjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-Konvenzjoni ta’ Lugano, li r-Repubblika tal-Islanda hija parti għaliha, tinkludi fiha, fl-Artikolu 23 tagħha, dispożizzjoni ekwivalenti.

77.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, riferiment għal-liġi tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini jew għal dik tal-qorti tal-Istat Membru rikjest għad-determinazzjoni tal-portata tal-effetti mogħtija lis-sentenza ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jwassal, fil-każ fejn din il-liġi ma tagħtix is-saħħa ta’ res judicata lill-konstatazzjoni relattiva għall-validità u għall-portata tal-klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, sabiex tiġi awtorizzata evalwazzjoni ġdida tal-kwistjoni mill-qorti rikjesta, ta’ natura li tolqot il-prevedibbiltà tar-regoli tal-ġurisdizzjoni kemm mir-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll mill-Konvenzjoni ta’ Lugano u sabiex jinkiser, bħala konsegwenza, il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

78.      Jekk jiġi ammess li l-qorti tal-Istat Membru rikjest tista’ tikkunsidra bħala nulla l-klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni li l-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini rrikonoxxiet bħala valida, dan ikun imur direttament kontra l-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-reviżjoni fil-mertu tas-sentenza barranija, li jipprekludi lill-ewwel qorti milli tirrifjuta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija mill-ewwel qorti minħabba li din tkun iddeċidiet f’sens differenti.

79.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-determinazzjoni tas-setgħa tar-res judicata li kull liġi nazzjonali tattribwixxi lill-motivi ta’ sentenza hija eżerċizzju li jista’ jirriżulta diffiċli (39). B’hekk, fil-każ, frekwenti, fejn, bħal f’din il-kawża, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni hija rregolata minn kwistjoni fil-mertu, l-abbandun għad-dritt nazzjonali tad-determinazzjoni ta’ liema huma l-effetti marbuta mal-motivi li jiddeċiedu l-kwistjoni fil-mertu joħloq inċertezza, għall-partijiet, fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati nazzjonali li jistgħu jittresqu l-kawżi quddiemhom u jikkomplika l-inkarigu tal-qorti nazzjonali li quddiemha jiġi invokat ir-rikonoxximent.

80.      Finalment, inqis li l-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001 jimplikaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-motivi li ddeċidew il-kwistjoni fil-mertu li fuqha kienet tiddependi l-ġurisdizzjoni. Argument ieħor favur din is-soluzzjoni jista’ jinstab fl-ekonomija tar-regoli proċedurali li jinsabu f’dan ir-regolament, li għandha tiġi eżaminata issa.

2.      L-ekonomija ġenerali tad-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni

81.      Wieħed mis-sinjali li l-iktar juru kemm ir-Regolament Nru 44/2001 jiffavorixxi l-moviment liberu tas-sentenzi fi ħdan l-Unjoni huwa l-prinċipju li jgħid li n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ma huwiex raġuni għal rifjut tar-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija minnha, ħlief fil-każijiet elenkati b’mod limitat fl-Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-regolament (40). Minn dan il-prinċipju jirriżulta li sentenza fil-mertu tista’ tiġi rrikonoxxuta anki jekk din tkun ingħatat bi ksur tar-regoli komuni tal-ġurisdizzjoni diretta msemmija fil-Kapitolu II tar-regolament imsemmi u anki jekk ma saret ebda diskussjoni dwar il-ġurisdizzjoni bejn il-partijiet.

