Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-384/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Manhaeve u E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 7(1) u (5), u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2007/60/KE 1 fir-rigward tad-distretti ta’ baċini tax-xmara ES120 Gran Canaria; ES122 Fuerteventura; ES123 Lanzarote; ES124 Tenerife; ES125 La Palma; ES126 La Gomera u ES127 El Hierro.

tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2007/60/KE fir-rigward tad-distretti ta’ baċini tax-xmara ES120 Gran Canaria, ES122 Fuerteventura u ES125 La Palma.

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Mill-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet Spanjoli jirriżulta li Spanja la stabbilixxiet, u lanqas ma kkompletat u ppubblikat, sat-terminu tat-22 ta’ Diċembru 2015 stabbilit mid-Direttiva, il-pjanijiet ta’ mmaniġġar tar-riskju ta’ għargħar b’rabta mad-distretti ta’ baċini tax-xmara ES120 Gran Canaria, ES122 Fuerteventura, ES123 Lanzarote, ES124 Tenerife, ES125 La Palma, ES126 La Gomera y ES127 El Hierro. Il-Kummissjoni lanqas ma rċeviet kopja tal-imsemmija pjanijiet, kif inhu rikjest mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva.

Min-naħa l-oħra, fi tliet distretti ta’ baċini tax-xmara – ES120 Gran Canaria; ES122 Fuerteventura y ES125 La Palma – il-fażi ta’ informazzjoni u konsultazzjoni pubblika għadha ma seħħietx jew, fi kwalunkwe każ, għadha ma ġietx iffinalizzata. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2007/60/KE fir-rigward tat-tliet distretti ta’ baċini tax-xmara.

____________

1 Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji ta’ l-għargħar (ĠU 2007, L 288, p. 27).