Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-683/15, Freistaat Bayern vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-167/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Herrmann, T. Maxian Rusche, P. Němečková, rappreżentanti)

Parti oħra fil-proċedura: Freistaat Bayern

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara l-ewwel motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali bħala infondat;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-bqija tal-motivi;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell, jew, b’mod alternattiv, fil-każ li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell għas-sentenza finali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju:

Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 60 sa 67 tas-sentenza appellata, meta ddefinixxiet ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ, wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 1 u tal-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni: huwa biss f’każijiet eċċezzjonali u f’ċirkustanzi speċjali li s-sors finanzjarju tal-għajnuna għandu jissemma fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.

It-tieni aggravju:

Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 53 sa 58 u 62 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjoni ta’ ftuħ u b’hekk wettqet żball ta’ motivazzjoni u naqset milli twieġeb għall-argumenti tal-Kummissjoni; effettivament, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tkopri l-metodu tal-finanzjament mill-baġit.

It-tielet aggravju:

Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni relatata ma’ dan l-artikolu, sa fejn din bdiet mill-premessa li d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni ta’ terzi għandhom in-natura ta’ formalità essenzjali għall-finijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Ir-raba’ aggravju:

Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 72 sa 75 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat id-dritt ta’ parteċipazzjoni stabbilit fl-Artikolu 108(2) u (3) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni dwar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt ta’ parteċipazzjoni, sa fejn din ikkonstatat li l-osservazzjonijiet tal-partijiet dwar il-kwistjoni jekk il-baġit kienx jikkostitwixxi jew le riżorsi tal-Istat setgħu jbiddlu l-eżitu tal-proċedura. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ukoll il-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE u l-kunċett ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 108(1) TFUE, żnaturat il-fatti kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata u mressqa quddiemha, u ma eżaminatx l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu  1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).