82.      L-esklużjoni tal-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini timplika b’mod korrelattiv ir-restrizzjoni tas-setgħa tal-qorti tal-Istat Membru rikjest li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess. Fil-fatt, għalkemm il-qorti nazzjonali tiddetermina biss il-ġurisdizzjoni tagħha stess, peress li r-Regolament Nru 44/2001 ma jawtorizzax l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti minn qorti ta’ Stat Membru ieħor (41), xorta jibqa’ l-fatt li s-sentenza mogħtija mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess ikollha neċessarjament il-konsegwenza, indiretta, li tolqot il-ġurisdizzjoni tal-qrati l-oħra tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, l-eżerċizzju minn qorti tal-Unjoni tal-obbligu ta’ verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha stess jinvolvi restrizzjoni fuq is-setgħa tal-qrati l-oħrajn li jivverifikaw il-ġurisdizzjoni tagħhom. B’hekk, il-ħtieġa fundamentali ta’ uniformità tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jimplika li l-portata ta’ din ir-restrizzjoni tkun iddefinita b’mod uniformi, mingħajr ma din tista’ tvarja skont ir-regoli nazzjonali ta’ fejn tinsab ir-res judicata.

83.      Argument f’dan is-sens jista’, fil-fehma tiegħi, jinstab fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 44/2001 li, fil-każ fejn il-qorti li quddiemha jiġi invokat ir-rikonoxximent tista’, b’mod eċċezzjonali, tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini, jistabbilixxi, madankollu, li l-qorti rikjesta hija marbuta mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha. Għalhekk, din ir-regola tiffissa, qabel kollox, il-fiduċja li jimmeritaw il-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-qorti barranija, indipendentement mir-res judicata attribwita jew le lil dawn il-konstatazzjonijiet mid-dritt proċedurali tal-Istat Membru tal-oriġini jew minn dak tal-Istat Membru rikjest.

84.      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni li qiegħed nipproponi tidher li hija neċessarja fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

3.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

85.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (42).

86.      Dan il-prinċipju ġie kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, “l-istess valur legali bħat-Trattati”.

87.      B’mod partikolari, dan jimplika li kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

88.      Iċ-ċħid tal-effett vinkolanti marbut mas-sentenza tal-qorti tal-oriġini li, qabel l-eżami tal-ġurisdizzjoni tagħha, tiddeċiedi l-kwistjoni tal-validità u tal-portata ta’ klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, jikser il-prinċipju msemmi billi joħloq riskju serju ta’ kunflitt negattiv ta’ ġurisdizzjoni, li jwassal għal nuqqas totali ta’ protezzjoni ġudizzjarja. Bħala eżempju, fil-każ fejn qorti tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni minħabba l-eżistenza ta’ klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lil qorti oħra, din tal-aħħar, jekk tikkunsidra li l-klawżola hija nulla, tista’ hija wkoll tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, it-teżi sostnuta minn Krones AG u minn Gothaer et, li tgħid li l-ewwel deċiżjoni għandha biss l-effett li ċċaħħad lill-qorti li quddiemha tressqet azzjoni fit-tieni lok milli tirrifjuta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha “għar-raġuni li hija l-qorti tal-Istat li quddiemha tressqet azzjoni fl-ewwel lok li għandha l-ġurisdizzjoni”, tidhirli li għandha kontradizzjoni interna, peress li din tobbliga li jittieħdu inkunsiderazzjoni motivi li għalihom il-qorti ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni, filwaqt li tiċħad b’mod parallel kull effett vinkolanti lil dawn il-motivi.

89.      Fil-qosor, inqis li l-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001 u l-ekonomija ġenerali tad-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ dan ir-regolament, kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplikaw li l-evalwazzjoni relattiva għall-validità u għall-portata tal-klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni għandha tiġi kkonċentrata fuq qorti tal-Unjoni waħda biss, peress li l-qorti tal-Istat Membru rikjest għandha biss id-dritt ta’ eżami fil-każijiet, elenkati b’mod limitat, fejn din hija awtorizzata li tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini. Minn dan jirriżulta li l-qorti tal-Istat Membru rikjest għandha tkun marbuta bil-konstatazzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini, anki jekk din tinstab fil-motivi tas-sentenza, indipendentement mir-res judicata marbuta ma’ dawn il-motivi skont id-drittijiet nazzjonali.

