Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Mejju 2019 – Interseroh Dienstleistungs GmbH vs Land Nordrhein-Westfalen

(Kawża C-353/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Interseroh Dienstleistungs GmbH

Konvenut: Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja)

Domandi preliminari

1.

(a)

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart 1 , b’mod partikolari l-Anness III tiegħu, moqri flimkien mat-taqsima B 3020 tal-Anness IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-paragrafi li jidhru f’din it-taqsima jikkorrispondu għal diversi taqsimiet individwali fis-sens tar-Regolament Nru 1013/2006?

(b)

Fil-każ li l-parti (a) tal-ewwel domanda għandha tingħata risposta negattiva:

It-taqsima B 3020 tinkludi taħlit ta’ skart ta’ karti u kartun li jinkludi, minbarra ppakkjar ħafif tal-karti u tal-kartun, ippakkjar għal likwidi tal-kartun laminat, bħall-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali?

2.

Fil-każ li l-parti (b) tal-ewwel domanda għandha tingħata risposta affermattiva:

(a)

It-taqsima B 3020, b’mod partikolari r-raba’ paragrafu tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-iskart ikkonċernat ma għandu jinkludi ebda materjal barrani, jiġifieri li skart ma jistax jiġi kklassifikat taħt din it-taqsima jekk jinkludi materjal ieħor li ma jkunx skart u ruttam ta’ karti jew kartun (materjal barrani), indipendentement mill-kwantità u mill-perikolu tiegħu?

(b)

Fil-każ li l-parti (a) tat-tieni domanda għandha tingħata risposta negattiva:

Il-preżenza ta’ materjal barrani fi skart tista’ tipprekludi, minħabba, b’mod partikolari, il-kwantità ta’ dan il-materjal, li dan l-iskart ikun jaqa’ taħt it-taqsima B 3020, b’mod partikolari r-raba’ paragrafu tagħha, anki meta l-kundizzjonijiet tar-rekwiżit ġenerali ta’ informazzjoni tal-Anness III tar-Regolament Nru 1013/2006 ma jkunux issodisfatti, jiġifieri dan l-iskart ikun ikkontaminat b’materjal ieħor sa punt li ma jiżdidux ir-riskji assoċjati ma’ dan l-iskart b’mod suffiċjenti li jkun xieraq li dan jiġi ssuġġettat għall-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel, fid-dawl tal-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE 3 , u sa punt li ma jimpedixxix l-irkupru ta’ dan l-iskart b’mod ambjentalment san?

3.

Fil-każ li għall-parti (b) tal-ewwel domanda għandha tingħata risposta negattiva:

(a)

Il-punt 3(g) tal-Anness IIIA tar-Regolament Nru 1013/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-taħlit ta’ skart ikkonċernat ma għandu jinkludi ebda materjal barrani, jiġifieri li taħlit ta’ skart ma jistax jaqa’ taħt dan il-punt jekk jinkludi skart ieħor li ma jkunx l-iskart elenkat fl-ewwel tliet paragrafi tat-taqsima B 3020 (materjal barrani), indipendentement mill-kwantità u mill-perikolu tiegħu?

(b)

Fil-każ li għall-parti (a) tat-tielet domanda għandha tingħata risposta negattiva:

Il-materjal barrani li l-preżenza tiegħu ma teskludix fi kwalunkwe każ l-inklużjoni taħt il-punt 3(g) tal-Anness IIIA tar-Regolament Nru 1013/2006 jinkludi wkoll skart li, ikkunsidrat separatament, jaqa’ taħt ir-raba’ paragrafu tat-taqsima B 3020 ?

____________

1         ĠU 2006, L 190, p. 1.

2         Konvenzjoni ta’ Basel tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu.

3         Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).