90.      Is-soluzzjoni li nipproponi li tiġi adottata ma tidhirlix li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għadha ma adottatx deċiżjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni.

91.      B’risposta għal domanda preliminari dwar l-effetti, fis-sistema legali Olandiża, ta’ sentenza li tikkundanna għall-ħlas ta’ pensjoni alimentari adottata minn qorti Ġermaniża u li kienet saret eżegwibbli fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Hoffmann, iċċitata iktar ’il fuq, li “sentenza barranija rikonoxxuta […] għandha fil-prinċipju jkollha, fl-Istat rikjest, l-istess effetti bħal dawk li hija għandha fl-Istat tal-oriġini” (43), filwaqt li ma din ir-regola bażika żiedet l-affermazzjoni li tgħid li “deċiżjoni barranija, li saret eżegwibbli fl-Istat kontraenti […] u li tibqa’ suġġetta għall-eżekuzzjoni fl-Istat tal-oriġini, ma għandhiex tibqa’ eżegwita fl-Istat rikjest meta, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat, l-eżekuzzjoni ma tistax isseħħ iktar minħabba raġunijiet li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni [ta’ Brussell]” (44).

92.      Iktar riċenti, fis-sentenza Apostolides, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, “jekk ir-rikonoxximent għandu jkollu l-effett, bħala prinċipju, li jagħti lis-sentenzi l-awtorità u l-effikaċja li minnhom igawdu fl-Istat Membru fejn dawn ingħataw […], madankollu ma teżisti l-ebda raġuni li sentenza tingħata, meta tiġi eżegwita, drittijiet li ma japplikawx għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini […] jew tal-effetti li ma jwasslux għal sentenza tal-istess tip mogħtija direttament fl-Istat Membru ” (45).

93.      Madankollu, inqis li din il-ġurisprudenza, li tikkonċerna l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-mertu li għandhom ikunu s-suġġett ta’ traduzzjoni f’kull waħda mis-sistemi legali nazzjonali, ma tistax tiġi applikata għas-sentenzi li jiddeċiedu fuq il-ġurisdizzjoni internazzjonali. Għalkemm l-eteroġeneità tas-sistemi legali nazzjonali tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett prodott mis-sentenza fl-Istat Membru tal-oriġini, ħlief sabiex tiġi kkoreġuta s-soluzzjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, meta s-sentenza toħloq effetti li ma humiex magħrufa fl-Istat Membru rikjest, l-effetti li toħloq sentenza simili adottata f’dan l-Istat, is-sentenzi tal-qrati li jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom abbażi tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano huma kkaratterizzati mill-omoġeneità tagħhom u għandhom, konsegwentement, jobdu sistema xierqa. Għar-raġunijiet li esponejt iktar ’il fuq, dawn l-istrumenti, li jistabbilixxu regoli ta’ ġurisdizzjoni validi għall-qrati tal-Istati Membri kollha, li l-għan tagħhom huwa li għall-istess kwistjoni tingħata sentenza waħda biss li għandha portata internazzjonali, jimplikaw l-għoti ta’ effett vinkolanti identiku u uniformi lis-sentenzi li jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni, indipendentement mir-res judicata attribwita lil dawn is-sentenzi fl-Istati Membri.

94.      L-oġġezzjonijiet imressqa minn Krones AG u minn Gothaer et kontra dan l-effett vinkolanti ma jikkonvinċunix.

95.      L-ewwel oġġezzjoni tirrigwarda l-fatt li l-Artikoli 26(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u 20(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano jimponu fuq kull qorti li għandha azzjoni quddiemha l-obbligu li tivverifika ex officio l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha. B’hekk, ir-rikonoxximent ta’ effett vinkolanti lill-konstatazzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini dwar il-validità u l-portata tal-klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni għandu l-effett li jipprekludi lill-qorti tal-Istat Membru rikjest milli twettaq din il-verifika.

96.      Għalkemm il-konstatazzjoni tidhirli li hija tajba, jiena ma nasalx għall-istess konklużjonijiet bħal Krones AG u Gothaer et. L-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jitqies bħala dispożizzjoni ta’ protezzjoni tal-konvenut domiċiljat fl-Unjoni li għandu dritt għar-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-intervent tal-ewwel qorti inkarigata sabiex tapplika r-regoli inkwistjoni jiżgura l-osservanza tar-dritt tiegħu u jirrendi superfluwu l-intervent ta’ qorti oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kieku l-konstatazzjoni tal-qorti tal-oriġini dwar il-validità u l-portata tal-klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni kienet saret fil-parti dispożittiva tas-sentenza, din kienet tkun vinkolanti fuq il-qorti li quddiemha jiġi invokat ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni.

97.      It-tieni oġġezzjoni bbażata fuq il-fatt li r-rifjut tar-rikonoxximent b’applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jagħmilx sens għal sentenza ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, lanqas ma tidhirli li hija konvinċenti. Fil-fatt, jidhirli li, meta l-effett irrikonoxxut lis-sentenzi ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ma jkunx esklużivament negattiv, ir-rifjut tar-rikonoxximent ma jkunx nieqes mill-konsegwenzi legali. B’hekk, pereżempju, jekk qorti Belġjana, li jkollha quddiemha azzjoni għall-ħlas tal-kera minn kerrej ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja, tkun iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni wara li tkun qieset bħala valida klawżola tal-kuntratt tal-kera li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati Islandiżi, il-qorti Ġermaniża, imsejħa sabiex tippronunzja ruħha b’mod inċidentali fuq ir-rikonoxximent tas-sentenza Belġjana, ikollha tirrifjuta li tirrikonoxxi din is-sentenza b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 35(3) u l-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

98.      Dawn huma r-raġunijiet għalfejn nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini tkun iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni wara li tkun iddeċidiet preliminarjament, fil-motivi tas-sentenza, dwar il-validità u l-portata ta’ klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, il-qorti tal-Istat Membru rikjest hija marbuta minn din il-konstatazzjoni, indipendentement mir-res judicata li hija mogħtija lilha mil-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini jew dik tal-Istat Membru rikjest, ħlief fil-każ fejn l-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-regolament jawtorizza lil din il-qorti sabiex tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini.

V –    Konklużjoni

99.      Fid-dawl tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, nipproponi li jingħataw ir-risposti segwenti għad-domandi preliminari mressqa mil-Landgericht Bremen:

L-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        tifforma parti mill-kunċett ta’ “sentenza”, skont ir-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza li permezz tagħha l-qorti ta’ Stat Membru tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, kemm jekk tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni jew li ma għandhiex ġurisdizzjoni, u huwa irrilevanti jekk din id-deċiżjoni tkunx ikkwalifikata bħala “sentenza dwar l-ammissibbiltà” mil-liġi tal-Istat Membru li fih tressqet l-azzjoni, u

–        meta l-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini tkun iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni wara li tkun preliminarjament iddeċidiet, fil-motivi tas-sentenza, dwar il-validità u l-portata ta’ klawżola ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, il-qorti tal-Istat Membru rikjest tkun marbuta minn din il-konstatazzjoni, indipendentement mir-res judicata li tingħatalha mil-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini jew minn dik tal-Istat Membru rikjest, ħlief fil-każ fejn l-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jawtorizza lil din il-qorti sabiex tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


3 – Iktar ’il quddiem “Gothaer et”.


4–      ĠU 2009, L 147, p. 5, iktar ’il qudiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano”.


5 – ĠU C 59, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Rapport Jénard”.


6 – Il-Gvern Ġermaniż jirreferi għas-sentenzi Hoffmann, iċċitata iktar ’il fuq (punt 11), kif ukoll tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, Ġabra p. I‑3571, punt 66).


7 – Sentenza tat-27 ta’ April 2004, Turner (C‑159/02, Ġabra p. I‑3565, punt 25).


8 – Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, Ġabra p. I‑9657).


9 – ĠU 1979, C 59, p. 71, iktar ’il quddiem ir-“Rapport Schlosser”.


10 – Dokument intitolat “Perizja fuq ir-rilevanza fuq skala Ewropea tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ azzjoni minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-Konvenzjonijiet ta’ Lugano”.


11 – Sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et (C‑167/08, Ġabra p. I‑3477, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse (C‑347/08, Ġabra p. I‑8661, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 –      ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”.


13 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland (C‑406/09, Ġabra p. I‑9773, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 – Sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, Ġabra p. I‑2237, punt 17), u Mærsk Olie & Gas, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).


15 –      Sentenza tat-21 ta’ Mejju 1980 (125/79, Ġabra p. 1553, punt 17).


16 – Sentenza Mærsk Olie & Gas, iċċitata iktar ’il fuq (punti 50 sa 52).


17 –      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1995, Hengst Import (C‑474/93, Ġabra p. I‑2113, punt 14).


18 –      Sentenza tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, Ġabra p. I‑2563, punt 23).


19 –      Enfasi miżjuda minni.


20 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Solo Kleinmotoren (punt 17) kif ukoll Mærsk Olie & Gas (punt 45).


21 – Sentenza Solo Kleinmotoren, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18).


22 – Pereżempju, deċiżjoni mogħtija għal miżuri provviżorji. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-6 ta’ Ġunju 2002, Italian Leather (C‑80/00, Ġabra p. I‑4995, punt 41).


23–      Idem.


24–      Paġna 42.


25–      Punt 184.


26–      Punt 191.


27–      Idem


28 –      Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML (C‑283/05, Ġabra p. I‑12041, punt 23).


29 – Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, Ġabra p. I‑4107, punt 49).


30 –      L-Artikolu 35(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(3) u ta’ dan ir-regolament.


31 – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(3) tar-regolament imsemmi.


32 –      Paġna 46.


33 –      L-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 44/2001.


34 –      C‑116/02, Ġabra p. I‑14693.


35 – Sentenza Hoffmann, iċċitata iktar ’il fuq.


36 –      Punti 10 u 11.


37 –      Sentenza tas-21 ta’ Ġunju 2012, Wolf Naturprodukte (C‑514/10, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Turner (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll TNT Express Nederland (punt 55).


39 – Bħala eżempju, nirrileva li l-affermazzjoni li tinsab fl-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li tgħid li, fi Franza, l-effett vinkolanti “ma jillimitax ruħu għall-parti dispożittiva tas-sentenza, iżda huwa estiż għall-elementi kollha marbuta b’mod indissoċjabbli ma’ din tal-aħħar li jinsabu fil-motivazzjoni”, hija ineżatta fir-rigward tal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Kassazzjoni li, f’sentenza mogħtija f’seduta plenarja fit-13 ta’ Marzu 2009, abbandunat it-teorija tal-motivi deċiżorji u qieset li s-setgħa tar-res judicata tapplika biss fir-rigward ta’ dak li jiġi deċiż fil-parti dispożittiva.


40 – Huwa biss f’ċerti oqsma partikolarment sensittivi li l-qorti tal-Istat Membru rikjest tista’ tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti li adottat is-sentenza. Fil-fatt, din tista’ biss tiċħad kull effett lis-sentenza barranija f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-assigurati jew lill-konsumaturi jew tar-regoli tal-ġurisdizzjoni “esklużiva” stabbiliti fit-Taqsima 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 f’ċerti oqsma, bħad-drittijiet reali immobiljari jew il-kirjiet ta’ proprjetà immobbli.


41 – Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza Turner, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).


42 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, Ġabra p. I‑13849, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43 –      Punt 11.


44 –      Punt 18.


45 –      Punt 66. Ara, ukoll, is-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments (C-139/10, Ġabra p. I‑9511, punt 38) u tas-26 ta’ April 2012, Health Service Executive (C-92/12 PPU, punt 142).